It-talba Għal Riforma
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-ĠERMANJA
“Kieku għadni żgħira kont nibda moviment tar-riforma!”qalet Anna, mara taʼ 80 sena fil-Ġermanja.“X’kont tibdel?”staqsieha Robert. “Kollox!” wiġbitu Anna.
ĦAFNA jaqblu maʼ Anna. Stħarriġ li sar fil-Ġermanja f’nofs is-snin 90 wera li 2 minn kull 3 persuni li sar l-istħarriġ fuqhom ħassew li kien hemm bżonn taʼ ‘riformi estensivi u bidliet soċjali importanti.’ Forsi s-sitwazzjoni hija simili f’pajjiżek.
Meta l-pubbliku jinsisti għall-bidla, ġeneralment jiġi mwiegħed li se jkun hemm riforma. Dwar ir-riforma fl-edukazzjoni, Frederick Hess, assistent professur taʼ l-edukazzjoni u l-gvern, kiteb: “Ir-riforma spiss tkun sforz li jsir taparsi sabiex il-komunitajiet bla sabar jikkalmaw.” Naqraw ħafna titli fil-gazzetti li jwiegħdu pjanijiet taʼ riformi fit-taxxi, fil-kura tas-saħħa, fl-agrikultura, u fis-sistema legali. Nisimgħu wkoll dwar riformi proposti għas-sistemi taʼ l-edukazzjoni, tal-benefiċċji soċjali, u penali.a Naqraw ukoll li l-membri taʼ xi knejjes qed jitolbu riformi fit-tagħlim.
Ir-Riforma Kontra l-Istat Preżenti taʼ l-Affarijiet
Xi jqanqal din id-domanda għall-bidla? Il-bniedem dejjem jipprova jtejjeb id-dinja taʼ madwaru. Dan ipprova jagħmlu billi uża l-votazzjoni, billi nefaq il-flus, bil-leġislazzjoni, jew billi uża l-forza b’mod aħrax. Jiġri hekk minħabba li l-bniedem għandu xewqa kbira li jtejjeb ħajtu, li jikseb futur aħjar għal uliedu, jew li jġib is-soċjetà fi qbil maʼ dak li jaħseb li hu ideali għall-benesseri, il-moralità, u l-ġustizzja. Sakemm jibqgħu jeżistu n-nies li jissieltu biex jevitaw il-konsegwenzi koroh taʼ l-injoranza, il-mard, il-faqar, u l-ġuħ, se jibqaʼ jkun hawn talba għal riforma.
Waqt li ħafna jieħdu pjaċir bir-riforma, oħrajn ma jaqblux mar-riformisti u maʼ dak li jipprovaw jiksbu. Xi wħud jippreferu jħallu s-soċjetà kif inhi, biex jippreservaw l-istat preżenti taʼ l-affarijiet. Huma jqisu lir-riformisti bħala li m’humiex prattiċi għaliex iridu jibdlu d-dinja iżda m’għandhomx idea x’inhi r-realtà. Il-Handbuch der deutschen Reformbewegungen 1880-1933 (Manwâl tal-Movimenti Ġermaniżi tar-Riforma 1880-1933) jinnota li r-riformisti “faċilment isiru vittmi tal-kritika, it-tpinġijiet politiċi tad-daħq, il-karikaturi, u l-ironija.” Il-kittieb tad-drammi Franċiż Molière darba stqarr: “Mill-ħmerijiet kollha li jeżistu, ebda waħda m’hija akbar minn dik li tipprova ttejjeb id-dinja.”
Int x’taħseb? Tistaʼ r-riforma ttejjeb id-dinja? Jew huma r-riformisti sempliċi nies mhux prattiċi li joħolmu? Xi ngħidu għar-riformi li saru fil-passat? Dawk li kienu responsabbli għalihom laħqu l-mira li kellhom? L-artikli li jmiss se jitħaddtu dwar dawn il-kwistjonijiet.
[Nota taʼ taħt]
a Fi qbil maʼ l-iskop li tgħid li għandha r-rivista Stenbaħ!, din dejjem “tibqaʼ newtrali fil-politika.” Din id-diskussjoni dwar ir-riforma għandha l-intenzjoni li tinforma lill-qarrejja u turihom l-unika soluzzjoni vera għall-bżonnijiet tal-bniedem.