L-Abbuż tal-Bulijiet—X’Jikkaġunah u X’Effetti Jħalli
XI JĠIEGĦEL lil tifel biex jagħmilha taʼ bùli maʼ l-oħrajn? Jekk int ġieli sfajt vittma taʼ xi bùli, għandek mnejn titħajjar tgħid, “Ma jimpurtanix! M’hemmx skuża għal min iġib ruħu b’dan il-mod.” U probabbilment għandek raġun. Imma hemm differenza kbira bejn raġuni u skuża. Ir-raġunijiet għala tifel isir bùli ma jiskużawx l-imġiba ħażina tiegħu, imma jistgħu jgħinuna nifhmuha. U dehen bħal dan jistaʼ jkun tassew prezzjuż. Dan kif?
Proverbju antik jgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab.” (Proverbji 19:11) Jekk nirrabjaw għall-kondotta tal-bùli ma nibdewx naħsbu sew, u nimtlew bil-frustrazzjoni u l-mibegħda. Imma jekk nipprovaw nifhmu għala jaġixxi b’dan il-mod nistgħu ntaffu r-rabja tagħna. U dan, mill-banda l-oħra, se jgħinna nifhmu iktar ċar hekk kif infittxu soluzzjoni. Mela ejja nikkunsidraw xi fatturi li jikkaġunaw din l-imġiba mhux xierqa.
Xi Jqanqal lil Xi Wħud biex Ikunu Bulijiet?
F’ħafna każijiet iż-żmien li fih il-bùli jifforma l-karattru tiegħu jkun imħassar minħabba eżempju ħażin mill-ġenituri jew għax ikunu ttraskurawh għalkollox. Ħafna bulijiet jiġu minn djar fejn il-ġenituri jkunu bla affezzjoni jew indifferenti jew li, fil-fatt, ikunu huma stess li għallmu lil uliedhom jużaw ir-rabja u l-vjolenza biex isolvu l-problemi. Tfal li trabbew f’ambjent bħal dan għandhom mnejn ma jarawx l-attakki verbali tagħhom jew l-aggressjoni fiżika bħala atti taʼ bulijiet; għandhom mnejn saħansitra jaħsbu li l-imġiba tagħhom hija normali u aċċettabbli.
Tfajla taʼ 16-il sena li ġiet abbużata minn bùli f’darha stess, minn missierha tar-rispett, u l-iskola minn studenti sħabha tgħid li saret bùli meta telgħet fis-sebaʼ sena taʼ l-iskola. Hi tammetti: “Bażikament ġemmajt ħafna rabja ġo fija; kont naqbad maʼ kulmin jiġi quddiemi. L-uġigħ jeffettwak ħafna. Ladarba tħossok muġugħ, tkun trid lil ħaddieħor iħoss l-uġigħ ukoll.” Għalkemm ġeneralment il-bulijiet nisa ma jużawx din l-aggressjoni fiżika, imma dawn kollha jkollhom ir-rabja li tqanqalha.a
Ħafna skejjel ikollhom għadd kbir taʼ studenti li jkunu ġejjin minn sfondi differenti u li kellhom trobbija totalment differenti minn taʼ xulxin. B’dispjaċir, xi tfal ikunu aggressivi għax id-dar ikunu tgħallmu li l-aħjar mod kif tistaʼ tgħaddi tagħhom hu li jbeżżgħu lil oħrajn u jabbużawhom bil-kliem.
Sfortunatament, dawn il-metodi spiss jaħdmu. Shelley Hymel, li hi l-assistenta tal-kap taʼ l-edukazzjoni fl-Università tal-British Columbia, fil-Kanada, ilha tistudja l-imġiba tat-tfal għal għoxrin sena. Hi tgħid: “Għandna xi tfal li qed jitgħallmu kif jagħmlu biex tgħaddi tagħhom u sfortunatament, meta jagħmluha taʼ bulijiet jirnexxilhom. B’dan il-mod jieħdu dak li jridu—jieħdu l-poter, il-pożizzjoni u l-attenzjoni.”
Xi ħaġa oħra li tgħin biex ikun hemm il-bulijiet hi n-nuqqas taʼ superviżjoni. Ħafna vittmi jħossu li m’għandhomx fejn iduru għall-għajnuna—u l-fatt taʼ niket hu li ħafna drabi jkollhom raġun. Debra Pepler, direttriċi taċ-Ċentru LaMarsh għar-Riċerka biex Jitneħħew il-Vjolenza u l-Konflitti fl-Università taʼ York f’Toronto, osservat bir-reqqa lill-istudenti li jkunu f’bitħa taʼ l-iskola u sabet li l-għalliema jindunaw biss b’4 fil-mija taʼ l-inċidenti tal-bulijiet u jwaqqfuhom.
