Il-Pedament Tiegħi Għal Ħajja Mimlija Skop
KIF RAKKONTAT MINN ERNEST PANDACHUK
Twilidt fil-kampanja vasta f’Saskatchewan, il-Kanada. Meta kelli 23 sena, mort l-Afrika, fejn hemmhekk qattajt ħajja interessanti bħala missjunarju għal 35 sena. Kif spiċċajt għamilt dawn l-affarijiet f’ħajti? Mhux b’kumbinazzjoni. Ħa nispjega.
L-EWWEL dar li kelli kienet magħmula mill-arbli, mit-tafal, u mill-ħaxix—ma tantx kienet addattata biex tipproteġi lill-familja tagħna mix-xtiewi kesħin ħafna fejn konna noqogħdu. Fl-1928, qabel ma l-biċċa l-kbira minna d-disat itfal twelidna, missieri u ommi aċċettaw il-letteratura Biblika minn viżitatur li ġie jżurna fir-razzett tagħna. Tul ix-xitwa twila taʼ wara, huma studjaw il-Bibbja bl-għajnuna taʼ dawn il-pubblikazzjonijiet. Sar-rebbiegħa taʼ wara, kienu konvinti li sabu l-verità. Kienu jitkellmu dwarha mal-familja, mal-ħbieb, u mal-ġirien iżda speċjalment mat-tfal tagħhom.
Twilidt fl-1931, u ftit wara twieldu l-ħames ħuti l-oħra. Il-qari u l-istudju tal-Bibbja kienu parti mir-rutina tal-familja tagħna. Nieħu gost niftakar meta konna nqattgħu kull fil-għodu flimkien. Missieri kien jieħu ħsieb li jiddiskuti vers mill-Bibbja magħna, anki meta kien ikollna l-viżitaturi. Ommi u missieri, kif ukoll it-tfal kbar l-oħra, kienu jaqraw darba kull wieħed il-pubblikazzjonijiet tal-Bibbja b’leħen għoli.
Minbarra li għallimna naqraw u niktbu, missierna għallimna wkoll nagħmlu r-riċerki billi nużaw il-konkordanzi tal-Bibbja. Malajr tgħallimna nużaw il-Bibbja biex nispjegaw it-twemmin tagħna lil ħaddieħor. Dawn id-diskussjonijiet interessanti għenuni biex nirraġuna fuq suġġetti tal-Bibbja. Bil-mod il-mod, stajt nuża l-Bibbja biex nuri li ċertu tagħlim reliġjuż kien falz. Stajt nagħti prova li r-ruħ tmut, li m’hemmx infern, u li Alla u Ġesù m’humiex ugwali jew parti mill-hekk imsejħa Trinità.—Koħèlet 9:5,10; Eżekjel 18:4; Ġwanni 14:28.
Missierna u ommna kienu wkoll jgħallmuna bl-eżempju u kienu jinkuraġġuna biex nibqgħu nżommu sħiħ maʼ dak li hu tajjeb, anki jekk dan kien ifisser li ma nkunux popolari man-nies. Bħal per eżempju, qatt ma kienu jużaw it-tabakk, u kienu jwissuna dwar l-effetti tiegħu li jniġġsu u tal-pressjoni li konna se niltaqgħu magħha l-iskola biex nużawh. Niftakar il-kliem taʼ missieri: “Hemm mnejn tiġi msejjaħ fidil jekk tirrifjuta li tpejjep. Iżda staqsi lill-persuna, ‘Min huwa raġel? Il-wieħed li huwa kontrollat mit-tabakk jew il-wieħed li jikkontrolla ttabakk?’”
Test ieħor li kien se juri jekk kontx se nobdi dak li kont tgħallimt mill-Bibbja fit-tfulija tiegħi kien meta kelli 11-il sena. Sa dak iż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kienet bdiet, u fl-iskola t-tfal kienu mistennijin li jwiegħdu l-lealtà tagħhom lill-bandiera. Mill-istudju tiegħi tal-Bibbja rrealizzajt li wegħda bħal din kienet att taʼ qima, għalhekk irrifjutajt li nipparteċipa. Dan wassal għat-tkeċċija tiegħi mill-iskola għal sitt xhur.
Madankollu, maż-żmien komplejt u spiċċajt l-iskola, u f’Marzu taʼ l-1947, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah billi tgħammidt. Sitt xhur wara sirt pijunier, proklamatur full-time taʼ l-aħbar tajba. L-ewwel qdejt fin-nofsinhar taʼ Saskatchewan, billi tajt xiehda lill-gabillotti u lill-ħaddiema fl-irziezet kbar f’dan it-territorju vast. Fis-sajf kont nivvjaġġa biż-żiemel, u fil-kesħa tax-xitwa, kont nuża slitta mgħottija li kienu jiġbduha ż-żwiemel, li aħna konna nsejħulha caboose. Konna nsaħħnuha permezz t’apparat li jaħdem bil-faħam, għalhekk ridt noqgħod attent li ma naqlibx is-slitta.
In-nies li kienu joqogħdu f’postijiet imwarrba kienu dħulin u ospitabbli. Meta kont immur inżurhom tard wara nofsinhar, taʼ spiss kienu jistidnuni biex norqod hemm. Kemm kont ngħożż id-diskussjonijiet ħajjin mill-Bibbja li kien ikolli! Il-membri tal-familja Petersons urew interess wara li kelli diskussjoni magħhom tul lejl sħiħ. Earl u ommu saru Xhieda taʼ Jehovah żelużi.
Naqdi fi Quebec
Fl-1949, weġibt għas-sejħa taʼ pijunieri biex jgħinu fix-xogħol taʼ l-ippridkar fil-provinċja taʼ Quebec. Madwar 200 pijunier mill-Kanada tal-punent wieġbu għaliha. Waslu fil-belt taʼ Montreal f’Settembru, lesti biex jaċċettaw l-inkarigi fi Quebec. Dan kien matul iż-żmien li kien qed jiggverna l-Prim Ministru Kattoliku Maurice Duplessis, li ħalef li jeħles il-provinċja mix-Xhieda.
Dawn kienu żminijiet mimljin xogħol, eċċitament, u sfidi. Kellna nitgħallmu l-lingwa Franċiża, kif ukoll ġejna arrestati u attakkati minn folla nies irrabjati u kien hemm xi fanatiċi li kienu jiġu jtellfu l-assembleat Kristjani tagħna. Madankollu, intolleranza bħal din ma kinitx tbeżżagħni jew iddgħajjifli d-deċiżjoni tiegħi li nagħżel karriera bħala ministru t’Alla. Il-ġenituri tiegħi nisslu fija l-imħabba għal dak li hu tajjeb u l-konvinzjoni li x-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja li Ġesù bassar kien se jitwettaq, kienet x’kienet l-oppożizzjoni.—Mattew 24:9, 14.
Matul iż-żmien li qattajt fi Quebec, iltqajt maʼ Emily Hawrysh, pijuniera leali minn Saskatchewan. Minn meta żżewwiġna fis-27 taʼ Jannar, taʼ l-1951, Emily saret ħaddiema leali miegħi u sieħba taʼ inkuraġġiment għalija. Minħabba li l-mira tagħna kienet li nieħdu sehem iktar bis-sħiħ fil-ministeru, applikajna għall-Iskola taʼ Gilgħad u ġejna aċċettati bħala studenti tagħha. Din l-iskola tipprovdi kors taʼ diversi xhur li jipprepara lill-ministri għas-servizz missjunarju. Aħna ggradwajna mill-20 klassi taʼ Gilgħad fi Frar taʼ l-1953.
Sakemm konna qegħdin nistennew id-dokumenti li kienu jħalluna nidħlu fl-Afrika, ġejna mistiedna biex ngħinu l-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Alberta u Ontario, il-Kanada. Dak iż-żmien konna nivvjaġġaw minn kongregazzjoni għal oħra bit-trasport pubbliku. Għalhekk tgħallimna nissimplifikaw ħajjitna u nġorru dak kollu li kellna f’bagalja waħda. Ftit xhur wara, meta x-xogħol taʼ l-ivvjaġġar u d-dokumenti tagħna kienu lesti, tlaqna lejn ir-Rodeżja t’Isfel, issa msejħa Żimbabwe.
Naddattaw għall-Ħajja fl-Afrika
Fi żmien ħames xhur minn meta wasalna, ġejna assenjati biex inżuru gruppi tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Żimbabwe kif ukoll fil-Botswana u f’partijiet tat-tramuntana tar-Rodeżja taʼ Fuq (issa z-Zambja). Fl-iskola taʼ Gilgħad konna ġejna inkuraġġiti biex ma nqabblux l-inkarigu barrani tagħna maʼ pajjiżna u biex niftakru li, jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom, nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mill-esperjenzi tagħna. Dan il-kliem tassew għaqli għenna biex naġġustaw il-ħsieb tagħna. Sa llum il-ġurnata, jien u Emily naqblu maʼ l-espressjoni, “Agħmel l-aħjar li tistaʼ f’kull sitwazzjoni; hemm mnejn li ma terġax tiġi.”
Ivvjaġġajna minn post għal ieħor bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja, bit-trakk, jew bir-rota—dak li stajna nsibu. Għalkemm dan kien taʼ strapazz, kien hemm ċirkustanzi oħra li kienu se jkunu taʼ prova għad-deċiżjoni li konna ħadna biex ‘nagħmlu l-aħjar f’kull sitwazzjoni.’ Għall-ewwel sentejn, minħabba restrizzjonijiet legali Emily ma setgħetx tivvjaġġa miegħi f’territorji tribwali. Għalhekk, wara ftit snin taʼ żwieġ marti kellha tibqaʼ fl-irħula qrib taʼ l-istazzjon fejn taʼ spiss ma kienx ikun hemm Xhieda oħrajn. Il-fidi, il-kuraġġ, u d-determinazzjoni taʼ Emily, mhux biss ġagħluni nammiraha u nħobbha iktar, iżda wkoll ġab ħafna frott tas-Saltna lil dawn il-komunitajiet.
Immedjatament wara li sibna akkomodazzjoni maʼ wieħed mill-abitanti lokali, Emily kienet tagħti xiehda fil-viċinanza, sakemm jien kont nasal lura mit-territorju tribwali. Xi drabi, kienet taqdi waħedha għal xahar. Kienet issib is-saħħa u l-protezzjoni billi kienet tafda fl-id setgħana taʼ Jehovah, u l-ministeru tagħha għamel il-frott. Per eżempju, Rita Hancock wieġbet għall-verità tal-Bibbja u iktar tard ir-raġel tagħha għamel l-istess. Hu sar ħu leali li qeda bħala anzjan Kristjan sa mewtu. Illum hemm kongregazzjonijiet b’saħħithom li jinsabu f’xi rħula fejn Emily żergħet iż-żerriegħa tal-verità tal-Bibbja.
L-Ospitalità u l-Kapaċità Afrikana
Sadanittant, fit-territorji tribwali, l-apprezzament profond tax-Xhieda Afrikani lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah u lejn ir-rappreżentanti tagħha li jivvjaġġaw kien esperjenza li qanqlitni. Dawn l-aħwa Kristjani kollhom imħabba kienu jieħdu ħsiebi tajjeb. Kull nhar taʼ Tnejn kont nivvjaġġa minn post taʼ l-assemblea għal ieħor. Il-postijiet fejn kont noqgħod kienu għerejjex tal-ħaxix li jkunu għadhom kif inbnew. Dan kien iġibli memorji taʼ meta kont noqgħod ġor-razzett tal-familja tiegħi f’Saskatchewan. Is-sodda tiegħi kienet saqqu tal-ħaxix oħxon 30 ċentimetru u mifrux fl-art, b’liżar fuqu.
L-assembleat fl-inħawi tribwali ġeneralment kienu jsiru f’ambjent naturali fil-foresti. Dawk li kienu jattendu kienu jneħħu l-pjanti u siġar żgħar u jħallu dawk is-siġar folti għad-dell. Qatet tal-ħaxix kienu jintrabtu puliti u rranġati f’ringieli bl-ordni biex inpoġġu fuqhom. Fl-aħħarnett, kienu jtellgħu ċint tal-ħaxix biex jagħlqu dik il-biċċa art. F’dan l-ambjent naturali, qalbi kienet dejjem titqanqal bil-vuċijiet melodjużi taʼ ħutna Afrikani waqt li jgħannu tifħir lil Jehovah b’ilħna li tant jaqblu flimkien li ma tistax tinsiehom.
Esperjenza Memorabbli
Fil-ministeru tiegħi ltqajt maʼ Gideon Zenda, spettur ewlieni taʼ l-iskejjel tal-missjoni li kienet tieħu ħsiebhom il-Knisja Anġelika. Gideon kien irċieva l-edukazzjoni, inkluż it-taħriġ mill-università, permezz tal-knisja. Madankollu, kien għadu ma ħax tweġibiet sodisfaċenti għal ħafna mill-mistoqsijiet li kellu dwar il-Bibbja. Għalhekk qalli biex niltaqaʼ miegħu u maʼ diversi kollegi ħalli nwiġiblu dawn il-mistoqsijiet. Madwar 50 ruħ kienu preżenti għas-sessjoni, inkluż l-ispetturi taʼ l-iskola, il-kapijiet taʼ l-iskola, u l-għalliema. Gideon mexxa din is-sessjoni. Iddiskutejna bl-ordni suġġett wara l-ieħor. Tkellimt għal kwarta fuq kull suġġett imbagħad ikkunsidrajt il-mistoqsijiet. Is-sessjoni damet sejra għal diversi sigħat.
Ir-riżultat taʼ din il-laqgħa mhux tas-soltu kien li Gideon, il-familja tiegħu, u numru kbir taʼ kollegi tiegħu saru qaddejja dedikati u mgħammdin taʼ Jehovah. L-isqof lokali ma ħallihomx jibqgħu jaħdmu fis-sistema taʼ l-edukazzjoni Anglikana. Madankollu, kollha kemm huma ma beżgħux u baqgħu leali fis-servizz taʼ Jehovah, u xi wħud minnhom bdew jaqdu bħala pijunieri.
Reazzjoni għal Film Drammatiku
Fl-1954, ix-Xhieda taʼ Jehovah ħarġu l-film The New World Society in Action (Is-Soċjetà tad-Dinja l-Ġdida fl-Azzjoni). Is-sena taʼ wara tneħħew ir-restrizzjonijiet legali li kien hemm qabel, jiġifieri li mara ma tistax tmur maʼ żewġha f’territorji tribwali. Dan ippermetta lil Emily biex tivvjaġġa miegħi fit-territorji tribwali. Dak iż-żmien ngħatajna karozza, ġeneratur taʼ l-elettriku, u proġekter biex nuru l-film fil-komunitajiet tribwali. Ħafna wħud qatt ma kienu raw film, għalhekk dan ġibed ħafna attenzjoni. Il-film wera pass wara l-ieħor kif issir il-produzzjoni tal-Bibbji u l-letteratura Biblika fl-istamperija kbira tagħna fi Brooklyn, New York.
Il-film inkluda wkoll xeni tal-fratellanza internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah tieħu sehem fil-qima f’Yankee Stadium, New York, fl-1953. In-nies Afrikani qatt ma kienu raw daqshekk unità u mħabba bejn razez differenti. Dan il-film qanqal lil ħafna familji minn Żimbabwe biex jistudjaw il-Bibbja u jassoċjaw max-Xhieda. Diversi kapijiet taʼ l-iskola madwar il-pajjiż talbu biex jintwera dan il-film għax għarfu l-valur edukattiv taʼ dan il-film għall-istudenti tagħhom.
Darba fil-għaxija xi Xhieda qajmuni għax xtaqu jaraw il-film. Bi stagħġib għalija madwar 500 ruħ imxew għal ħafna sigħat biex jarawh. Semgħu li kont f’dawk l-inħawi u li kont qed nurih. Sakemm telqet dik il-folla, kien wasal grupp ieħor taʼ 300 ruħ. Għalhekk erġajt urejt il-film. L-aħħar uħud li rawh telqu fit-tlieta taʼ fil-għodu! Matul 17-il sena, fiz-Zambja biss, kien hemm iktar minn miljun ruħ li raw dan il-film impressjonanti!
Inkarigi Ġodda fl-Afrika
Wara li qattajna iktar minn ħames snin u nofs f’Żimbabwe, ġejna trasferiti fl-Afrika t’Isfel. Dan kien ifisser li kellna nitgħallmu l-lingwa Afrikaans. Iktar tard tgħallimna wkoll kif nitkellmu bis-Sesotho u ż-Żulu. Minħabba li konna kapaċi ngħallmu l-Kelma t’Alla f’lingwi oħra, dan żied l-effettività fil-ministeru tagħna u tana sens taʼ sodisfazzjon.
Kmieni fl-1960, ġejna assenjati fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar fin-nofsinhar taʼ l-Afrika. Għas-27 sena taʼ wara, ivvjaġġajna ħafna fil-Lesoto, fin-Namibja, fl-Afrika t’Isfel, u fi Sważiland, kif ukoll fil-gżejjer taʼ Ascension u taʼ Santa Elena fl-Oċean Atlantiku t’Isfel. B’kollox, ivvjaġġajna mijiet taʼ eluf taʼ mili biex naqdu lil ħutna Kristjani. L-għemejjel taʼ fidi u lealtà li wrew taħt ċirkustanzi ħżiena servew biex jinkuraġġuna ħalli qatt ma naqtgħu qalbna.
Per eżempju, sirt naf personalment lix-Xhieda fis-Sważiland li m’għamlux kompromess mill-fidi tagħhom meta r-Re Sobhuza II miet. Ladarba rrifjutaw li jieħdu sehem f’ritwali mhux skritturali li kienu jsiru meta kien imut xi ħadd nobbli bħal dan, huma tkeċċew minn xogħolhom u tneħħewlhom id-drittijiet bħala ċittadini. Minkejja li għal snin sħaħ kienu mċaħħdin minn ċerti affarijiet u batew, qatt ma ċaħdu l-fidi tagħhom. Il-fatt li sirna nafu lil dawn l-aħwa Kristjani taʼ l-għaġeb u tkellimna magħhom wiċċ imbwiċċ huwa privileġġ kbir li dejjem se nirringrazzja lil Jehovah għalih.
Hemm ukoll Philemon Mafereka, pijunier minn Mokhotlong, il-Lesoto, post li qiegħed fuq il-muntanji f’għoli taʼ iktar minn 3,000 metru. Ladarba ma kienx hemm trasport disponibbli, hu u martu, iż-żewġt itfal tagħhom, u erbaʼ kandidati għall-magħmudija mxew 100 kilometru għall-assemblea li kienet se ssir f’post f’għoli taʼ 1000 metru. Matul il-biċċa l-kbira tal-vjaġġ tagħhom kellhom jitħabtu biex jitilgħu għoljiet weqfin. Ixxabbtu maʼ passaġġi dojoq fil-muntanji u qasmu bosta nixxigħat u xmajjar.
Huma u sejrin id-dar wara l-assemblea, ġarrew magħhom mitt kopja tal-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna. Kienu bi ħsiebhom jagħtu dawn il-kotba lin-nies lura f’Mokhotlong. Iżda minħabba l-interess kollu li sabu tul triqithom fil-letteratura Biblika, il-kotba li kellhom laħqu spiċċawlhom qabel ma waslu d-dar. Għalija u għal Emily kien privileġġ li naraw iż-żelu u d-devozzjoni t’aħwa Kristjani rġiel u nisa bħal Philemon u martu, u dan il-privileġġ għadna ngħożżuh sa llum.
Xi drabi ltqajna maʼ perikli minn sriep velenużi, bħalma huwa l-kobra, kif ukoll minn għargħar u affarijiet perikolużi oħra. Għalkemm xi drabi dawn l-esperjenzi kienu tal-biżaʼ, saru insinifikanti meta jitqabblu mal-barkiet u l-ferħ li ssib f’karriera fis-servizz taʼ Jehovah. Tgħallimna li hu qatt ma jabbanduna l-uħud leali tiegħu.
Meta Emily kellha problemi serji tas-saħħa, Jehovah tana l-għerf biex inkampaw mas-sitwazzjoni b’mod bilanċjat. Tibdil fid-dieta u fil-kundizzjonijiet sanitarji għenuha biex tfiq malajr. Bnejna karavan fuq trakk żgħir biex, hekk kif konna nivvjaġġaw Emily setaʼ jkollha ambjent li stajna nikkontrollawh, u maż-żmien, reġgħet ħadet saħħitha.
Ir-Ritorn Lejn il-Kanada
Fl-1988, wara 35 sena taʼ servizz missjunarju fil-kontinent sabiħ taʼ l-Afrika, ġejna assenjati lura fil-Kanada. Imbagħad fl-1991, erġajt bdejt naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Tmien snin wara tatni puplesija. Għalkemm, minn dak iż-żmien, l-attività tiegħi saret limitata, xorta nsib il-ferħ li naqdi bħala anzjan f’waħda mill-kongregazzjonijiet f’Londra, Ontario.
Illum inħares b’sodisfazzjon lejn iż-żmien meta bdejt naqdi bħala pijunier riekeb fuq żiemel fin-nofsinhar taʼ Saskatchewan xi 56 sena ilu. Kemm jien grat li missieri ppersista li jgħallimna biex naħsbu bħala persuni spiritwali u biex qatt ma nibżgħu niddefendu l-verità u s-sewwa! Hu għallimni l-Kelma t’Alla li tatni skop f’ħajti. Dan il-wirt kien taʼ benefiċċju għalija tul ħajti kollha. Qatt ma se nibdel ħajti fis-servizz taʼ Jehovah maʼ xi ħaġa oħra li qed toffri din id-dinja qadima.
[Stampa f’paġna 19]
Il-familja tagħna taʼ disat itfal fl-1949, m’ommi li qed iżżomm l-iżgħar wieħed mit-tfal. Jien qiegħed bil-wieqfa warajha
[Stampa f’paġna 20]
Bnejt din il-“caboose” biex inkun nistaʼ nużaha fil-ministeru tiegħi
[Stampa f’paġna 20]
In-nisa fi Quebec li ġew arrestati minħabba l-ippridkar
[Stampa f’paġna 22, 23]
Jien ħadt sehem f’li ngħallem lil dawn l-indokraturi li jivvjaġġaw f’Żimbabwe
[Stampa f’paġna 23]
Bnejna dan il-karavan biex Emily tkun tistaʼ tfiq malajr
[Stampa f’paġna 23]
Ritratt reċenti maʼ Emily