Il-Miraklu taʼ Kull Sena f’Namaqualand
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AFRIKA T’ISFEL
Kulfejn tħares, il-kampanja vasta mimlija fjuri taʼ kull kulur. Spiss, dawk li jiġu jżuru l-post taʼ Namaqualand ma tantx ikunu jistgħu jikkontrollaw l-eċċitament tagħhom hekk kif jaraw b’għajnejhom stess il-miraklu li jseħħ hawnhekk taʼ kull sena. “Maʼ l-ewwel daqqa t’għajn,” tgħid bi stagħġib waħda li marret f’dan il-post, “il-fjuri jidhru bħal lava mdewba tnixxi mix-xquq, u jimlew sa l-inqas rokna b’oranġjo jgħajjat.”
Iżda din il-bidla partikulari bil-fjuri tar-rebbiegħa għala hija daqshekk taʼ l-għaġeb? Namaqualand huwa post niexef u kbir ferm fin-naħa tal-majjistral taʼ l-Afrika t’Isfel. Lil hinn mill-muntanji fit-tramuntana, ix-Xmara Orange hija l-fruntiera tat-tramuntana taʼ dawn l-inħawi. Namaqualand, post akbar mill-Isvizzera (madwar 50,000 kilometru kwadru), jibqaʼ nieżel ’l isfel għal xi 200 kilometru, ftit iktar minn nofs triq għal Cape Town. Matul il-biċċa l-kbira tas-sena, it-temperatura fuq l-art ħawlija tilħaq l-40 grad Celsius matul il-ġurnata u tinżel għal temperatura friżata taʼ 8 gradi Celsius taħt iż-żero bil-lejl. Peress li tistaʼ tgħid li m’hemmx xmajjar jew għadajjar u hemm kemm kemm ilma mielaħ taħt l-art, Namaqualand jistaʼ jidher post li ma tantx iħajrek—sakemm isir il-miraklu taʼ kull sena!
Kull sena, ftit wara x-xita tax-xitwa, mill-bidu t’Awissu sa nofs Settembru, il-kampanja taʼ Namaqualand li s-soltu tkun niexfa tinbidel f’wirja taʼ fjuri bir-radam. Għelieqi sħaħ jimtlew kollha nwar oranġjo, sofor, roża, bojod, ħomor, blu, u vjola. Ladarba din il-wirja ddum biss ftit ġimgħat fis-sena, nies minn madwar id-dinja kollha jkunu ħerqanin hekk kif ilestu ruħhom biex jitpaxxew b’dan il-bukkett fjuri abbundanti.
Is-sigriet taʼ din il-wirja verament spettakolari huwa l-ammont preċiż taʼ xita li tinżel u doża tajba taʼ dawl tax-xemx wara x-xita. Imbagħad kulħadd jittama li ma jiġux l-irjieħ sħan mil-lvant, għax malajr jaħarqu l-petali delikati u jħalluhom bla ħajja u bla kulur.
Il-pajjiż tal-meravilji taʼ Namaqualand huwa r-riżultat ukoll tal-produzzjoni kbira taʼ żrieragħ. Madankollu, ħafna mill-fjuri ma jinbtux kull sena—irid ikun hemm ċerti kundizzjonijiet speċifiċi fil-klima biex dawn jikxfu s-sbuħija tagħhom. Waqt li xi żrieragħ jinbtu wara sena biss, żrieragħ oħra jibqgħu reqdin għal diversi staġuni waqt li jistennew il-kundizzjonijiet li huma tajbin eżatt għalihom biex jikbru. “Xi żrieragħ,” tispjega waħda mill-viżitaturi, “għandhom mekkaniżmu li jipproteġihom u ma jħallihomx jinbtu qabel il-waqt. Minflok ma jinbtu malli jħossu bexxa xita waqt li tkun għadha s-sħana, dawn iż-żrieragħ jinbtu biss meta jkun hemm kemm il-frisk u kemm l-umdità—kundizzjonijiet ideali biex jikbru u jibqgħu ħajjin f’dan l-ambjent aħrax.”
Kull sena jkun hemm wirja differenti, skond il-bilanċ delikat taʼ xita u n-nuqqas taʼ rjieħ sħan, u f’xi snin il-wirja tkun iktar spettakolari minn snin oħrajn. “Minħabba li kull speċi għandha t-temperatura speċifika tagħha biex tinbet,” jispjega ktieb wieħed, “u l-ewwel xita tistaʼ tinżel minn April sa Lulju (xhur b’temperaturi differenti) minn sena għal oħra jistgħu jinbtu speċi differenti, skond meta tinżel l-ewwel xita.”—Namaqualand—South African Wild Flower Guide.
X’varjetà taʼ fjuri hemm—iktar minn 4,000 speċi, u kull waħda għandha lforma, il-kulur, u l-mod partikulari tagħha taʼ kif tinbet! F’xi nħawi, nistgħu naraw minn 10 s’20 speċi taʼ fjuri f’naqra taʼ metru kwadru. Is-sbuħija tax-xena ġġiegħel lil tavlozza taʼ pittur tidher monotona u nieqsa mill-kulur. Anki l-iktar kliem impressjonanti m’huwiex biżżejjed biex jiddeskrivi l-ġmiel taʼ l-għaġeb taʼ Namaqualand.
Madankollu, xi pitturi, poeti, u kittieba jispiraw ruħhom minn dawn il-wirjiet straordinarji bil-fjuri. “Kienet il-ġurnata kbira taʼ żrigħ għall-art,” irrifletta l-poeta mill-Afrika t’Isfel D. J. Opperman, “meta . . . minn ġo toqba fl-aqwa borża taʼ żrieragħ li kellu l-Mulej, dak li kien hemm fiha baqaʼ għaddej.” Ammiratur kbir kiteb: “Donnha l-qawsalla tkaxkret max-xagħri deżert, u xerrdet irqajjaʼ taʼ kulur maʼ kullimkien.” Waħda mill-viżitaturi rriflettiet: “Ġmiel bla tarf bħal dan iġagħlek tapprezza l-ġenerożità u l-għerf immens tal-Ħallieq tagħna, Jehovah.”
Iktar minn hekk, is-sbuħija tal-miraklu taʼ kull sena f’Namaqualand tiżgurana li l-Ħallieq tagħna jistaʼ juża mekkaniżmi bijoloġiċi bħal dawn biex jerġaʼ jġib l-art kollha Ġenna—għall-pjaċir etern tal-qaddejja leali u grati tiegħu. (Salm 37:10, 11, 29) Imbagħad mad-dinja kollha, se “jifraħ ix-xagħri u jwarrad.”—Isaija 35:1.
[Stampa f’paġna 24, 25]
Għelieqi sħaħ, li fihom madwar 50,000 kilometru kwadru, mimlijin kollha nwar