Madankollu, Dr. Pepler temmen li huwa vitali li xi ħadd jintervieni. Hi tgħid: “It-tfal m’humiex kapaċi jsolvu l-problema għaliex ikollha x’taqsam mal-poter, u kulmeta bùli jaqbad maʼ xi ħadd, hu jsaħħaħ il-poter li jkollu.”
Allura għala ma jiġux rapportati iktar każijiet taʼ l-abbuż tal-bulijiet? Għaliex il-vittmi huma konvinti li jekk jirrapportaw il-problema, din se tikber. Għalhekk, sa ċertu punt, ħafna żgħażagħ iqattgħu ż-żmien li jkunu l-iskola dejjem inkwetati u jħossuhom fil-periklu. X’inhu l-effett taʼ li jgħixu b’dan il-mod?
Effetti Fiżiċi u Emozzjonali
Rapport mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali taʼ Psikoloġi taʼ l-Iskejjel fl-Istati Uniti jgħid li kuljum iktar minn 160,000 tifel u tifla ma jmorrux l-iskola minħabba li jibżgħu li jiġu abbużati mill-bulijiet. Il-vittmi tal-bulijiet għandhom mnejn jieqfu jitkellmu dwar l-iskola jew dwar suġġett jew attività partikulari fl-iskola. Għandhom mnejn kuljum jipprovaw imorru l-iskola tard jew jitilfu xi lezzjonijiet jew saħansitra joħorġu bi skużi biex ma jmorrux l-iskola.
Kif jistgħu jiġu identifikati t-tfal li jkunu qed jiġu abbużati mill-bulijiet? Dawn jistgħu jibdew ibatu bil-burdati, jirritaw ruħhom malajr, iħossuhom frustrati, jew jidhru għajjenin u riservati żżejjed. Jistgħu jsiru aggressivi maʼ dawk tad-dar jew dawk taʼ mparhom u maʼ sħabhom. Dawk l-uħud li innoċentement jaraw lil xi ħadd jiġi abbużat mill-bulijiet ukoll ibatu l-konsegwenzi. Is-sitwazzjoni tqanqal ċertu biżaʼ fihom li jnaqqas l-abbiltà tagħhom biex jitgħallmu.
Madankollu, il-ġurnal Pediatrics in Review jgħid: “L-agħar konsegwenza għall-vittmi taʼ l-abbuż tal-bulijiet u għas-soċjetà hija l-vjolenza, inkluż is-suwiċidju u l-qtil. It-tfal li jkunu vittmi tant jibdew iħossuhom bla ħila li xi wħud minnhom jirreaġixxu b’tali mod li jkun taʼ ħsara għalihom jew ipattuha b’mod li jħalli konsegwenzi gravi.”
Dr. Ed Adlaf, xjenzat tar-riċerka u professur tax-xjenzi tas-saħħa pubblika fl-Università taʼ Toronto, jinkwieta li “dawk li huma involuti fl-abbuż tal-bulijiet għandhom iktar ċans li jgħaddu minn problemi emozzjonali issa u fil-futur.” Matul is-sena skolastika 2001, sar studju fuq iktar minn 225,000 student f’Ontario, u bejn kwart u terz minnhom kienu involuti f’xi forma t’abbuż tal-bulijiet, jew bħala vittmi jew bħala bulijiet. Fl-istess grupp, 1 minn kull 10 ħasbu bis-serjetà li jagħmlu suwiċidju.
L-abbuż persistenti tal-bulijiet jistaʼ jkisser il-kunfidenza tal-vittma, iġib problemi serji tas-saħħa, u saħansitra jħassar karriera. Dawk li jiġu abbużati mill-bulijiet jistgħu jesperjenzaw uġigħ taʼ ras, nuqqas taʼ rqad, ansjetà, u dipressjoni. Xi wħud jibdew ibatu mill-istress li jinħass wara ġrajja trawmatika. Waqt li l-attakki fiżiċi jistgħu jwasslu biex il-vittma jkollha ħafna min jissimpatizza magħha u jappoġġaha, l-attakki emozzjonali għandhom mnejn ma jqanqlux l-istess reazzjoni. Il-ħsara għandha mnejn tidher ħafna inqas. Allura minflok ma jissimpatizzaw mal-vittma, il-ħbieb u l-familja jistgħu jiddejqu jisimgħu l-ilmenti tagħha.
L-abbuż tal-bulijiet iħalli effetti taʼ ħsara anki fuq il-bulijiet stess. Jekk ma jitwaqqfux mit-tfulija, meta jikbru dawn wisq probabbli jibdew jabbużaw anki minn oħrajn fuq ix-xogħol. Fil-fatt, xi studji juru li dawk li kienu bulijiet miċ-ċokon żviluppaw ċerta mġiba regulari li baqgħet anki meta kibru. Kellhom ukoll ċans akbar li jsiru kriminali minn dawk li ma kinux bulijiet.
L-Effett fuq il-Familja
L-abbuż tal-bulijiet fil-post tax-xogħol jeffettwa l-istabbilità u t-trankwillità fid-dar. Jistaʼ jqanqal xewqa mhix spjegabbli fil-vittma biex tweġġaʼ lill-maħbubin tagħha d-dar. Iktar minn hekk, tistaʼ twassal lis-sieħeb jew lis-sieħba fiż-żwieġ jew lil membru tal-familja biex jiġġieled lill-bùli għax mingħalih ikun qed jiddefendi lill-vittma. Mill-banda l-oħra, xi ħadd miżżewweġ jistaʼ jwaħħal fil-parti l-oħra li tkun il-vittma talli tkun qalgħet l-inkwiet. Meta każijiet bħal dawn idumu jkarkru mingħajr ma jiġu solvuti, anki l-imseħbin li s-soltu jkunu taʼ appoġġ jibdew jitilfu s-sabar. Hekk kif jibdew jgħaddu s-snin, il-familja wisq probabbli tisfaxxa.
Kultant l-abbuż tal-bulijiet iwassal biex dak li jkun jitlef il-karriera u l-għajxien, jissepara u jiddivorzja, jew saħansitra jagħmel suwiċidju. Bejn nofs u żewġ terzi mill-Awstraljani li huma vittmi taʼ l-abbuż tal-bulijiet fil-post tax-xogħol irrapportaw effetti taʼ ħsara fuq ir-relazzjonijiet intimi tagħhom, jiġifieri mas-sieħeb jew sieħba li jgħixu magħha, mar-raġel jew il-mara tagħhom, jew mal-familja.
L-Abbuż tal-Bulijiet Jiswa Ħafna
L-abbuż tal-bulijiet fil-post tax-xogħol jiswa ħafna anki lil min iħaddem. Bùli fil-post tax-xogħol jistaʼ jkun l-imgħallem bi lsien velenuż jew xi sieħeb tax-xogħol li jikkomplotta minn wara dahrek u jistaʼ jkun kemm mara u kemm raġel. Dawn l-uħud jikkontrollaw iżżejjed, jiffittaw wisq fix-xogħol, u jċekknu lil oħrajn b’kummenti negattivi u bi kritika kontinwa, spiss billi jumiljaw il-vittma tagħhom quddiem l-oħrajn. Il-bulijiet rari jammettu kemm ikunu bla manjieri jew jiskużaw ruħhom għall-imġiba tagħhom. Spiss il-vittmi tagħhom ikunu ħaddiema kapaċi, leali, u maħbubin mill-impjegati sħabhom.
Il-ħaddiema li jiġu abbużati mill-bulijiet għandhom it-tendenza li jkunu inqas effiċjenti f’xogħolhom. Anki x-xogħol taʼ sħabhom li jaraw l-abbuż jiġi effettwat. L-abbuż tal-bulijiet jistaʼ jwassal lill-ħaddiema biex ikunu inqas leali lejn min iħaddimhom u inqas ħabrieka fix-xogħol. Rapport wieħed jgħid li l-bulijiet jiswew lill-industrija fir-Renju Unit iktar minn biljun lira Maltija kull sena. U jingħad li din l-imġiba tikkaġuna iktar minn 30 fil-mija tal-mard relatat maʼ l-istress.
Jidher ċar li l-abbuż tal-bulijiet jeffettwa s-soċjetà madwar id-dinja. Il-mistoqsija hi, Tistaʼ ssir xi ħaġa biex titrażżan il-problema u titneħħa għalkollox?
[Nota taʼ taħt]
a Il-bulijiet nisa ġeneralment iktar jużaw tattiċi bħal li jeskludu lill-vittma mill-attivitajiet u l-ħbiberiji u billi jxerrdu x-xnigħat. Madankollu, jidher li għadd li dejjem jiżdied minnhom qed jużaw il-vjolenza fiżika wkoll.
[Stampa f’paġna 7]
Il-vittmi taʼ l-abbuż kontinwu tal-bulijiet jistgħu jsiru dipressi u jħossuhom waħedhom
[Stampa f’paġna 7]
L-abbuż tal-bulijiet fil-post tax-xogħol b’dispjaċir huwa komuni ħafna