LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 11/8 pp. 16-18
  • Ikampaw maʼ l-Għargħar fil-Kawkasu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ikampaw maʼ l-Għargħar fil-Kawkasu
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tingħata l-​Għajnuna Malajr
  • Għajnuna mill-​Bogħod
  • Il-​Ġenerożità Tat Xiehda Tajba
  • Xi Ħaġa li Ebda Maltempata Ma Tistaʼ Tkissirha
    Stenbaħ!—2003
  • Iktar Minn 40 Sena Taħt Projbizzjoni Komunista
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jagħtu Għajnuna Meta Jkun Hemm Xi Diżastru?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • L-Għargħar fil-Możambik Kif il-Kristjani Ħadu Ħsieb lill-Vittmi
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 11/8 pp. 16-18

Ikampaw maʼ l-​Għargħar fil-​Kawkasu

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIR-​RUSSJA

IS-​SENA l-​oħra fir-​reġjun tal-​Kawkasu tat-​tramuntana fir-​Russja, ix-​xita li s-​soltu tinżel fi żmien tliet xhur niżlet f’jumejn biss. Ħafna xmajjar bdew ifuru. Anki nixxigħat żgħar saru kurrenti qawwija, waqt li ġarrew magħhom kulma ġie quddiemhom. Il-​ħitan li jżommu l-​ilma ċedew, u d-​djar u binjiet oħra nqerdu. F’ħakka t’għajn, eluf taʼ residenti sfaw bla dar. Ħafna li ma setgħux joħorġu minn djarhom malajr mietu. Oħrajn baqgħu weqfin mingħajr ma setgħu jagħmlu xejn waqt li raw lill-​maħbubin tagħhom jinġarru mill-​kurrent qawwi taʼ l-​ilma.

Fil-belt taʼ Nevinnomyssk, kien hemm familja li pprovat taħrab bit-​trakter. Però, mewġa kbira qalbet it-​trakter u l-​membri tal-​familja kollha mietu. Xi wħud mietu waqt li kienu qed jipprovaw isalvaw lil oħrajn. Skond xi kalkoli uffiċjali, 335,000 individwu ġew effettwati mill-​għargħar. Minnhom, iktar minn 200 mietu u ħafna ma nstabux.

Għerqu għaxriet t’eluf taʼ djar. Il-​pajpijiet taʼ l-​ilma u s-​sistemi tad-​dranaġġ tkissru. Anki l-​katavri midfunin inkixfu bil-​kurrent qawwi taʼ l-​ilma, inkluż l-​iġsma taʼ xi annimali li kienu mietu bl-​antraċe (anthrax). Huwa stmat li l-​għargħar għamel ħsara taʼ xi 16-il biljun rublu, jew iktar minn Lm200 miljun.

Din l-​art mill-​isbaħ u fertili, li spiss kienu jinkitbu għanjiet u poeżiji dwarha, saret dehra li ġġagħlek tħoss għafsa taʼ qalb! Madankollu, id-​diżastru ma qeridx l-​imħabba ġenwina għall-​proxxmu.

Tingħata l-​Għajnuna Malajr

Għall-​ewwel, ma kienx hemm ilma nadif, elettriku, gass, jew linji tat-​telefon. In-​nies ma setgħux jikkomunikaw maʼ xulxin. Iktar minn 3,000 Xhud taʼ Jehovah jgħixu fl-​inħawi li ġew effettwati, iktar minn 700 minnhom f’Nevinnomyssk jew fil-​qrib. Allura malli semgħu bl-​aħbar dwar l-​għargħar, ix-​Xhieda fformaw kumitati speċjali għall-​emerġenza biex jieħdu ħsieb lil min ġie effettwat. Dawn il-​kumitati kienu diġà qed jaħdmu qabel ma waslu l-​ħaddiema tas-​salvataġġ li jibgħat il-​gvern.

Fir-raħal ċkejken taʼ Orbelyanovka, xi 60 kilometru lejn ix-​xlokk taʼ Nevinnomyssk, l-​ilma beda tielaʼ bil-​ħeffa. Tmienja min-​nies, inkluż tnejn mix-​Xhieda nisa, stkennew fuq il-​quċċata taʼ għolja żgħira. Imma magħhom kien hemm annimali żgħar u ħafna sriep. Minħabba f’hekk, matul il-​lejl twil, it-​tmienja li huma kellhom jissaraw kontra l-​attakki tas-​sriep.

