LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 4/8 pp. 12-14
  • Alla Għala Jħallina Nbatu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Għala Jħallina Nbatu?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Niffaċċjaw Realtajiet li M’Humiex Sbieħ
  • Jaħti Alla?
  • Għala Alla Jippermetti l-​Ħażen
  • M’Aħniex Waħedna
  • Faraġ għal Dawk li Jsofru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Għala Jiġru Affarijiet Ħżiena, u n-Nies Għala Jbatu?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Għala hawn daqstant tbatija?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 4/8 pp. 12-14

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Alla Għala Jħallina Nbatu?

“Alla qiegħed hemm fuq, fis-​sema, fejn kollox hu sabiħ, filwaqt li aħna qegħdin hawn isfel inbatu.”​—Mary.a

Ż-​ŻGĦAŻAGĦ taʼ llum twieldu f’dinja kiefra. Traġedji bħal terremoti u diżastri naturali li jaħsdu l-​ħajjiet t’eluf taʼ nies donnhom saru komuni. Fl-​aħbarijiet, ħlief bi gwerer u attakki terroristiċi ma tismax. Il-​mard, il-​kriminalità, u l-​inċidenti jikkaġunaw il-​mewt tal-​maħbubin tagħna. Fil-​każ taʼ Mary, kwotata hawn fuq, it-​traġedja laqtitha b’mod persunali. Hi qalet dan il-​kliem kollu mrar wara l-​mewt taʼ missierha.

Meta t-​traġedji jeffettwawna personalment, huwa normali li nħossuna frustrati, konfużi, jew saħansitra rrabjati. ‘Għala kellu jiġri hekk?’ tistaʼ tistaqsi. ‘Għala jien?’ jew ‘Għala issa?’ Mistoqsijiet bħal dawn jistħoqqilhom tweġibiet sodisfaċenti. Imma biex it-​tweġibiet ikunu tajbin, irridu niksbuhom mis-​sors it-​tajjeb. Veru, bħalma osserva wieħed żagħżugħ jismu Turrell, xi kultant in-​nies “ikunu wisq muġugħin biex jirriflettu fuq dak li jkun ġara.” Għaldaqstant, forsi int trid issib mod kif tikkalma xi ftit l-​emozzjonijiet tiegħek sabiex tkun tistaʼ tirraġuna​—b’mod loġiku u raġunevoli.

Niffaċċjaw Realtajiet li M’Humiex Sbieħ

Forsi m’humiex affarijiet li tieħu pjaċir taħseb fuqhom, imma l-​mewt u t-​tbatija huma fatti tal-​ħajja. Sewwa qal Ġob: “Il-​bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.”​—Ġob 14:1.

Il-Bibbja twiegħed dinja ġdida fejn se “tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:​13; Apokalissi 21:​3, 4) Madankollu, qabel ma jseħħu dawn il-​kundizzjonijiet ideali, l-​umanità trid tgħaddi minn żmien taʼ ħażen li qatt ma kien hawn bħalu. Il-​Bibbja tgħid: “Dan għandek tkun taf: li l-​aħħar tad-​dinja jkun żmien iebes.”​—2 Timotju 3:1.

Kemm se jdum għaddej dan iż-​żmien diffiċli? Id-​dixxipli taʼ Ġesù staqsew bażikament l-​istess mistoqsija. Però, Ġesù ma tahomx jum jew siegħa speċifika meta kellha tispiċċa din is-​sistema dinjija mimlija miżerja. Minflok, Ġesù qal: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:​3, 13) Il-​kliem taʼ Ġesù jinkuraġġina biex inħarsu iktar fil-​bogħod. Irridu nkunu lesti nissaportu ħafna sitwazzjonijiet koroh qabel ma sa fl-​aħħar jiġi t-​tmiem.

Jaħti Alla?

Għaldaqstant, jagħmel sens li nirrabjaw għal Alla talli jippermetti t-​tbatija? Le, mhux meta tqis li Alla wiegħed li jtemm it-​tbatija kollha. Lanqas ma jagħmel sens li tħoss li Alla qiegħed jikkaġuna l-​ħażen. Ħafna traġedji huma sempliċement ir-​riżultat taʼ ġrajjiet oħra li jseħħu bla mistenni. Per eżempju, immaġina li r-​riħ jaqleb siġra u din tweġġaʼ lil xi ħadd. Forsi n-​nies jgħidu li din hi opra t’Alla. Imma Alla ma ġagħalx lil dik is-​siġra tinqaleb. Il-​Bibbja tgħinna nifhmu li affarijiet taʼ niket bħal dawn jiġru sempliċement minħabba “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” mhux mistennijin.​—Koħèlet 9:​11.

It-tbatija tistaʼ wkoll tirriżulta minn nuqqas taʼ għaqal. Ejja ngħidu li grupp taʼ żgħażagħ joqogħdu jixorbu l-​alkoħol u wara jmorru dawra bil-​karozza. Imbagħad ikollhom inċident ikrah. Min jaħti? Alla? Le, huma ħasdu l-​konsegwenzi tan-​nuqqas t’għaqal tagħhom.​—Galatin 6:7.

‘Imma m’huwiex Alla qawwi biżżejjed biex itemm it-​tbatija issa?’ għandek mnejn tistaqsi. Xi nies leali fi żminijiet Bibliċi kellhom l-​istess mistoqsija. Il-​profeta Ħabakkuk staqsa lil Alla: “L-​għala nies mill-​agħar tħobb tagħti kashom, iżżomm is-​skiet meta min hu ħażin jiblaʼ lil min hu aktar minnu ġust?” Madankollu, Ħabakkuk ma wasalx għal ċerti konklużjonijiet bla ma qagħad jaħsibha. Hu qal: “Nistenna ħalli nara x’sejjer jgħidli.” Iktar tard, Alla żgurah li meta jkun ‘waqtu,’ Hu kien se jtemm it-​tbatija. (Ħabakkuk 1:13; 2:​1-3) Għaldaqstant, aħna rridu nkunu paċenzjużi u nistennew lil Alla biex itemm il-​ħażen meta jasal il-​waqt li għażel hu.

Taqbadx u tgħid li Alla b’xi mod jixtieqna nbatu jew li qed jittestjana personalment. Huwa minnu li t-​tbatija tistaʼ toħroġ it-​tajjeb li hemm fina u li l-​Bibbja tgħid li l-​provi li Alla jippermetti jistgħu jirfinawlna l-​fidi. (Lhud 5:8; 1 Pietru 1:7) Tabilħaqq, ħafna nies li jgħaddu minn esperjenzi trawmatiċi jew taʼ prova tassew isiru iktar paċenzjużi jew juru iktar mogħdrija. Imma m’għandniex nikkonkludu li t-​tbatija tagħhom ġiet mingħand Alla. Min jirraġuna hekk qed jinsa xi mħabba u għerf għandu Alla. Il-​Bibbja tgħid ċar u tond: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-​ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” Għall-​kuntrarju, mingħand Alla tiġi “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett”!​—Korsiv tagħna; Ġakbu 1:​13, 17.

Għala Alla Jippermetti l-​Ħażen

Mela, minfejn ġej il-​ħażen? Ftakar li Alla għandu avversarji​—prinċipalment il-​wieħed “li hu msejjaħ id-​Demonju u x-​Xitan, il-​qarrieq tad-​dinja kollha.” (Apokalissi 12:9) Alla poġġa lill-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, f’dinja mingħajr problemi. Iżda Satana kkonvinċa lil Eva li hi setgħet tgħix aħjar mingħajr il-​ħakma t’Alla. (Ġenesi 3:​1-5) B’sogħba, Eva emmnet il-​gideb taʼ Satana u m’obdietx lil Alla. Adam għamel bħalha u rribella magħha. X’kien ir-​riżultat? “Il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha,” tgħid il-​Bibbja.​—Rumani 5:​12.

Minflok ma qabad u rażżan din ir-​ribelljoni billi qered lil Satana u s-​segwaċi tiegħu, Alla ra li kien xieraq iħalli ż-​żmien jgħaddi. X’kien se jwettaq b’dan? Ħaġa waħda kienet li ż-​żmien kien se juri kemm Satana hu giddieb! Kien se jkun hemm biżżejjed provi li juru li l-​indipendenza minn Alla ma ġġib xejn ħlief diżastru. Mhux eżattament hekk ġara? “Id-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:​19) Barra minn hekk, il-​“bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” (Koħèlet 8:9) Ir-​reliġjonijiet umani fihom ħallata ballata taʼ tagħlim kontradittorju. Fid-​dinja qatt ma kien hawn morali baxxi daqs taʼ llum. Il-​gvernijiet umani pprovaw kull tip taʼ ħakma immaġinabbli. Huma jiffirmaw trattati u jadottaw liġijiet, imma l-​bżonnijiet tan-​nies komuni għadu ma sar xejn dwarhom. Il-​gwerer qed ikomplu jżidu mal-​miżerja li hawn.

Huwa ċar li neħtieġu li Alla jindaħal u jtemm il-​ħażen! Imma dan se jiġri biss meta jasal il-​waqt li għażel Alla. Sa dakinhar, għandna l-​privileġġ li nappoġġaw il-​ħakma t’Alla billi nobdu l-​liġijiet u l-​prinċipji tiegħu kif insibuhom fil-​Bibbja. Meta jiġru affarijiet koroh, nistgħu niksbu faraġ permezz tat-​tama ċerta taʼ ħajja f’dinja ħielsa mill-​problemi.

M’Aħniex Waħedna

Xorta waħda, meta t-​tbatija teffettwana personalment, forsi nistaqsu lilna nfusna, ‘Għala jien?’ Madankollu, l-​appostlu Pawlu jfakkarna li m’aħniex waħedna meta nbatu minħabba l-​ħażen. Pawlu jgħid li “l-​ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-​uġigħ tal-​ħlas.” (Rumani 8:​22, korsiv tagħna.) Jekk iżżomm dan il-​fatt f’moħħok, se tkun tiflaħ għat-​tbatija. Per eżempju, Nicole baqgħet ixxokkjata emozzjonalment wara l-​attakki terroristiċi tal-​11 taʼ Settembru, 2001, fil-​belt taʼ New York u f’Washington, D.C. “Kont ixxokkjata u mwerwra,” tammetti hi. Imma meta qrat rakkonti taʼ kif ħutha l-​Kristjani kampaw f’dik it-​traġedja, il-​ħarsa tagħha nbidlet.b “Irrealizzajt li assolutament m’iniex waħdi. Bil-​mod il-​mod bdejt nirkupra mill-​uġigħ u n-​niket tiegħi.”

Kultant, ikun għaqli li ssib lil xi ħadd maʼ min titkellem—xi ħadd mill-​ġenituri, ħabib matur, jew anzjan Kristjan. Meta tiftaħ qalbek maʼ xi ħadd li tafdah se tkun tistaʼ tirċievi “kelma tajba” taʼ inkuraġġiment. (Proverbji 12:25) Żagħżugħ Kristjan mill-​Brażil jiftakar: “Jien tlift lil missieri disaʼ snin ilu, u naf li xi darba Jehovah se jirxoxtah. Imma xi ħaġa li għenitni kienet li nniżżel bil-​miktub dak li nħoss. Ukoll, jien ftaħt qalbi maʼ sħabi l-​Kristjani.” Għandek xi ‘ħbieb’ veri maʼ min tiftaħ qalbek? (Proverbji 17:17) Mela ibbenefika mill-​għajnuna tagħhom kollha mħabba! Toqgħodx tibżaʼ tibki jew tgħid x’qed tħoss. Anki Ġesù, darba minnhom “beka” meta mietlu ħabib!—Ġwanni 11:35.

Il-Bibbja tiżgurana li xi darba se nkunu “meħlusa mill-​jasar tat-​taħsir” u ngawdu “l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Sakemm jiġi dak iż-​żmien, jistaʼ jkun hemm ħafna nies li se jbatu. Ikseb il-​faraġ billi titgħallem għala hawn it-​tbatija u kif din dalwaqt se tispiċċa.

[Noti taʼ taħt]

a Xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

b Ara s-​serje “Kuraġġ fi Żmien taʼ Diżastru,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Jannar, 2002.

[Stampa f’paġna 14]

Jistaʼ jkun t’għajnuna li tesprimi n-​niket tiegħek

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja