LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 9/8 pp. 17-19
  • Kif Nistaʼ Ma Nibqax Nipprova Nkun Perfett?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Ma Nibqax Nipprova Nkun Perfett?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Perfezzjoni—Mira li Tistaʼ Tintlaħaq?
  • Sir Raġunevoli f’Dak li Tistenna Minnek Innifsek
  • Keċċi l-​Ħsibijiet li Jkissruk!
  • Għala Nħossni li Għandi Nkun Perfett?
    Stenbaħ!—2003
  • Għala Għandna Negħlbu l-Perfezzjoniżmu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Jien perfezzjonist?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Ħajja Perfetta M’Hijiex Sempliċement Ħolma!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 9/8 pp. 17-19

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Ma Nibqax Nipprova Nkun Perfett?

“Bażikament il-​perfezzjoniżmu qed jikkontrollali ħajti.”​—Carly.

IL-​PERFEZZJONIŻMU​—li wieħed jemmen li jrid ikun assolutament perfett f’kulma jagħmel—inikket il-​ħsibijiet taʼ ħafna żgħażagħ.

Il-ktieb Perfectionism​—What’s Bad About Being Too Good? (Il-Perfezzjoniżmu—X’Hemm Ħażin f’li Tkun Tajjeb Iżżejjed?) jgħid: “Hemm differenza kbira bejn li b’mod xieraq tistinka biex jintlaħaq l-​aħjar livell u li titħabat għall-​ideal impossibbli b’mod li jkun taʼ ħsara għalik. Dawk li jistinkaw biex jilħqu l-​aħjar livell għandhom mnejn ikollhom ħtieġa kbira għall-​ordni u l-​organizzazzjoni u jkollhom livelli għoljin għalihom infushom, imma huma jaċċettaw ukoll l-​iżbalji tagħhom u jafu jkampaw magħhom b’attitudni pożittiva. . . . Mill-​banda l-​oħra, il-​perfezzjonisti jkunu dejjem inkwetati li se jagħmlu xi żball. Għandhom livelli estremament għoljin.”

Int wieħed minn dawn luħud? Jekk il-​livelli tiegħek tant huma għoljin li ma jistgħux jintlaħqu, malajr tistaʼ tibda żżomm lura minn ħafna affarijiet. Tistaʼ tibda taħrab milli tagħmel xi ħaġa ġdida. Jew inkella tibda titnikker meta tiġi biex tagħmel xi ħaġa importanti għaliex tibżaʼ li mhux se tirnexxi. Forsi tibda tħoss ukoll li għandek twarrab lil kulmin ma jirnexxilux ilaħħaq mal-​livelli tiegħek, u tistaʼ ssib ruħek bla ħbieb.

Jekk dan li għadu kemm issemma qed jiddeskrivi lilek b’xi mod jew ieħor, ikkunsidra l-​kliem tal-​Bibbja f’Koħèlet 7:16: “La għandek tkun ġust iżżejjed u lanqas għaref bil-​bosta. Għalfejn toqgħod tinfena?” Iva, min jipprova jkun perfett jistaʼ ‘jifni’ lilu nnifsu! Fil-​fatt, il-​perfezzjoniżmu huwa marbut ukoll maʼ taqlib konness maʼ l-​ikel bħall-​anorexia nervosa u l-​bulimja li huma taʼ periklu għall-​ħajja.a

Għalhekk, għandek mnejn tistaqsi ‘Kif nistaʼ ma nibqax nipprova nkun perfett?’ Huwa minnu li jistaʼ jkun taʼ sfida biex l-​individwu jibdel il-​ħsibijiet tiegħu dwar dan. Iżda bl-​għajnuna t’Alla, dan jistaʼ jsir. Mela ejja naraw kif Alla jħares lejn il-​perfezzjoniżmu.

Il-​Perfezzjoni—Mira li Tistaʼ Tintlaħaq?

L-​ewwelnett, tistaʼ int tkun perfett għalkollox? Mhux skond il-​Bibbja, li tgħid: “Ħadd, ebda wieħed, ma hu ġust. . . Lkoll ħarġu minn triqathom; lkoll kemm huma tħassru.” (Rumani 3:​10-12) Kliem li jġagħlek taħseb, hux veru? Dan il-​kliem jindika li kulmin jipprova jkun perfett għalkollox mhux se jirnexxilu.