Sa l-​għada fil-​għodu, ix-​Xhieda lokali kienu qed jaraw kif se jilħqu liż-​żewġ ħuthom Kristjani li kienu iżolati. Finalment, kmieni wara nofsinhar, sabu dingi żgħir tal-​lastku. Imma qabel ma salvaw lill-​aħwa nisa, ix-​Xhieda użaw id-​dingi biex jieħdu raġel anzjan paralizzat f’post ’il bogħod mill-​periklu. Wara dan, hekk kif kienu qed jieħdu lill-​aħwa nisa lejn post fis-​sigurtà, raw ħelikopter li ġabar lin-​nies l-​oħrajn li kienu iżolati fuq l-​għolja.

Iktar tard dakinhar, ix-​Xhieda tad-​dingi salvaw anki lil individwi oħra. Meta xXhieda staqsewhom, “Tafu min aħna?” in-​nies wieġbu: “Mhux mill-​Ministeru tas-​Sitwazzjonijiet t’Emerġenza!” Baqgħu skantati meta saru jafu min kienu.

Ix-Xhieda f’Nevinnomyssk xtraw kċina li tistaʼ tinġarr u ħejjew ikel sħun għal dawk li kienu fil-​bżonn. Huma mhux biss tawhom x’jieklu, iżda anki x’jixorbu, x’jilbsu, u xi mediċini. Gruppi taʼ Xhieda volontiera naddfu d-​djar u neħħew il-​ħmieġ mill-​btieħi.

Żewġ Xhieda miżżewġin f’Zelenokumsk li għandhom negozju użaw il-​vettura tagħhom biex iġorru l-​ilma, l-​ikel, u l-​ilbies li xtraw minn ħanut li jbigħ bl-​ingrossa. Meta l-​ħbieb tal-​mara staqsewha għal min kienet qed tixtri l-​affarijiet, hi spjegatilhom li kienu għal sħabha fit-​twemmin li ntlaqtu mid-​diżastru. Huma tqanqlu meta raw kemm kienet tieħu ħsiebhom u għalhekk anki huma riedu jgħinu. Waħda min-​negozjanti offriet xkora għaġin, oħra tat pakkett kbir kollu sapun, u oħrajn taw xkejjer taz-​zokkor.

Għajnuna mill-​Bogħod

Peress li ħafna Xhieda fir-​Russja riedu jkunu jafu kif setgħu jgħinu lill-​vittmi taʼ l-​għargħar, ġie mħejji fond speċjali sabiex tintbagħat l-​għajnuna lil dawk li kienu fil-​bżonn. Anki l-​volontiera miċ-​Ċentru Amministrattiv tax-​Xhieda taʼ Jehovah fir-​Russja, li jinsab ħdejn San Pietruburgu, għenuhom. Xi wħud xtraw affarijiet ġodda għall-​vittmi taʼ l-​għargħar. Waħda minnhom qalet: “Tajt l-​aħjar affarijiet li kelli għax jien għandi xi ħaġa, imma ħutna m’għandhom xejn.”

Iċ-Ċentru Amministrattiv bagħat ukoll ittri lil xi 150 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’San Pietruburgu u f’Moska, biex jispjegalhom kif l-​aħwa setgħu jagħtu donazzjonijiet taʼ flus, ikel, u ħwejjeġ. Għalkemm is-​sitwazzjoni ekonomika fir-​Russja ma tantx hija favorevoli u ħafna mix-​Xhieda għandhom ftit affarijiet materjali, id-​donazzjonijiet tagħhom kienu ġenerużi. Għamlu bħall-​Kristjani foqra tal-​Maċedonja li taw xi affarijiet lil ħuthom fil-​Lhudija li kienu fil-​bżonn.—2 Korintin 8:​1-4.

Wara li l-​affarijiet li ngħataw bħala donazzjoni tqassmu fil-​postijiet ċentrali minfejn jinġabru, tpoġġew fit-​trakkijiet u ttieħdu fl-​inħawi tad-​diżastru. Minbarra dawn id-​donazzjonijiet, iċ-​Ċentru Amministrattiv xtara għaxar tunnellati ikel, 500 sett lożor, u prodotti tat-​tindif, kif ukoll għodod u ħwejjeġ tax-​xogħol ħalli bihom isir it-​tindif wara d-​diżastru. B’kollox, sitt trakkijiet taʼ 50 tunnellata kull wieħed irħewlha lejn ir-​reġjun tal-​Kawkasu tat-​tramuntana bil-​provvedimenti li ntbagħtu għall-​għajnuna.

Il-​Ġenerożità Tat Xiehda Tajba

Ix-​xogħol tax-​Xhieda matul it-​tindif taʼ l-​inħawi tad-​diżastru ġie notat. Ikkunsidra s-​sitwazzjoni fil-​belt mill-​isbaħ taʼ Kislovodsk, li jkollha ħafna viżitaturi, fejn hemm iktar minn 300 Xhud. Dawn l-​aħwa offrew is-​servizzi tagħhom lill-​amministrazzjoni tal-​belt u ġew inkarigati jnaddfu ċertu post.

Fit-28 taʼ Ġunju fit-​tmienja taʼ fil-​għodu, xi 150 Xhud, inkluż familji sħaħ, ġabu l-​għodod tagħhom u nġabru għax-​xogħol. Xi wħud ħadu l-​leave bla ħlas mix-​xogħol sabiex jieħdu sehem fit-​tindif. Ftit wara, waslet karozza, u minnha ħareġ l-​ewwel viċi-sindku. Hu staqsa, “Min huma dawn in-​nies?”

Qalulu, “Dawn huma x-​Xhieda taʼ Jehovah. Ġew biex inaddfu l-​belt wara d-​diżastru.”

Peress li baqaʼ sorpriż meta ra tant nies, il-​viċi-sindku qal: “Ħaqqhom prosit! Grazzi! Taʼ min jammirahom!”

Iktar tard, eżatt qabel ħin l-​ikel, waħda uffiċjal tal-​belt għaddiet bil-​karozza tagħha. Hi waqfet, ħarġet, u marret fuq ix-​Xhieda. “Qed nosservaw xogħolkom, u ninsabu tassew impressjonati,” qalet hi. “Qatt ma rajna lil xi ħadd jaħdem bħalkom. Diġà lestejtu ħafna xogħol!”

Kważi fl-​istess ħin, mara anzjana li kienet miexja minn hemm waqfet u staqsiet, “Dawn in-​nies għala qed jaħdmu daqshekk iebes?” Meta qalulha li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu qed jgħinu fil-​belt, għajnejha mtlew bid-​dmugħ. “Intom għandkom fidi vera,” qalet hi. “In-​nies juru verament x’inhuma meta jinqalaʼ xi diżastru.” Mara oħra qalet: “Kemm qed tagħmlu xi ħaġa meraviljuża! Ili ħafna ma nara xi ħaġa bħal din.”

L-għada, il-​gazzetta lokali Na Vodakh faħħret lix-​Xhieda taʼ Jehovah, u qalet li dawn neħħew iktar minn 100 tunnellata ħama mill-​belt. L-​uffiċjali tal-​belt taʼ Kislovodsk kitbu ittra taʼ ringrazzjament lix-​Xhieda u fiha qalulhom: “Il-​kontribut prezzjuż tagħkom reġaʼ ta lill-​belt is-​sbuħija li kellha qabel id-​diżastru . . . Żgur li l-​kliem taʼ gratitudni li se jintqal mill-​għadd kbir taʼ wħud li jżuru l-​belt tagħna se jkun l-​aqwa premju għalikom.”

Għalkemm id-​diżastru naturali li laqat ir-​reġjun tal-​Kawkasu tat-​tramuntana kkaġuna ħafna telf u taqlib, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu kuntenti juru l-​imħabba tagħhom lil sħabhom fit-​twemmin u lil għajrhom. Dan ġabilhom ferħ kbir b’mod speċjali għaliex jafu li dawn it-​turijiet taʼ mħabba jġibu glorja lil Jehovah, il-​Ħallieq tagħna.

[Mapep f’paġna 16]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Il-​Baħar l-​Iswed

IL-​MUNTANJI KAWKASU

Nevinnomyssk

Orbelyanovka

Zelenokumsk

Kislovodsk

Il-​Baħar Kaspju

[Sors]

Globu: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampa f’paġna 17]

Ix-​Xhieda xtraw din il-​kċina li tinġarr u ħejjew l-​ikel għal dawk fil-​bżonn

[Stampa f’paġna 17]

Din ix-​Xhud użat il-​vettura tal-​familja tagħha biex twassal l-​ikel u l-​provvedimenti

[Stampa f’paġna 18]

Uffiċjali f’Kislovodsk faħħru lix-​Xhieda talli għenuhom jirrestawraw il-​belt tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja