Ħarsa Bilanċjata Lejn il-Moda
IL-BIBBJA tgħid li Alla “għamel kollox sabiħ fi żmienu.” (Ekkleżjasti 3:11, New International Version) Aħna naraw is-sbuħija kullimkien fid-dinja taʼ madwarna. Narawha wkoll fil-bnedmin.
L-istilista tal-moda għandu l-iskop li jtejjeb is-sbuħija tagħna bil-ħwejjeġ li nilbsu. Iżda, bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, l-industrija tal-moda bidlet il-ħarsa lejn is-sbuħija. Il-professoressa tal-psikoloġija Ruth Striegel-Moore tosserva: “Tant drajna naraw nisa estremament irqaq, li spiċċajna naħsbu li dan ifisser sbuħija.”
Jidher ċar li ma jkunx għaqli li nħallu l-ħarsa tad-dinja kurrenti dwar is-sbuħija iġġagħalna naħsbuha bl-istess mod. Fil-ktieb tagħha Always in Style, Doris Pooser turi li “l-mara taʼ llum m’għandhiex għalfejn tinbidel jew tqarraq bid-dehra taʼ ġisimha meta joħroġ xi ‘ideal’ ġdid.” Tabilħaqq, għala għandna nħallu l-mezzi tax-xandir jimponu fuqna ċertu ideal? “Kemm hu aħjar li nkunu kuntenti kif aħna, minflok ma ninħlew fi sforzi biex nipprovaw nibdlu dak li għandna,” tgħid Pooser.
Sbuħija li Ma Tintemmx
Il-fiduċja fina nfusna u s-sodisfazzjon fil-ħajja ma jiddependux minn kemm nidhru sbieħ. “Il-ferħ veru jiġi minn ġewwa,” tikteb Judy Sargent, li kienet tbati mill-anoreksja. “Ma nistgħux niksbuh għaliex naraw in-numri jonqsu fil-miżien tal-kamra tal-banju.” Il-Bibbja tagħti spjegazzjoni iktar ċara dwar dan is-suġġett. “Is-sbuħija tiegħek,” kiteb l-appostlu Pietru, “għandha tidher minn dak li int verament minn ġewwa, is-sbuħija li ma tintemmx taʼ spirtu ħelu u ġwejjed, li hu taʼ l-akbar valur fil-ħarsa t’Alla.”—1 Pietru 3:4, Today’s English Version.
Is-sbuħija li ma tintemmx li rrefera għaliha Pietru tisboq il-ġmiel fiżiku għaliex hi permanenti u minħabba l-valur li għandha fil-ħarsa t’Alla. Ħafna sekli ilu sultan għaref osserva: “Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibżaʼ mill-Mulej taʼ min ifaħħarha.”—Proverbji 31:30.
Għalkemm fi żmienna s-sbuħija fiżika tistaʼ tiġbed iktar attenzjoni, ħafna nies għadhom jirrispettaw lil min juri kwalitajiet Kristjani. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jilbsu l-bniedem il-ġdid, sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.’—Kolossin 3:10, 12.
Il-moda nfisha tgħaddi malajr. L-aħħar stil jistaʼ, l-iktar l-iktar, iżejjinna għal ftit żmien biss. Iżda kwalunkwe impressjoni tajba li nistgħu nagħtu malajr tistaʼ titħassar jekk il-personalità tagħna tkun l-oppost taʼ l-apparenza tagħna. Ftakar, “il-frott taʼ l-Ispirtu,” inkluż l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan, qatt ma jispiċċa mill-moda.—Galatin 5:22, 23; 1 Timotju 2:9, 10.
Madankollu, huwa tajjeb li nagħtu attenzjoni xierqa għal dak li nilbsu. Aline, minn Franza, tammetti li kienet sfida għaliha li żżomm bilanċ f’dan ir-rigward. “Bħala adolexxenta,” tgħid hi, “il-ħwejjeġ kienu jinteressawni ħafna. Ridt nilbes skond il-moda taʼ l-aħħar għax dan kien jagħmilni kunfidenti. U kieku stajt nixtri ħwejjeġ tad-ditta, tant l-aħjar.
“Iżda meta kbirt,” tkompli Aline, “kelli nitgħallem nieħu ħsieb tiegħi nnifsi finanzjarjament, u bdejt ukoll inqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħi fil-ministeru Kristjan. Irrealizzajt li jekk ridt ngħix bir-riżorsi li kelli, ma stajtx nibqaʼ nħalli l-moda tikkontrollani. Bdejt nixtri l-ħwejjeġ tiegħi fis-sales jew mill-ħwienet li jraħħsu l-prezzijiet. Skoprejt li xorta stajt nilbes pulit—iżda għall-kwart tal-prezz. Is-sigriet hu li titgħallem tixtri ħwejjeġ li jixirqulek, li huma prattiċi, li jaqblu sew mal-ħwejjeġ li diġà għandek, u li ma jispiċċawx malajr mill-moda. Issa, minflok ma nħalli l-moda tiddettali x’għandi nixtri, nipprova niddeċiedi għalija nnifsi liema stil jixraqli. Ma ngħidx li l-ħwejjeġ m’għadhomx jinteressawni. Imma l-valur tiegħi bħala persuna ma jiddependix biss mid-dehra tiegħi.”
F’soċjetà fejn id-dehra taʼ barra spiss tgħodd iktar minn dik taʼ ġewwa, il-Kristjani jagħmlu tajjeb li jżommu f’moħħhom il-parir serju tal-Bibbja: “Dak kollu li toffri d-dinja, dak kollu li jpaxxi x-xewqat u l-ħajriet taʼ l-għajnejn, il-faxxinu kollu tal-ħajja tagħha, ma jiġix mill-Missier imma mid-dinja taʼ mingħajr Alla. U din id-dinja qed tgħaddi bil-ħajriet kollha tagħha, iżda min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem taʼ dejjem.”—1 Ġwanni 2:16, 17, The New English Bible.
[Stampa f’paġna 9]
Is-sbuħija vera tiġi minn ġewwa, mhux mill-ilbies
[Stampa f’paġna 10]
Agħżel ħwejjeġ li huma prattiċi u li jaqblu mal-ħwejjeġ li diġà għandek