LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 4/8 pp. 5-9
  • Ir-Riformisti Għandhom is-Soluzzjoni?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Riformisti Għandhom is-Soluzzjoni?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ir-​Riformisti Matul l-​Istorja
  • Il-​Varjetà tar-​Riforma
  • Mhux Kulħadd Jaqbel
  • Riformi bla Effett
  • Kien Ġesù Kristu Riformista?
  • It-talba Għal Riforma
    Stenbaħ!—2004
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2004
  • Xi Ħaġa Aqwa minn Riforma
    Stenbaħ!—2004
  • Huma x-Xhieda taʼ Ġeħova Protestanti?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 4/8 pp. 5-9

Ir-​Riformisti Għandhom is-​Soluzzjoni?

NEGOZJI li jagħmlu frodi, uffiċjali u aġenziji għall-​ħarsien tal-​liġi li huma parzjali, inġustizzji soċjali, kura tas-​saħħa inferjuri, edukazzjoni taʼ livell baxx, serq finanzjarju f’isem ir-​reliġjon, u l-​ambjent sfruttat—dawn huma kollha kwistjonijiet li jġagħlu lil ħafna minna nħossuna diżappuntati. Dawn ukoll huma kwistjonijiet li jqanqlu lir-​riformisti biex jaġixxu.

Kważi f’kull tip taʼ soċjetà tistaʼ ssib ir-​riformisti li jinkuraġġixxu li ssir bidla bl-​ordni u b’mod kostituzzjonali. Ġeneralment, dawn ma jkunux ribelli jew xewwiexa, peress li ħafna riformisti jżommu mal-​liġi u joqogħdu lura mill-​vjolenza. Xi riformisti għandhom pożizzjonijiet importanti fis-​soċjetà u jieħdu l-​inizjattiva biex iġibu bidliet. Oħrajn jipprovaw jipperswadu lil dawk fil-​poter biex jieħdu xi tip taʼ azzjoni.

Ir-riformisti jipprovaw iġagħlu lis-​soċjetà taħseb mill-​ġdid dwar il-​mod kif għandha ssolvi ċerti kwistjonijiet. Huma mhux sempliċement jipprotestaw; għandhom l-​ideat dwar kif jistgħu jitjiebu l-​affarijiet. Sabiex jiġbdu l-​attenzjoni lejn dak li jinkwetahom, ir-​riformisti għandhom mnejn jagħmlu xi petizzjoni lill-​pubbliku, jipprotestaw fit-​triq, jew ifittxu li jidhru fuq il-​mezzi tax-​xandir. Waħda mill-​agħar affarijiet li tistaʼ tiġri lil riformista hi li s-​soċjetà tinjorah.

Ir-​Riformisti Matul l-​Istorja

Seħħew ħafna riformi matul l-​istorja. Il-​Bibbja tgħidilna li xi 2,000 sena ilu, kelliemi pubbliku faħħar lil Feliċ, il-​prokuratur tal-​Lhudija li kienet provinċja Rumana, billi qal: “Bil-​għaqal tiegħek sar ħafna tibdil għall-​aħjar taʼ dan il-​poplu.” (Atti 24:2) Xi 500 sena qabel Feliċ, il-​leġislatur Grieg Solon ra li jkun hemm riformi sabiex itejjeb il-​kundizzjoni tal-​foqra. Solon “temm l-​agħar sitwazzjonijiet taʼ faqar” f’Ateni tal-​qedem, tispjega The Encyclopædia Britannica.

L-istorja tar-​reliġjon hija ppakkjata bir-​riformisti. Per eżempju, Luteru pprova jirriforma l-​Knisja Kattolika Rumana, u l-​inizjattivi tiegħu wittew it-​triq għall-​Protestantiżmu.

Il-​Varjetà tar-​Riforma

Ir-​riformisti għandhom mnejn ukoll jipprovaw jibdlu dak li hu ordinarju. Xi riformisti jinkuraġġixxu mod taʼ ħajja tabilħaqq differenti. Dan kien il-​każ tal-​moviment Lebensreform (riforma tal-​mod taʼ ħajja) fil-​Ġermanja fil-​bidu tas-​seklu 20. Minħabba li s-​soċjetà bdiet issir dejjem iktar industrijalizzata, ħafna nies ħassew li ħajjithom saret mekkanika u huma saru insinifikanti bħala individwi. Ir-​riformisti ħeġġew lin-​nies biex jgħixu ħajja iktar naturali. Huma inkuraġġew lin-​nies biex ikunu iktar f’saħħithom, jagħmlu attivitajiet fuq barra, jieħdu mediċina naturali, u jkunu veġetarjani.

Riformisti oħra jikxfu fil-​beraħ l-​inġustizzji u jagħmlu pressjoni lill-​gvern biex jirranġa s-​sitwazzjoni. Mill-​bidu tas-​snin 70, gruppi taʼ attivisti taʼ l-​ambjent ipprotestaw kontra l-​abbuż u t-​taħsir taʼ l-​ambjent. Xi wħud minn dawn il-​gruppi issa saru organizzazzjonijiet globali. L-​attivisti jagħmlu iktar minn sempliċi dimostrazzjonijiet u protesti kontra l-​affarijiet li jipperikolaw l-​ambjent. Huma joffru wkoll suġġerimenti dwar kif tistaʼ titranġa s-​sitwazzjoni. Għenu wkoll biex tinbidel il-​leġislazzjoni fuq, fost affarijiet oħra, ir-​rimi taʼ l-​iskart tossiku fil-​baħar u l-​kaċċa tal-​balieni.

Fis-snin 60, il-​Konċilju Vatikan it-​Tieni għadda riforma fil-​Knisja Kattolika Rumana. Fis-​snin 90 ukoll kien hemm dawk li saru riformisti fost il-​lajċi tal-​Knisja Kattolika. Per eżempju, huma ssuġġerew bidla fil-​kwistjoni taċ-​ċelibat. Ir-​riformisti tal-​Knisja taʼ l-​Ingilterra rnexxielhom idaħħlu bidla li tippermetti l-​ordinazzjoni tan-​nisa bħala qassisin.

Mhux Kulħadd Jaqbel

Ċerti riformi għamlu ħafna ġid. Per eżempju, fil-​Bibbja nsibu diversi eżempji taʼ mexxejja nazzjonali u oħrajn li inkuraġġew riformi taʼ min jixtieqhom. Dawn l-​isforzi reġgħu qajmu l-​ispiritwalità, ġabu tiġdid soċjali, u l-​approvazzjoni divina. (2 Slaten 22:​3-20; 2 Kronaki 33:​14-17; Neħemija, kapitli 8 u 9) Fi żminijiet iktar reċenti saret ħafna enfasi fuq il-​libertajiet bażiċi, id-​drittijiet ċivili, u d-​drittijiet umani u dan għamel ħafna ġid biex jipproteġi u jiddefendi lill-​minorità żvantaġġata u lil uħud persegwitati.

Madankollu, ladarba r-​riformi jiġu introdotti, spiss iġibu magħhom affarijiet li ma tkunx qed tistenniehom. John W. Gardner, uffiċjal pubbliku tas-​seklu 20, innota: “Waħda mill-​iktar affarijiet ironiċi fl-​istorja hi li spiss ir-​riformisti ma jindunawx x’se jkunu l-​konsegwenzi tar-​riformi tagħhom.” Ikkunsidra xi eżempji.

Mill-bidu tas-​snin 80, il-​Komunità Ewropea bdiet riformi fl-​agrikultura bl-​iskop li tagħmel il-​ġid lill-​art miksija ħaxix u lix-​xagħri fejn jikbru l-​pjanti b’mod naturali. Politika ġdida dwar l-​agrikultura għamlet disponibbli iktar minn 2,590 kilometru kwadru taʼ art li kienet tinħarat fil-​Ġermanja u fl-​Italja biex tinbidel f’art fejn il-​ħaxix jikber waħdu. Minkejja li l-​intenzjonijiet kienu tajbin, kien hemm riskji li ma setgħux jidhru minn qabel. “Waqt li għall-​ewwel ġiet milqugħa bħala opportunità biex jiżdiedu l-​valuri ekoloġiċi taʼ dawn l-​inħawi,” stqarr il-​Programm tal-​Ġnus Magħquda għall-​Ambjent, “miżuri [biex ċerti nħawi jitħallew] ‘apparti’ jistgħu wkoll ikollhom riżultati negattivi—iġagħlu lin-​nies jabbandunaw il-​biedja li ssir b’mod tradizzjonali u jadottaw sistemi mhux addattati taʼ kif jikkultivaw l-​imsaġar u kif jiżirgħu ħafna siġar fejn ma kienx hemm.”

Dwar l-​isforzi biex tingħata għajnuna lill-​foqra, il-​Fond Internazzjonali għall-​Iżvilupp Agrikolu stqarr: “L-​isforzi kollha li jsiru għall-​ġid tal-​foqra permezz taʼ riforma fl-​istituzzjoni jiffaċċjaw problema kbira. L-​istituzzjonijiet ġeneralment jinħolqu u jitmexxew fl-​interess taʼ dawk li huma fil-​poter. . . . Il-​kbarat għandhom it-​tendenza li jmexxu l-​istituzzjonijiet lokali kif jaqbel lilhom.”

Eżempju ieħor hu l-​moviment tal-​femministi, li bidel il-​ħajjiet tan-​nisa fid-​dinja tal-​Punent billi tahom affarijiet bħad-​dritt għall-​vot u opportunitajiet akbar biex ikollhom edukazzjoni għolja u karrieri. Imma anki xi wħud minn dawk li jappoġġaw il-​ħelsien tan-​nisa jammettu li l-​femminiżmu solva ċerti problemi waqt li kabbar problemi oħra. Il-​kittieba Susan Van Scoyoc staqsiet: “Huwa minnu li tejjibna l-​ħajja tan-​nisa jew inkella, minħabba li nistennew li n-​nisa jlaħħqu max-​xogħol sekulari u max-​xogħol tad-​dar mingħajr ebda għajnuna, għamilnielhom ħajjithom infern?”

Riformi bla Effett

Xi riformisti ġew akkużati li fittxew ir-​riforma sempliċement biex ibiddlu l-​affarijiet. Waqt li spjega dik li sejħilha riforma bla effett, Frederick Hess, li studja r-​riforma taʼ l-​iskola, osserva: “Il-​problema bir-​riżultati koroh taʼ l-​isforzi tar-​riforma estensiva hija fin-​natura taʼ kif issir ir-​riforma stess. Minflok ma jsolvu l-​problemi, dawn l-​isforzi biex issir riforma saru aljenazzjonijiet li fil-​fatt żiedu” l-​problemi li suppost kellhom isolvu. Hu jkompli: “Peress li kull tip taʼ gvern għandu t-​tendenza li jibda riformi ġodda, il-​proċess kollu jerġaʼ jibda mill-​bidu kull ftit snin.”

Ukoll, ir-​riformi jistgħu wkoll jispiċċaw biex jintużaw ħalli jmexxu ’l quddiem kawża differenti li xi drabi tistaʼ tkun taʼ ħsara. Il-​moviment Lebensreform fil-​Ġermanja għen biex tiġi żviluppata t-​teorija taʼ l-​ewġenika, l-​istudju taʼ kif titjieb ir-​razza umana billi jintgħażlu ġenituri li se jipproduċu wlied iktar b’saħħithom. Madankollu, l-​estremisti użaw ħażin dan l-​għarfien sabiex jappoġġaw is-​Soċjalisti Nazzjonali fil-​ġlieda ideoloġika tagħhom li joħolqu razza superjuri.

Anki dawk li jappoġġaw ir-​riforma b’mod ferventi kultant jisfaw diżappuntati minħabba r-​riżultati. Is-​Segretarju Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda Kofi Annan ilmenta: “Naħseb li l-​iktar ħaġa frustranti hi li lkoll nafu x’hemm ħażin u xi jrid isir, imma spiss ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn dwaru. Kultant segretarjat immexxi mis-​segretarju ġenerali jingħata mandat biex jagħmel xi ħaġa dwar dan, imma ma jkunx hemm riżorsi disponibbli biex ikun jistaʼ jwettaq id-​deċiżjonijiet. Ġieli, meta jseħħu affarijiet inkredibbli u nkunu rridu nqajmu l-​kuxjenza tad-​dinja, ħadd ma jkun irid jiċċaqlaq minħabba xi esperjenzi koroh tal-​passat.”

Ir-riformisti ma jistgħux jittamaw li jsiru popolari, għaliex meta jiġbdu l-​attenzjoni lejn il-​kawża tagħhom huma jiskomodaw lil ħaddieħor. “Ir-​riformista minn dejjem kien xewka fil-​ġisem,” qal Jürgen Reulecke, professur taʼ l-​istorja moderna u speċjalista tar-​riformisti li ġie kwotat fil-​gazzetta Die Zeit. Iktar minn hekk, għalkemm ħafna riformisti jżommu mal-​liġi u joqogħdu lura mill-​vjolenza, xi wħud jitilfu l-​paċenzja jekk il-​progress jimxi bil-​mod. F’ċirkustanzi bħal dawn moviment tar-​riforma jistaʼ jqajjem grupp taʼ ġellieda li jmorru kontra l-​liġi.

Ħassewhom in-​nies in ġenerali iktar sodisfatti b’ħajjithom minħabba r-​riformi li saru maʼ kullimkien f’dawn l-​aħħar snin? Ma tantx jidher li hu l-​każ. Per eżempju, fil-​Ġermanja, stħarriġ li sar għall-​opinjoni tal-​pubbliku jindika li f’dawn l-​aħħar 35 sena jew iktar, il-​livell tas-​sodisfazzjon bil-​ħajja baqaʼ prattikament l-​istess. Xi ngħidu għar-​reliġjon? Ġibdu r-​riformi reliġjużi iktar aduraturi? Huma l-​aduraturi iktar sodisfatti bir-​reliġjon? Le, bħalma juri l-​fatt li d-​dinja tal-​Punent qed issir dejjem iktar indifferenti lejn ir-​reliġjon u n-​nies qed isiru dejjem inqas interessati fir-​reliġjon tradizzjonali.

Kien Ġesù Kristu Riformista?

Xi wħud għandhom mnejn jgħidu li Ġesù Kristu kien riformista. Huwa dan minnu? Din il-​mistoqsija hija importanti għal kulmin irid ikun qaddej veru t’Alla, peress li dan jinvolvi li jsegwi mill-​qrib il-​passi taʼ Kristu.—1 Pietru 2:21.

Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li Ġesù kellu l-​abbiltà li jdaħħal ir-​riformi. Bħala raġel perfett, hu setaʼ joħloq bidliet kbar u jivvinta metodi ġodda. Madankollu, Ġesù ma beda ebda kampanja biex jeħles lid-​dinja minn uffiċjali korrotti jew negozjanti diżonesti. Hu ma mexxiex protesti fit-​toroq kontra l-​inġustizzja, għalkemm hu nnifsu kellu jsir vittma innoċenti taʼ inġustizzji kbar ferm. Ġieli, Ġesù ‘ma kellux fejn imidd rasu.’ Xorta waħda, hu ma ħoloqx xi grupp li jagħmel pressjoni sabiex jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​bżonnijiet taʼ dawk bla dar. Meta xi wħud esprimew li kienu inkwetati dwar il-​finanzi Ġesù spjegalhom: “Il-​foqra ssibuhom dejjem magħkom.” Ġesù żamm ruħu newtrali fejn jidħlu l-​konflitti tad-​dinja.—Mattew 8:20; 20:28; 26:11; Luqa 12:​13, 14; Ġwanni 6:​14, 15; 18:36.

M’għandniex xi ngħidu, Kristu ħass għal oħrajn minħabba problemi bħall-​faqar, il-​korruzzjoni, u l-​inġustizzja. Fil-​fatt, il-​Bibbja turina li hu kien imdejjaq ħafna minħabba l-​istat tal-​bnedmin li kienu taʼ min jitħassarhom. (Mark 1:​40, 41; 6:​33, 34; 8:​1, 2; Luqa 7:​13) Imma hu offra soluzzjoni unika. Dak li kellu f’moħħu Ġesù kien, mhux sempliċi riforma, imma bidla totali fil-​mod kif jitmexxew l-​affarijiet tal-​bnedmin. Din il-​bidla se sseħħ permezz tas-​Saltna tas-​sema introdotta mill-​Ħallieq taʼ l-​umanità, Alla Jehovah, u mmexxija minn Ġesù Kristu bħala Sultan. Dan se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

[Kumment f’paġna 6]

“Waħda mill-​iktar affarijiet ironiċi fl-​istorja hi li spiss ir-​riformisti ma jindunawx x’se jkunu l-​konsegwenzi tar-​riformi tagħhom.”​—John W. Gardner

[Kumment f’paġna 7]

“Naħseb li l-​iktar ħaġa frustranti hi li lkoll nafu x’hemm ħażin u xi jrid isir, imma spiss ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn dwaru.”—Segretarju Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda, Kofi Annan

[Kaxxa/Stampi f’paġna 8, 9]

“Irriskjajt Ħajti biex Nipproteġi l-​Ambjent”

Hans dam ibaħħar għal 48 sena, u iktar minn 35 sena minnhom għamilhom bħala kaptan taʼ vapur. Lejn tmiem il-​karriera tiegħu, hu kien kaptan fuq vapur li jintuża minn organizzazzjoni ambjentali. Hu jispjega:

“Minn dejjem emmint li l-​bnedmin għandhom jirrispettaw l-​ambjent u jittrattaw in-​natura bid-​dinjità. Allura, meta ngħatajt l-​opportunità li nkun il-​kaptan tal-​vapur taʼ grupp ambjentali, mill-​ewwel aċċettajt. Xogħolna kien li nuru lil kulħadd x’qed jipperikola l-​ambjent. Malli konna nippjanaw xi kampanja li għaliha ridna nbaħħru, konna ninvolvu l-​mezzi tax-​xandir ħalli niġbdu l-​attenzjoni tal-​pubbliku. Baħħarna u ħadna azzjoni biex nipprovaw inwaqqfu r-​rimi taʼ l-​iskart radjoattiv u s-​sustanzi tossiċi fil-​baħar. F’kampanja oħra, ipprovajna nwaqqfu lil uħud li kienu qed joqtlu l-​bumerini u ċ-​ċkejknin tagħhom.

“Dan ix-​xogħol kien jeħtieġ il-​qlubija. Irriskjajt ħajti biex nipproteġi l-​ambjent. Fi protesta minnhom, irbatt lili nnifsi bil-​manetti minn idejja maʼ l-​ankra taʼ vapur u spiċċajt imkaxkar magħha sa qiegħ il-​baħar. Darb’oħra, kont qed nivvjaġġa f’dingi maġenb vapur akbar. Xi ħadd tefaʼ tank tqil tal-​metall għal ġod-​dingi li nqalbet taʼ taħt fuq. Jien weġġajt sew.”

Maż-​żmien Hans irrealizza li għalkemm l-​intenzjonijiet taʼ l-​organizzazzjoni kienu tajbin, hu kien qed jirriskja ħajtu bi ftit li xejn ċans li jħalli effett dejjiemi fuq l-​ambjent. (Koħèlet 1:9) Ftit wara li telaq lill-​grupp ambjentali, hu studja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah u sar Xhud mgħammed. Illum hu ministru full-time. “Il-​Bibbja għenitni nirrealizza li s-​Saltna Messjanika t’Alla hi l-​unika soluzzjoni realistika li se tieħu ħsieb sew l-​ambjent.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Hi Ġġieldet għar-​Riforma

Sara (mhux isimha proprju) twieldet fl-​Asja f’nofs is-​snin 60. Hi kienet adolexxenti meta rivoluzzjoni f’pajjiżha ġabet fil-​poter gvern ġdid, li wiegħed riforma politika u soċjali. Għall-​ewwel, iċ-​ċittadini taʼ pajjiżha kienu kuntenti bil-​bidla, imma lanqas laħqet għaddiet sena li l-​gvern il-​ġdid ma bediex jippersegwita lil taʼ kontrih, l-​istess bħalma kien għamel il-​gvern taʼ qablu. Ħafna kienu diżappuntati, u Sara spiċċat involuta fl-​oppożizzjoni organizzata kontra l-​gvern il-​ġdid. Hi tispjega:

“Bħala grupp taʼ l-​oppożizzjoni konna nagħmlu laqgħat, u konna nipprotestaw fil-​pubbliku. Jien kont fit-​toroq tal-​belt kapitali nwaħħal il-​kartelluni u nqassam il-​volantini meta s-​suldati tal-​milizzja arrestawni. Fl-​aħħar, ħallewni nitlaq. Oħrajn fil-​grupp tagħna ma kinux daqshekk xortihom tajba. Tnejn minn sħabi nisa ġew arrestati u maqtulin. Ħajti kienet fil-​periklu, allura missieri ħeġġiġni nitlaq mill-​pajjiż.”

Issa li kienet qed tgħix fl-​Ewropa, Sara studjat il-​Bibbja u tgħammdet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Illum hi ministru full-time. Meta tiftakar xi ġralha, Sara tgħid:

“Dak li kont nixtieq kien il-​ġustizzja u soluzzjoni għall-​problemi soċjali tagħna. Rajt li l-​gvern il-​ġdid f’pajjiżna beda bl-​istess miri imma tant mar fl-​estrem li ma baqax jara l-​miri ċar u beda jaħqar lill-​popolazzjoni. Irrealizzajt ukoll li l-​grupp tal-​protesta li kont fih ma kellux is-​soluzzjonijiet għad-​diffikultajiet taʼ pajjiżna. (Salm 146:​3, 4) Issa nirrealizza li s-​Saltna Messjanika t’Alla hija s-​soluzzjoni għall-​problemi kollha tal-​bnedmin.”

[Stampa f’paġna 7]

Il-​Ħajt taʼ Berlin waqaʼ fl-​1989

[Stampa f’paġna 8]

Ġibdu r-​riformi reliġjużi iktar aduraturi?

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 5]

Lemin fuq: U.S. Information Agency photo

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 7]

Kofi Annan: UN/DPI photo by Evan Schneider (Feb97); sfond: WHO/OXFAM

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja