LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 11/8 pp. 12-15
  • Isem Jehovah fil-Gżejjer tal-Paċifiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Isem Jehovah fil-Gżejjer tal-Paċifiku
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Isem Alla Użat minn Ħafna
  • In-​Nies tal-​Gżejjer tal-​Paċifiku Jaċċettaw lil Jehovah
  • L-​Isem t’Alla fit-​Traduzzjonijiet tal-​Bibbja
  • Għala Użaw Isem Alla
  • Missjunarji “sa l-Iktar Parti Mbiegħda taʼ l-Art”
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
  • Onora l-Isem il-Kbir ta’ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Irġiel Sempliċi Jittraduċu l-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • L-isem t’Alla
    Stenbaħ!—2017
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 11/8 pp. 12-15

Isem Jehovah fil-​Gżejjer tal-​Paċifiku

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​FIĠI

IL-​FOLLA baqgħet skantata. Dawk li kienu għadhom kif waslu fil-​gżira tagħhom tal-​Paċifiku għalqu għajnejhom qabel kielu mill-​festa li ġiet preparata għalihom. “X’qed tagħmlu?” staqsewhom in-​nies tal-​gżira.

“Qed niżżu ħajr ’l Alla għall-​għotjiet Tiegħu,” wiġbuhom.

“Fejn jgħix Alla tagħkom?” riedu jkunu jafu dawn in-​nies.

“Fis-​sema,” qalulhom.

“X’jismu?”

“Jehovah.”

“Alla tagħkom jiekol ikel?” staqsewhom.

“Alla huwa Spirtu,” qalulhom dawk li kienu għadhom kif waslu. “M’huwiex bħalna; Hu jgħix għal dejjem. Kien Hu li għamel l-​art, is-​sema, il-​baħar, u l-​affarijiet kollha. Hu għamilna.”

In-nies tal-​gżejjer stagħġbu b’dawn il-​veritajiet sempliċi u staqsew għala dawn l-​istranġieri kienu qed iżuru l-​gżira tagħhom. It-​tweġiba kienet sempliċi: “Aħna niġu biex ngħarrfukom dwar min hu l-​veru Alla Jehovah, u Ibnu Ġesù s-​Salvatur tagħna.”—From Darkness to Light in Polynesia (Mid-Dlam għad-​Dawl fil-​Polinesja).

Min kienu dawn l-​istranġieri? Xhieda taʼ Jehovah taʼ llum? Le. Dawn kienu żewġ għalliema, evanġelizzaturi, minn Taħiti li waslu fuq il-​gżira taʼ Mangaia (fin-nofsinhar tal-​Gżejjer Cook) fil-​15 taʼ Ġunju, 1824. Għala użaw l-​isem Jehovah? Kienet din sempliċi ġrajja unika? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet jispjegaw għala l-​isem taʼ Jehovah għadu verament importanti f’bosta kulturi tal-​gżejjer tal-​paċifiku.

Isem Alla Użat minn Ħafna

Ħafna missjunarji li marru fil-​Gżejjer tal-​Paċifiku mill-​Ingilterra u l-​Amerika fis-​seklu 19 użaw l-​isem taʼ Jehovah fid-​diskors taʼ kuljum u fil-​kitbiet tagħhom. Fil-​fatt, wieħed studjuż taʼ l-​istorja saħansitra wasal biex ikkonkluda b’mod żbaljat li dawn il-​missjunarji tal-​bidu “kienu segwaċi taʼ Jehovah iktar milli dixxipli taʼ Kristu.”

L-ittri persunali taʼ dawn il-​missjunarji spiss kienu jibdew bi frażijiet bħal: “Jalla tiġi salvat minn Alla saħansitra l-​Mulej Tagħna Jehovah u minn Ġesù Kristu s-​sultan tal-​paċi.” Mhux taʼ b’xejn mela li Albert J. Schütz, lingwista magħruf, jgħid li fil-​Fiġi ktieb tal-​qari bażiku li sar fl-​1825 kellu kelma waħda biss mislufa mill-​Ingliż. Din kienet l-​isem Jehova.

In-nies tal-​Gżejjer tal-​Paċifiku ġew effettwati ħafna minħabba li l-​missjunarji tal-​bidu użaw l-​isem taʼ Jehovah. Mill-​banda l-​oħra, uħud minn dawk li ġew mgħallma saru missjunarji, jew għalliema, sabiex jieħdu l-​messaġġ tagħhom fi gżejjer oħra. Il-​ktieb The Covenant Makers—Islander Missionaries in the Pacific (Dawk li Jagħmlu l-​Patt—Missjunarji fil-​Gżejjer tal-​Paċifiku) jikkummenta b’dan il-​mod dwar il-​wasla li semmejna fil-​bidu taż-​żewġ missjunarji minn Taħiti fil-​gżira taʼ Mangaia: “Għall-​għalliema taʼ Taħiti, Jehovah hu l-​uniku Alla veru. Hu ħalaq id-​dinja kollha u l-​bniedem kien parti mill-​ħolqien t’Alla. . . . [Huma] kienu jgħidu li Jehovah hu l-​uniku Alla veru u Ibnu Ġesù Kristu hu s-​Salvatur taʼ l-​umanità.”

Hekk kif ħadu l-​messaġġ tal-​Bibbja lejn diversi gżejjer, xi missjunarji tal-​bidu ffaċċjaw perikli inkredibbli, minħabba li l-​abitanti kultant kienu vjolenti. Meta kien qed jiddeskrivi d-​diffikultajiet involuti, il-​ktieb Mission, Church, and Sect in Oceania (Missjoni, Knisja, u Setta fl-​Oċeanja) jistqarr: “Fidi qawwija f’Jehovah spiss kienet tegħleb il-​biżaʼ u d-​disperazzjoni.”

Eżempju taʼ min jinnotah taʼ fidi bħal din f’Jehovah intwera fl-​1823 meta l-​messaġġ tal-​Bibbja wasal fil-​gżira taʼ Rarotonga, fil-​Gżejjer Cook. Il-​missjunarju baħri John Williams wasal f’dan il-​post u bagħat żewġ koppji fuq l-​art biex jgħallmu lin-​nies taʼ Rarotonga. Madankollu, wara li kellhom xi jgħidu maʼ re li kien imdamdam bis-​sakra, dawk il-​missjunarji qalgħu xebgħa li ma bħala. Insterqilhom kulma kellhom, u bilkemm irnexxielhom jaħarbu biex salvaw ħajjithom.

Malli marru lura fuq il-​vapur, il-​missjunarji ddeskrivew lin-​nies taʼ Rarotonga bħala l-​iktar slavaġ feroċi li qatt iltaqgħu magħhom. Minħabba li beżaʼ minn dak li setaʼ jiġri, Williams iddeċieda li jitlaq mill-​gżira, għallinqas għal xi żmien. Kien f’dak il-​waqt li għalliem żagħżugħ bl-​isem taʼ Papeiha offra li jmur jipprova jevanġelizza waħdu fuq il-​gżira. “Kemm jekk is-​slavaġ iħalluni ngħix jew joqtluni,” qal hu, “jien se mmur fosthom.”

Fil-kliem li spiss ġie kwotat fir-​rakkonti tal-​bidu taʼ l-​attività missjunarja, Papeiha qal: “Ko Jehova toku tiaki! Tei roto au i tona rima! (Jehovah hu r-​ragħaj tiegħi! Jien ninsab f’idejh!)” Imbagħad, bil-​ħwejjeġ taʼ fuqu biss u bi ktieb li kien fih siltiet minn Bibbja bit-​Taħitjan, hu qabeż il-​baħar u għam sax-​xatt. Mhux talli baqaʼ ħaj! Meta wasal fuq il-​gżira, hu sab li ħafna wieġbu għal dak li kien qed jgħallem.

