Mawra Sa Ġerusalemm fil-Quebec
DAWK li jżuru lil Ġerusalemm fi żmienna jistgħu jipprovaw jimmaġinaw kif setgħet kienet tidher fi żminijiet Bibliċi. Però, dehra unika taʼ din il-belt antika tistaʼ fil-fatt tgawdiha xi 8,500 kilometru ’l bogħod mill-punent taʼ Ġerusalemm f’raħal żgħir imkennen ħdejn ix-Xmara St. Lawrence fil-Kanada. Min imur hemmhekk jistaʼ jara dehra panoramika mifruxa taʼ Ġerusalemm u l-inħawi taʼ madwarha. Imma dan kif jistaʼ jkun? Ħalli naraw.
F’binja tonda ġor-raħal taʼ Sainte Anne de Beaupré, fil-Quebec, hemm waħda mill-akbar tpinġijiet panoramiċi fid-dinja, iċ-Ċiklorama l-Kbira taʼ Ġerusalemm. Din il-biċċa xogħol enormi hija għolja 14-il metru u d-dawra tagħha fiha 110 metri. Għalkemm mhux id-dettalji kollha huma eżatti, it-tpinġija xorta hija interessanti għall-istudenti tal-Bibbja, għaliex toffrilhom dehra realistika li tispikka tal-ħajja f’Ġerusalemm fiż-żminijiet Bibliċi.
Dawk li jżuruha jistgħu jaraw it-tpinġija minn fuq platform fin-nofs tal-binja, fejn jibdew billi josservaw il-kampanja li kien hemm madwar Ġerusalemm fl-ewwel seklu. Hekk kif ikomplu jaraw il-panorama li ddur f’ċirku sħiħ, jaslu għall-belt famuża, bil-ħitan kbar tagħha, it-tempju glorjuż, u l-palazzi lussużi. Imbagħad quddiem għajnejhom tieħu l-ħajja xena oħra li turi l-aħħar mumenti tal-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art. L-illużjoni li joħloq dan ix-xogħol storiku tant hija reali li min jaraha jħossu qisu qiegħed fix-xena, għaddej fost il-folol fit-toroq taʼ Ġerusalemm.
Ħaġa taʼ l-iskantament hi li din it-tpinġija bi tliet dimensjonijiet ma saritx dan l-aħħar. Fil-fatt, Paul Philippoteaux, pittur famuż f’Pariġi, ħadem fuqha mill-1878 sa l-1882. Ħames pitturi oħra—tnejn mill-Istati Uniti, tnejn minn Franza, u wieħed mill-Ingilterra—għenuh jipproduċi dan il-kapulavur. Madankollu, l-idea biex issir din it-tpinġija ġiet mill-pittur Ġermaniż Bruno Piglhein, li kien determinat li jagħmel xi ħaġa biex lin-nies in ġenerali jagħtihom fehma iktar ċara dwar il-ħajja taʼ kuljum fiż-żminijiet Bibliċi. Wara li tlesta fi Munich, il-Ġermanja, ix-xogħol intwera fil-bliet kapitali l-kbar taʼ l-Ewropa. Mill-1895 baqgħet dejjem tintwera fil-Kanada.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 11]
Ir-ritratti kollha: Cyclorama de Jérusalem inc.