Xi Ħaġa Aqwa minn Riforma
JEKK siġra tipproduċi frott ħażin, m’intix se ssolvi l-problema billi taqtgħalha ftit zkuk. Trid tqaċċat is-siġra u taqlgħalha l-għeruq minn taħt l-art. Imbagħad trid tiżraʼ siġra oħra, waħda li tagħmel frott tajjeb.—Mattew 7:16-20.
Għall-istess raġuni, anki dawk ir-riformisti bl-iktar miri onorabbli jipprovaw isolvu biss is-sintomi tal-ħażen fis-soċjetà umana—il-korruzzjoni, l-inġustizzja, in-nuqqas taʼ neċessitajiet tal-ħajja, u s-serq. Però, l-għerq tal-problema jinsab ħafna iktar fil-fond. Dak li jrid jinbidel hu s-sistema kollha kemm hi. Hekk twiegħed il-Bibbja.
Is-Saltna t’Alla hija gvern fis-sema li se jagħmel iktar—ħafna iktar—milli sempliċement jagħti xeħta ġdida, jerġaʼ jorganizza, jew jirriforma s-soċjetà umana. Dan il-gvern se jintroduċi mod ġdid għalkollox taʼ kif jitmexxew l-affarijiet tal-bnedmin, waqt li jgħaqqad l-umanità kollha taħt il-ħakma tiegħu. Dan il-gvern se jieħu ħsieb kwistjonijiet bħall-edukazzjoni, ix-xogħol, id-djar, in-nutriment, is-saħħa, u l-ambjent.
Salm 72:12-14 jiddeskrivi b’mod profetiku x’se jagħmel is-Sultan Messjaniku għall-bnedmin: “Hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija.”
Imma biex is-soċjetà tinħeles kompletament mill-korruzzjoni, l-inġustizzja, u n-nuqqas taʼ neċessitajiet tal-ħajja, żgur li mhux biss il-gvern irid jinbidel imma anki n-nies iridu jinbidlu. Għal din ir-raġuni, is-Saltna se tagħti lil kull individwu gwida persunali dwar kif wieħed jistaʼ jgħix ħajja hienja, mimlija skop, u premjanti. Il-Bibbja twiegħed li s-Saltna t’Alla se tgħin lis-sudditi tagħha fuq l-art jinbidlu waħedhom. Kif?
Is-Saltna se tħarreġ lis-sudditi tagħha fil-mogħdijiet t’Alla Jehovah, u għalhekk se tgħinhom jiżviluppaw il-fidi u l-imħabba. (Isaija 11:9) L-imħabba lejn Alla tqanqal lill-individwu jaġixxi mill-qalb. Per eżempju, fl-ewwel seklu Ġesù ltaqaʼ maʼ Żakkew, kap tal-pubblikani li kien qed jimla butu billi jqarraq u jżid it-taxxi li jiġbor mingħand in-nies. Ġesù m’għamel xejn biex jissikka lil dan l-uffiċjal korrott ħalli jimbarazzah u jġagħlu jibdel triqatu. Minflok, Ġesù għen lil Żakkew jinduna bl-iżball tiegħu u jindem. Żakkew tqanqal bl-għarfien eżatt tal-prinċipji divini u bl-imħabba għal Alla. Hu għamel bidliet sinifikanti.—Luqa 19:1-10.
M’hijiex din soluzzjoni superjuri għan-nuqqasijiet tas-soċjetà? Se jkun hemm gvern perfett u ġust li se jieħu ħsieb l-affarijiet tal-bnedmin flimkien maʼ motivazzjoni persunali minn kull individwu biex jibdel triqatu. Imbagħad se jibqaʼ jkollna bżonn riforma? Le, għaliex Alla se jkun ġedded kollox. Se jkunu għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.—Apokalissi 21:4, 5.
[Stampi f’paġna 10]
Is-Saltna t’Alla mhix se ġġib riforma imma se tibdel kollox
[Stampa f’paġna 11]
Meta kien fuq l-art Ġesù għen lil individwi jagħmlu bidliet persunali