Ikkunsidra l-​appostlu Pawlu, li bla dubju kien eżempju li jispikka fejn tidħol l-​ispiritwalità. Però, lanqas Pawlu ma setaʼ jaqdi lil Alla mingħajr ma jiżbalja. Hu ammetta: “Meta rrid nagħmel it-​tajjeb, ifeġġ quddiemi l-​ħażin. Skond il-​bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-​liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-​membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-​liġi tad-​dnub li hemm ġo ġismi.” (Rumani 7:​21-23) Kien biss bl-​għajnuna t’Alla li Pawlu setaʼ jkun leali bħala Kristjan.

B’ferħ, Alla la jistenna u lanqas ma jeħtieġ li xi ħadd minna jkun perfett għalkollox. “Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Huwa biss fid-​dinja l-​ġdida t’Alla li l-​bnedmin se jkunu jistgħu finalment jilħqu l-​perfezzjoni.

Sir Raġunevoli f’Dak li Tistenna Minnek Innifsek

Sadanittant, allura, m’huwiex realistiku li taħseb li tistaʼ tkun perfett għalkollox. Fil-​fatt, għandek tistenna li kultant se tagħmel xi żball. (Rumani 3:23) Tabilħaqq, kultant lanqas biss inkunu nafu bl-​iżbalji tagħna stess! Salm 19:12 jgħid: “Ħadd ma jistaʼ jara l-​iżbalji tiegħu stess.” (Today’s English Version) Żagħżugħ li jismu Matthew jgħidha b’dan il-​mod: “M’intix perfett—ħadd fuq l-​Art ma hu perfett. Jekk tistenna li tkun perfett, qatt m’int se tkun kuntent. . . . M’hijiex xi ħaġa realistika, mhux possibbli.”

B’dan il-​ħsieb f’moħħok, għala ma tipprovax issir raġunevoli f’dak li tistenna minnek innifsek? Per eżempju, qed tgħajji lilek innifsek biex tipprova tkun l-​aqwa f’xi ħaġa? Il-​Bibbja tindika li dan l-​isforz li jgħajjik, fil-​fatt, jistaʼ jkun “frugħa u ġiri wara r-​riħ.” (Koħèlet 4:4) Ir-​realtà turi li ftit jirnexxilhom ikunu l-​aqwa. U anki meta xi ħadd jirnexxilu, ġeneralment ma jdumx ma jiġi xi ħadd ieħor li jkun aqwa minnu.

L-appostlu Pawlu ta l-​parir: “Tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu taʼ li hu.” (Rumani 12:3) Kun realistiku! Agħmel tibdil f’dak li tistenna minnek innifsek skond l-​abbiltajiet u l-​limitazzjonijiet tiegħek. Stinka biex tilħaq livell għoli, iżda tipprovax tkun perfett. Agħmel mira speċifika iżda li tistaʼ tintlaħaq.

Per eżempju, Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex isir “bniedem li għadda mill-​prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.” (2 Timotju 2:15) Iva, Pawlu ħeġġu biex jilħaq livell għoli, iżda mhux biex ikun perfett. B’mod simili, agħmel miri raġunevoli għalik innifsek. U jekk m’intix ċert dwar x’inhu “raġunevoli,” tkellem dwar dan mal-​ġenituri tiegħek jew maʼ xi adult ieħor li tafda.

Xi wħud saħansitra jissuġġerixxu li minn jeddek għandek tipprova tagħmel xi ħaġa li m’intix tajjeb fiha, bħal li tibda xi sport differenti jew iddoqq xi strument mużikali. Veru li meta titgħallem xi ħaġa ġdida se tagħmel ħafna żbalji. Iżda dan m’huwiex ħażin għalkollox. Forsi se jgħinek tara li l-​fatt li tieħu xi żball huwa sempliċement parti mill-​proċess tat-​tagħlim.

Ikun xi jkun dak li tipprova tagħmel—kemm jekk tikteb dwar xi suġġett għall-​iskola jew titgħallem iddoqq xi sonata bil-​pjanu—aħseb dwar parir ieħor mill-​appostlu Pawlu: “[Kunu] imħeġġin bla ma tintelqu.” (Rumani 12:​11, Karm Żammit) Iva, tħallix l-​affarijiet għal iktar tard, jew toqgħod titnikker sempliċement għax tibżaʼ li ma jirnexxilekx.

Waħda żagħżugħa ħaditha drawwa li tħalli l-​proġetti taʼ l-​iskola għal iktar tard bl-​iskuża li kienet qed “torganizza ruħha.” Għalkemm il-​fatt li torganizza ruħek jistaʼ jkun xi ħaġa tajba, oqgħod attent li ma jkunx skuża biex toqgħod titnikker. Din it-​tfajla rrealizzat li “jekk ikollha tagħżel bejn li tagħmel xi komponiment taʼ l-​iskola li ma tkunx kompletament kuntenta bih u li ma tagħmel xejn, dejjem aħjar li tagħmel xi ħaġa.”

Keċċi l-​Ħsibijiet li Jkissruk!

Veru li jistaʼ ma jkunx faċli li tkampa maʼ biċċa xogħol li tkun għamiltha ħażin. Forsi ħsibijiet negattivi jibqgħu jgħakksuk u tibda tikkritika lilek innifsek. X’tistaʼ tagħmel? Il-​fatt hu li jekk tiffissa fuq ħsibijiet negattivi se jkun taʼ ħsara għalik u se jkissrek. Għalhekk, agħmel sforz bis-​serjetà biex ma tħallix lil moħħok jaħseb affarijiet li m’humiex raġunevoli dwarek innifsek. Idħaq bl-​iżbalji tiegħek stess. Wara kollox, hemm “żmien li tidħak.” (Koħèlet 3:4) Ftakar ukoll li Jehovah ma japprovax it-​tgħajjir—anki meta ngħajru lilna nfusna.—Efesin 4:31.

Minflok ma toqgħod iċċanfar lilek innifsek il-​ħin kollu, applika l-​kliem taʼ Proverbji 11:17: “Min hu ħanin ġid lilu nnifsu jagħmel, imma ħsara jġib fuqu nnifsu l-​kiefer.” Għalhekk, aħseb dwar din il-​mistoqsija, Il-​fatt li għandek livelli għoljin iżżejjed għamilhielek faċli biex ikollok il-​ħbieb? Wisq probabbli li le. Forsi saħansitra warrabt lil xi nies għax ma kinux perfetti. Allura, x’tistaʼ tagħmel?

Applika l-​kmand tal-​Bibbja: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin.” (Kolossin 3:13) Iva, billi tkun iktar raġunevoli f’dak li tistenna minn oħrajn, se jkun iktar faċli għalik li tgawdi l-​ħbiberiji!

Għandek mnejn tistaqsi, ‘In-​nies għala għandhom mnejn jevitawni minħabba l-​perfezzjoniżmu tiegħi?’ Ikkunsidra l-​effett li tħalli fuq l-​oħrajn jekk tgħidilhom li int tistenna l-​perfezzjoniżmu minnek innifsek. Il-​ktieb When Perfect Isn’t Good Enough (Meta Ma Jkunx Biżżejjed li Tkun Perfett) jispjega: “Jekk tilmenta wisq għax ma tkunx ġibt A f’xi eżami tistaʼ tkun qed tinsulta lil sħabek li jkollhom jissieltu biex iġibu B jew Ċ.” Għalhekk aħdem biex tkun inqas negattiv u konċernat dwarek innifsek. In-​nies se jieħdu iktar pjaċir fil-​kumpanija tiegħek.

Iż-żagħżugħa Carly tiġbor kollox billi tgħid: “Fi ftit kliem irrid ngħid lill-​perfezzjoniżmu tiegħi biex iħallini bi kwieti.” Kif tistaʼ tagħmel dan? Immedita fuq il-​mod kif Alla jħares lejn l-​affarijiet. Jekk għad għandek xi diffikultà biex tikkontrolla l-​mod kif taħsibha f’dan ir-​rigward, kellem lill-​ġenituri jew lil xi Kristjan matur fil-​kongregazzjoni tiegħek. Ersaq lejn Alla bit-​talb u staqsih biex jgħinek tibdel il-​mod kif taħsibha. It-​talb jistaʼ jkun għodda qawwija biex jgħinek tegħleb il-​perfezzjoniżmu.—Salm 55:23 (55:​22, NW); Filippin 4:​6, 7.

Dejjem ftakar li Jehovah ma jistenniex minna li nkunu perfetti; kulma jistenna minna hu li nkunu leali lejh. (1 Korintin 4:2) Jekk qed tistinka biex tkun leali, tistaʼ tkun verament kuntent b’min int—avolja m’intix perfett.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Għala Nħossni li Għandi Nkun Perfett?”, fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’Awissu, 2003.

[Stampa f’paġna 17]

Il-​biżaʼ li ma jirnexxilekx jistaʼ jżommok lura

[Stampa f’paġna 18]

Meta tipprova titgħallem affarijiet ġodda se tiġi megħjun biex tkun tistaʼ tkampa maʼ l-​iżbalji li tagħmel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja