Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nevita s-Sess Qabel iż-Żwieġ?
“Taʼ 19-il sena kelli relazzjonijiet sesswali maʼ ġuvni mill-iskola. Ma nistax nispjega kemm ħassejtni ħatja u mnikkta. Spiċċajt inħossni ma niswa għalxejn.”—Rita.a
IL-BIBBJA tikkmanda, “Aħarbu ż-żína!” (1 Korintin 6:18) Madankollu, ftit huma ż-żgħażagħ illum li lesti jobdu l-kliem tal-Bibbja u jżommu lura mis-sess sakemm jiżżewġu. Xi wħud, bħal Rita, ċedew għax-xewqat tagħhom u sofrew uġigħ emozzjonali u kuxjenza mtaqqla.
Huwa minnu li mhux faċli tikkontrolla x-xewqat sesswali. Bħalma josserva l-ktieb Adolescent Development, il-bidliet taʼ l-ormoni fil-pubertà dejjem iwasslu għal “żjieda fil-ġibdiet sesswali.” Paul jammetti, “Xi drabi, ħsibijiet dwar is-sess jidħlu f’moħħi mingħajr ebda raġuni.”
Madankollu, Howard Kulin, professur tal-pedjatrija jinnota: “Huwa żball kbir li nitfgħu l-ħtija taʼ l-imġiba [taʼ l-adoloxxenti] fuq l-ormoni biss.” Hu jispjega li fatturi soċjali huma responsabbli wkoll. Tabilħaqq, fatturi soċjali—partikolarment l-influwenza taʼ dawk taʼ mparek—jistgħu jkunu persważivi ħafna.
Fil-kiteb tagħha A Tribe Apart, Patricia Hersch tgħid li “ż-żgħażagħ bnew il-komunità tagħhom stess. . . . Iktar milli sempliċement grupp taʼ ħbieb, jispiċċaw jinqatgħu [mill-adulti] f’soċjetà bil-valuri, il-prinċipji morali, u r-regoli tagħha.” Madankollu, “il-prinċipji morali” u “r-regoli” taʼ ħafna żgħażagħ illum spiss jippromwovu li wieħed jissodisfa x-xewqat sesswali, mhux li jikkontrollahom. Għalhekk ħafna forsi jħossuhom taħt pressjoni biex jipprovaw is-sess qabel iż-żwieġ.
Minkejja dan, iż-żgħażagħ Kristjani huma determinati biex bl-għaqal jevitaw kull tip taʼ żína, għax jafu li Alla jikkundannaha bħala waħda mill-“għemejjel tal-ġisem.”b (Galatin 5:19) Però, kif tistaʼ tibqaʼ safi meta tiffaċċja dawn il-pressjonijiet kollha?
Fittex Ħbieb Għaqlin
Huwa taʼ interess li filwaqt li pressjonijiet soċjali jistgħu jinfluwenzawk b’mod negattiv, ħbieb tajbin jistgħu jinfluwenzawk b’mod pożittiv. Bħalma tgħid il-Bibbja: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref.” (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Rapport mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) osserva li “l-adoloxxenti li għandhom relazzjonijiet sinifikanti mal-ġenituri, m’adulti oħra li juru interess fihom, u maʼ sħabhom” u “dawk li ħajjithom għandha stabbilità u limiti . . . għandhom inqas probabbiltà li jieħdu sehem f’attivitajiet sesswali.”
Relazzjoni tajba mal-ġenituri tiegħek tistaʼ tkun t’għajnuna b’mod partikulari. Joseph jiftakar, “Il-ġenituri tiegħi għenuni ħafna biex nirreżisti l-pressjonijiet li nesperimenta bis-sess.” Tabilħaqq, ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla jistgħu jipprovdu stabbilità u limiti għalik li huma bbażati fuq il-Kelma t’Alla. (Efesin 6:2, 3) Huma jistgħu jappoġġawk fl-isforzi tiegħek biex tibqaʼ safi.
Huwa minnu li forsi għall-ewwel ikun diffiċli tkellimhom dwar is-sess. Imma forsi tibqaʼ sorpriż meta tara kemm jifhmu dak li qed tħoss. Wara kollox, xi darba huma wkoll kienu żgħażagħ. Għalhekk, Sonja tinkuraġġixxi lil żgħażagħ oħra, “Morru għand il-ġenituri tagħkom, u tħossukomx imbarazzati jew mistħijin biex tkellmuhom dwar is-sess.”
X’tistaʼ tagħmel jekk il-ġenituri tiegħek ma jsegwux il-livelli tal-Bibbja? Waqt li xorta tonorahom, forsi hemm bżonn li tfittex il-gwida mingħand xi ħadd mhux tal-familja. Paul, li ssemma qabel, jgħid, “Jien nirċievi għajnuna mill-aħjar f’dan minn koppji Kristjani miżżewġin li huma maturi.” Kenji, tfajla li ommha mhix taʼ l-istess twemmin, bl-istess mod tgħid, “Jien immur għand uħud maturi li jibnuni spiritwalment għal pariri.” Però twissi, “Jien nevita lil dawk li għandhom livelli morali baxxi, anki jekk isostnu li għandhom l-istess twemmin tiegħi.”
Xi drabi, forsi jkun neċessarju li toqgħod attent għall-assoċjazzjoni tiegħek ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. Il-Bibbja tfakkarna li fi kwalunkwe grupp kbir, spiss ikun hemm xi wħud li ma jaġixxux b’mod onorabbli. (2 Timotju 2:20) X’għandek tagħmel jekk issir taf li xi wħud miż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni tiegħek attwalment “jaħbu x’inhuma”? (Salm 26:4, NW) Evita assoċjazzjoni mill-qrib maʼ dawn l-uħud, u fittex ħbieb li jappoġġaw id-determinazzjoni tiegħek biex tibqaʼ nadif moralment.
Irrifjuta Propaganda li Tikkaġuna l-Ħsara
Għandek tieħu passi wkoll biex tipproteġi ruħek mir-ruxxmata taʼ xeni sesswali u kliem doppju sens li jinsabu f’kotba, rivisti, vidjos tad-diski, logħob tal-kompjuter, films, u fuq l-Internet. Il-mezzi tax-xandir ipinġu s-sess qabel iż-żwieġ bħala xi ħaġa attraenti, pjaċevoli, u mingħajr riskju. X’inhu l-effett taʼ dan? Kenji li ssemmiet qabel tammetti: “Jien kont nara programm tat-televixin fejn is-sess kien jiġi trattat b’mod indifferenti u anki kien hemm ħafna referenzi għall-omosesswalità. Ir-riżultat kien li bdejt ninsa kemm Jehovah iħares bis-serjetà lejn dawn il-kwistjonijiet.”
Il-verità hi, divertiment popolari spiss b’tattika jaħbi r-realtajiet koroh tas-sess qabel iż-żwieġ—tqala mhix mixtieqa, żwiġijiet taʼ wħud li għadhom żgħar, u mard trasmess sesswalment. Għalhekk, titqarraqx minn dawk li “jsejjħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb.”—Isaija 5:20.
Ftakar fil-kliem taʼ Proverbji 14:15: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” Jekk tiltaqaʼ maʼ xi stampi suġġestivi jew li jqanqluk sesswalment waqt li tkun qed taqra, tfittex fuq l-Internet, jew tara t-televixin, ħu passi mill-ewwel! Agħlaq il-ktieb, itfi l-kompjuter, jew biddel l-istazzjon! Imbagħad iffoka l-ħsibijiet tiegħek fuq xi ħaġa oħra—xi ħaġa taʼ ġid. (Filippin 4:8) Billi tagħmel dan, int tistaʼ twaqqaf ix-xewqat ħżiena qabel ma jilħqu jiżviluppaw.—Ġakbu 1:14, 15.
Oqgħod Attent għal Sitwazzjonijiet taʼ Tentazzjoni
Qiegħed int toħroġ maʼ xi ħadd? Mela hemm bżonn li toqogħdu iktar attenti. Il-Bibbja twissina: “Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9) Huwa faċli li tħallu turijiet t’affezzjoni jwasslukom għal kondotta sesswali mhux xierqa. Ħudu prewkazzjonijiet raġunevoli, bħal li jkollkom lil xi ħaddieħor magħkom jew li toħorġu maʼ gruppi t’aħwa maturi. Evitaw li tkunu waħedkom f’sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu taʼ tentazzjoni.
Però, forsi wasaltu biex tiżżewġu u tħossu li xi turijiet t’affezzjoni huma xierqa. Minkejja dan, rapport mill-WHO jwissi: “Meta ż-żwieġ ikun fil-qrib, il-maġġuranza tan-nisa spiss jieħdu sehem f’sess qabel iż-żwieġ, saħansitra f’pajjiżi fejn għandhom regoli stretti dwar dawn l-affarijiet.”c Għalhekk, agħmlu limiti fuq turijiet t’affezzjoni, u b’hekk tipproteġu ruħkom minn qsim il-qalb bla bżonn.
Għalkemm forsi tiskanta b’dan, ħafna żgħażagħ—speċjalment it-tfajliet—jiġu sforzati jew imġagħlin ikollhom relazzjonijiet sesswali. Skond studju wieħed, “60 fil-mija tat-tfajliet mill-Istati Uniti li kellhom relazzjonijiet sesswali qabel m’għalqu l-15-il sena m’għamlux dan minn jeddhom.” Dawk li jġagħluhom jgħaddu minn dan spiss jużaw il-forza biex jegħlbu l-vittmi tagħhom. (Koħèlet 4:1) Per eżempju, il-Bibbja tgħidilna li Amnon, it-tifel tas-Sultan David, ‘kien iħobb’ lil oħtu mill-missier Tamar u permezz taʼ l-ingann sforzaha biex timtedd miegħu.—2 Samwel 13:1, 10-16.
Dan ma jfissirx li huwa impossibbli taħrab l-istupru jew is-sess sforzat. Tistaʼ tagħmel ħafna biex tipproteġi ruħek billi toqgħod għassa għall-periklu, tevita sitwazzjonijiet taʼ tentazzjoni, u taġixxi mill-ewwel meta jkun hemm theddida.d
“Għaqqad” lil Qalbek
Aħna nittamaw li s-suġġerimenti li ddiskutejna hawn se jgħinuk fil-ġlieda tiegħek biex tibqaʼ safi. Imma fl-aħħar mill-aħħar, dak li hemm f’qalbek se jiddetermina l-imġiba tiegħek. Ġesù qal li ‘mill-qalb toħroġ iż-żína.’ (Mattew 15:19) Għalhekk għandek tirreżisti t-tendenza li ssir jew “b’żewġt iqlub” (indifferenti) jew “taʼ nofs qalb” (ipokrita) f’din il-kwistjoni ferm importanti.—Salm 12:3 (12:2, NW); 119:113, NW.
Jekk qatt tħoss li d-determinazzjoni tiegħek qed tiddgħajjef jew tħoss konflitt ġewwa qalbek, itlob bħalma għamel David meta talab: “Għaqqad lil qalbi biex nibżaʼ minn ismek.” (Salm 86:11, NW) Wara dan, aġixxi fi qbil mat-talb tiegħek billi tistudja l-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha u applika dak li titgħallem. (Ġakbu 1:22) Lydia tgħid, “Dak li jqanqalni biex nirreżisti tentazzjonijiet sesswali hu li dejjem niftakar ‘li ebda żieni jew faħxi ma jkollu wirt fis-Saltna taʼ Alla.’”—Efesin 5:5.
Li tevita s-sess qabel iż-żwieġ għandu mnejn ma jkunx faċli. Imma bl-għajnuna taʼ Jehovah, int tistaʼ żżomm ruħek safi u teħles lilek innifsek u lil oħrajn minn ħafna wġigħ u sofferenza.—Proverbji 5:8-12.
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Fih Ħażin is-Sess Qabel iż-Żwieġ?” fil-ħarġa tat-8 t’Awissu, 2004.
c Ara kapitlu 29 tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
d Suġġerimenti bħal dawn ngħataw fl-artikli “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” “Sexual Harassment—How Can I Protect Myself?” (Il-Fastidju Sesswali—Kif Nistaʼ Nipproteġi Lili Nnifsi?) fil-ħarġa tat-22 t’Awissu, 1995, u “X’Nistaʼ Nagħmel biex l-Għarus Ma Jibqax Jimmaltrattani?” fil-ħarġa tat-8 taʼ Lulju, 2004.
[Stampa f’paġna 17]
Li tiddiskuti kif tħossok mal-ġenituri tiegħek jistaʼ jgħinek tibqaʼ safi
[Stampa f’paġna 18]
Li toħorġu maʼ grupp taʼ nies maturi jistaʼ jkun taʼ protezzjoni