More Taʼunga kien abitant taʼ Rarotonga li iktar tard sar missjunarju hu stess. Fl-​1842 hu sar l-​ewwel missjunarju li stabbilixxa ċentru missjunarju fil-​gżira taʼ New Caledonia. Fid-​djarju tiegħu dwar raġel lokali li lilu kien tah attenzjoni speċjali u għallmu jikteb u jaqra, hu kiteb: “Hu tgħallem dawn l-​affarijiet bil-​mod. Ftit wara qalli, ‘Irrid nitlob.’ Imma jien tajtu l-​parir biex ma jgħaġġilx. Iktar tard reġaʼ staqsieni, ‘Mhux se tħallini nitlob?’ Imbagħad staqsieni għala ma ħallejtux jitlob, allura għedtlu, ‘L-​ewwel trid teħles mill-​idoli, imbagħad tkun tistaʼ titlob lil Jehovah. Hu biss jistaʼ jisimgħek.’ Allura ġabli qoffa mimlija bl-​idoli tiegħu, u qalli, ‘Aħraqhom. Issa Jehovah se jkun Alla tiegħi.’ Hu tgħallem sew kif jitlob.”

In-​Nies tal-​Gżejjer tal-​Paċifiku Jaċċettaw lil Jehovah

Peress li l-​missjunarji kienu qed jużaw isem Alla fil-​beraħ, m’għandniex għalfejn niskantaw li lil dawk li ppridkawlhom aċċettaw lil Jehovah bħala Alla tagħhom. Il-​ktieb Missionary Adventures in the South Pacific (Avventuri Missjunarji fin-​Nofsinhar tal-​Paċifiku) jiddeskrivi laqgħa kbira li saret f’waħda mill-​gżejjer tat-​tramuntana tal-​Paċifiku wara li wasal il-​vapur tal-​missjunarji Morning Star. Il-​ktieb kien jgħid li n-​nies tal-​gżejjer “ivvotaw billi għollew idejhom, u ħafna minnhom għollew idejhom it-​tnejn u żammewhom ’il fuq għal ħin twil biex jenfasizzaw li huma kienu se jabbandunaw l-​idolatrija u jqimu lil Jehovah. Iktar minn hekk, huma kienu lesti jipprovdu għall-​bżonnijiet kollha taʼ l-​għalliema tagħhom. Ġiet imwarrba biċċa art u dedikata lil Jehovah biex issir knisja u residenza għal min jgħallimhom.”

Meta jiddeskrivi l-​konverżjoni taʼ Malietoa, kap taʼ pożizzjoni għolja fis-​Samoa, il-​ktieb Wiliamu​—Mariner-Missionary​—The Story of John Williams (Wiliamu-Baħri Missjunarju—L-​Istorja taʼ John Williams) jgħid: “Malietoa tkellem fit-​tul man-​nies tiegħu, u wegħedhom pubblikament li kien se jsir aduratur taʼ Jehovah u li kien se jwaqqaf knisja għall-​qima Tiegħu. Hu ordna lin-​nies li kienu se jibqgħu d-​dar biex jibdew jitgħallmu dwar Jehovah u Ġesù Kristu.”

Din l-​attività kollha ħalliet effett dejjiemi fil-​ħajjiet taʼ ħafna komunitajiet fil-​gżejjer tal-​Paċifiku. Saħansitra llum, f’pajjiżi bħall-​Fiġi u s-​Samoa, spiss tismaʼ l-​isem taʼ Jehovah jissemma fuq ir-​radju jew tarah fuq il-​gazzetti lokali.

Imma l-​effett ma jiqafx hawnhekk. Fil-​ktieb tagħha Treasure Islands, pubblikat għall-​ewwel darba fl-​1977, Pearl Binder tiddeskrivi l-​importanza taʼ l-​isem Jehovah għall-​abitanti taʼ Banaban. Għall-​ewwel dawn in-​nies kienu jgħixu f’Kiribati, imma iktar tard issetiljaw fil-​gżira taʼ Rabi, fil-​Fiġi. Binder tikteb: “Il-​missjunarji li ġew Banaban taw lill-​abitanti taʼ dan il-​post iktar milli setgħu ħasbu. . . . It-​twemmin tagħhom f’Jehovah sar importanti ferm f’ħajjithom, żammhom magħqudin iktar milli setgħet iżżommhom kwalunkwe ħaġa oħra matul sebgħin sena taʼ tribulazzjoni agonizzanti, u saħansitra llum għadu jżommhom ħajjin spiritwalment. Mingħajr Jehovah tal-​bojod (li l-​bojod infushom qegħdin dejjem iwarrbuh iktar ma jgħaddi ż-​żmien) in-​nies taʼ Banaban kienu jintilfu.”

L-​Isem t’Alla fit-​Traduzzjonijiet tal-​Bibbja

Waħda mill-​miri prinċipali tal-​missjunarji tal-​bidu kienet li jipproduċu traduzzjonijiet tal-​Bibbja li jinftiehmu bil-​lingwi tal-​gżejjer tal-​Paċifiku. Minħabba l-​isforzi diliġenti tagħhom, il-​Bibbja saret disponibbli b’ħafna mil-​lingwi mitkellma madwar ir-​reġjun tal-​Paċifiku. Kienet xi ħaġa loġika għal dawn it-​tradutturi li jagħmlu traduzzjoni letterali taʼ isem Jehovah, sewwasew bħalma għamlu b’ismijiet oħra fil-​Bibbja.

Huwa taʼ interess għal min jistudja l-​Bibbja bis-​serjetà li dawn it-​tradutturi tal-​bidu użaw l-​isem Jehovah mhux biss fit-​traduzzjonijiet tagħhom taʼ l-​Iskrittura Ebrajka imma wkoll fl-​Iskrittura Griega Kristjana, dak li jissejjaħ it-​Testment il-​Ġdid. Stħarriġ li sar fuq sebaʼ lingwi tal-​gżejjer tal-​Paċifiku wera li l-​isem Jehovah intuża fi 72 vers differenti fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Dawn ma kinux biss traduzzjonijiet li saru fis-​seklu 19. Jinsabu wkoll fi traduzzjoni moderna fil-​lingwa taʼ Rotuma li ħarġet fl-​1999. Din il-​Bibbja tuża l-​isem taʼ Jehovah fi 48 vers fl-​Iskrittura Griega Kristjana.

Fl-​aħħar tas-​seklu 19, William Wyatt Gill, li kien ilu żmien twil jaqdi bħala missjunarju fil-​Paċifiku, kiteb dwar waħda mit-​traduzzjonijiet tal-​bidu: “Peress li ili nuża l-​Bibbja bil-​lingwa taʼ Rarotonga għal tnejn u erbgħin sena, tippermettuli jekk ikolli ngħid li t-​traduzzjoni li fiha hi taʼ min jammiraha. . . . Bħall-​verżjonijiet l-​oħra kollha tal-​Paċifiku u taʼ New Guinea, l-​isem qaddis ‘Jehovah’ jitħalla fil-​lingwa oriġinali, qatt ma ġie tradott, u għalhekk jagħmel kuntrast iktar qawwi bejn Alla li jgħix għal dejjem u l-​oġġetti li jqimu l-​pagani.”

Għala Użaw Isem Alla

Dawn il-​missjunarji, it-​tradutturi tal-​Bibbja, u l-​għalliema għala użawh daqshekk l-​isem persunali t’Alla, Jehovah? L-​iktar għaliex raw li kien hemm bżonn li tidher id-​differenza bejn Jehovah, l-​uniku Alla veru, u l-​għadd kbir t’allat foloz li kienu jqimu n-​nies tal-​gżejjer tal-​Paċifiku. (Ġwanni 17:3; 1 Korintin 8:​5, 6) Kull wieħed minn dawn l-​allat għandu isem, u kienet xi ħaġa naturali għall-​aduraturi tagħhom li jistaqsu, “Min hu Alla tagħkom? X’jismu?” Kieku użaw it-​terminu lokali “alla,” kieku dawk li staqsew kienu se jitħawdu jew forsi kienu jaslu biex jaħsbu li Alla li jistaʼ kollox hu sempliċi alla ieħor li jistgħu jżidu mal-​grupp t’allat li diġà kellhom. Allura, mhux taʼ b’xejn li dawn il-​missjunarji tal-​bidu użaw ħafna l-​isem taʼ Jehovah.

Ifisser dan li dawk kollha li użaw l-​isem taʼ Jehovah kienu jifhmu eżatt min hu? Le. Hiram Bingham, missjunarju u traduttur u iben missjunarju magħruf mill-​Ħawajj li għandu l-​istess isem, ra lill-​abitanti taʼ Abaiang (f’Kiribati) jgħajtu “hemm biss Alla wieħed—Jehovah” hekk kif kienu qed jeqirdu l-​idoli tagħhom. Imma l-​ktieb Missionary Adventures in the South Pacific jgħid hekk dwar din il-​ġrajja:

“Madankollu, Bingham kien jaf li l-​fatt li qerdu l-​idoli ma kienx ifisser li n-​nies kienu qed iħaddnu l-​Kristjanità—għallinqas kienu għadhom le. Kienu għadhom ma fehmux sew xi jfisser verament l-​evanġelju, imma kienu qed jibdew jifhmu.” M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna iktar involut milli jkunu jafu l-​isem Jehovah. Il-​Kristjani veri jridu jsiru jafu lil Jehovah u jobduh f’kollox.—Rumani 10:​13-17.

Anki Mosè, bniedem leali li kien jaf l-​isem taʼ Jehovah u użah, ried ikun jaf iktar. Hu talab: “U issa, jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, għallimni triqatek, biex nagħrfek u nsib ħniena quddiemek.” (Eżodu 33:13) Iva, Mosè ma riedx biss ikun jaf l-​isem taʼ Jehovah. Hu ried ikun jaf il-​kwalitajiet tiegħu u kif jistaʼ jogħġbu. Minħabba dak li talab, Mosè ngħata privileġġ meraviljuż, dak li jara x’hemm involut fit-​tifsira taʼ l-​isem taʼ Jehovah.—Eżodu 33:19; 34:​5-7.

Bl-istess mod illum, eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah madwar ir-​reġjun tal-​Paċifiku qed jużaw il-​Bibbji li ġew tradotti mill-​missjunarji tal-​bidu biex jgħinu lil uħud taʼ qalb onesta jifhmu mhux biss xi jfisser isem Jehovah imma wkoll x’jirrikjedi minn dawk li lesti jqimuh “fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwanni 4:​23, 24) Iva, isem Jehovah qed jiġi glorifikat “fil-​gżejjer.” Għalhekk, eluf kbar taʼ nies qed jibdew jittamaw fl-​isem grandjuż tiegħu.—Isaija 24:15; 42:12; 51:5; Proverbji 18:10.

[Stampa f’paġna 12]

In-​nies tal-​Gżejjer tal-​Paċifiku li tgħallmu l-​isem t’Alla mill-​missjunarji tal-​bidu tal-​Kristjaneżmu u mbagħad urewh lil oħrajn

[Sors]

Siġra tal-​palm u ritratt fuq ix-​xellug: Mill-​ktieb Gems From the Coral Islands

[Stampa f’paġna 13]

John Williams

[Sors]

Culver Pictures

[Stampa f’paġna 13]

Papeiha

[Sors]

Courtesy Institute of Pacific Studies, from Mission Life in the Islands of the Pacific, by Aaron Buzacott

[Stampa f’paġna 15]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jgħarrfu l-​isem t’Alla mad-​dinja kollha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja