LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 9/8 pp. 23-25
  • Kif Tgħallem lill-Kelb Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tgħallem lill-Kelb Tiegħek
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Formazzjoni Ġenetika
  • Kif Tgħallmu Jobdi Kmandi Sempliċi
  • Ħabib Leali
  • Qatt Rajt Xoloitzcuintli?
    Stenbaħ!—2001
  • L-Annimali—Għotja Mingħand Alla
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2004
g04 9/8 pp. 23-25

Kif Tgħallem lill-​Kelb Tiegħek

Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-​Messiku

“IL-​KELB tiegħi ma jiġix meta nsejjaħlu.” “Il-​kelb tiegħi tant jinbaħ li l-​ġirien qegħdin jilmentaw.” “Il-​kelb tiegħi dejjem jogħla miegħi u maʼ min jiġi jarani.” F’każi bħal dawn is-​sidien tal-​klieb ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu u jistaqsu, “X’nistaʼ nagħmel?”

Probabbli, it-​tweġiba hi li tagħti lill-​kelb tiegħek taħriġ bażiku biex jitgħallem jobdi​—għallmu jobdi kmandi sempliċi. M’għandniex xi ngħidu, l-​aħjar li tibda meta l-​kelb ikun għadu ġeru. Iżda anki klieb li m’għadhomx ġriewi jistgħu jitgħallmu. Marcos, li hu mill-​Messiku u xogħlu hu li jgħallem il-​klieb, jgħid: “L-​età minima taʼ klieb li jkollna biex ngħallmuhom hi taʼ erbaʼ xhur, u l-​ikbar età hi taʼ ħames snin. Iżda rnexxieli ngħallem kmandi bażiċi anki lil klieb t’għaxar snin.”

Il-klieb huma intelliġenti. Jiġu mgħallmin ixommu d-​drogi u l-​isplussivi, jgħinu lin-​nies ħandikappati, u jaħdmu maʼ timijiet taʼ tfittxija u salvataġġ. Iżda kif tistaʼ tgħallem lill-​kelb tiegħek jobdik?

Formazzjoni Ġenetika

L-​ewwel, trid tkun taf dwar il-​formazzjoni ġenetika tal-​kelb tiegħek. Bħall-​ilpup, il-​klieb huma konxji tal-​livelli soċjali taʼ bejniethom. L-​istint tagħhom imexxihom biex jgħixu fi grupp taħt kap, li jkun il-​kelb dominanti. Il-​kelb tiegħek iħares lejn il-​familja tiegħek bħala l-​grupp li hu jifforma parti minnu, u jrid jifhem li int il-​kap.

Fi grupp taʼ lpup, il-​kap jagħżel l-​iktar post sħun u fl-​għoli fejn jorqod, u dejjem jiekol qabel l-​oħrajn. Għalhekk, jekk tħalli lill-​kelb jorqod fis-​sodda tiegħek jew tħallih jitlaʼ fuq l-​għamara, jistaʼ jikkonkludi li hu l-​kap. L-​istess jistaʼ jiġri jekk titimgħu mill-​mejda f’ħin l-​ikel.

Anki minn meta jkun ġeru, il-​kelb jistaʼ jitgħallem li hu f’pożizzjoni inferjuri għalik. Kif? Ipprova ħares fiss f’għajnejh sakemm idawwar ħarstu minnek. Ukoll, eżerċizzju tajjeb hu li togħrok żaqq il-​kelb waqt li jkun mimdud fuq dahru, għax din hi pożizzjoni taʼ sottomissjoni. Jekk il-​kelb ma jkunx qed iġib ruħu sew u ma jiqafx meta tgħidlu “No,” ipprova injorah jew itlaq mill-​kamra.

Meta l-​kelb jobdi l-​kmandi tiegħek, ikun qed jirrikonoxxi li int il-​kap. Jekk int bħala sidu ma tistabbilixxix il-​pożizzjoni tiegħek taʼ tmexxija, il-​kelb jistaʼ jikkonkludi li hu daqsek jew superjuri għalik, u dan jistaʼ jeffettwa l-​imġiba tiegħu.

Kif Tgħallmu Jobdi Kmandi Sempliċi

Biex tgħallem lill-​kelb tiegħek jobdi kmandi bażiċi għandek bżonn kullar, ċinga, u ħafna paċenzja. Manwâl dwar it-​taħriġ tal-​klieb jirrikkmanda dan li ġej: (1) Agħtih kmand sempliċi, jekk jistaʼ jkun kelma waħda, (2) urih l-​azzjoni mixtieqa, u (3) kun pront biex tfaħħru meta jobdi l-​kmand. It-​ton taʼ leħnek hu iktar importanti mill-​kliem li tuża. Kmand għandu jingħata b’ton sod, u biex tfaħħru għandek tuża ton ferrieħi u ħelu.

M’hemmx bżonn taʼ kastig fiżiku, bħal swat jew daqqiet taʼ sieq. “Jien ngħidlu sempliċement ‘No’ b’ton sod u ntawwal il-​vokali, biex il-​kelb jinduna li m’iniex ferħan b’li jkun għamel,” jgħid Marcos, it-​trainer li ssemma qabel. Hu jżid, “Kelb hu intelliġenti biżżejjed biex ikun jaf meta tkun qed tfaħħru u meta tkun qed iċċanfru.”

Jekk ikun hemm bżonn taʼ xi ħaġa iktar ħarxa, aqbad il-​kelb mill-​kozz t’għonqu u heżżu ftit waqt li tgħidlu “No.” Iċ-​ċanfira għandha tingħata waqt li tkun qed issir l-​imġiba mhix mixtieqa jew eżatt wara li tkun saret. Ftakar, kelb ma jistax jinduna għala qed jiġi mċanfar jekk iċ-​ċanfira ssir minuti jew sigħat wara li jkun għamel xi ħaġa li mhux suppost. Lanqas ma jistaʼ jifhem għala ċerta mġiba filli tkun aċċettabbli u filli ma tkunx. Għalhekk, kun konsistenti.

L-iktar kmand bażiku biex il-​kelb jobdik hu “Sit!” Jekk il-​kelb ikun jaf dan il-​kmand, tistaʼ tikkontrollah meta joqgħod imqareb. Per eżempju, jekk jogħla maʼ xi ħadd li jiġi jarak, tistaʼ tgħidlu “Sit!” Biex tgħallem lill-​kelb joqgħod bil-​qiegħda, libbsu ċ-​ċinga u, waqt li tagħtih il-​kmand, imbottalu l-​warrani ’l isfel u iġbidlu rasu ’l fuq bil-​mod biċ-​ċinga. Faħħru fil-​pront. Irripeti dan sakemm il-​kelb jobdi l-​kmand waħdu.

Biex tgħallem lill-​kelb jibqaʼ bil-​qiegħda f’postu, uża l-​kmand “Stay!” waqt li tkun wieqaf quddiemu u toħroġ idek bil-​pala lejh tħares ’l isfel. Jekk jiċċaqlaq għidlu “No,” u erġaʼ ġagħlu joqgħod bil-​qiegħda. Irripeti l-​kmand u faħħar il-​kelb jekk jibqaʼ bil-​qiegħda għal ħin qasir. Meta jibda jobdi l-​kmand, ibda żid ftit ftit il-​ħin li jibqaʼ bil-​qiegħda u mbagħad żid id-​distanza bejnek u bejn il-​kelb.

L-aħjar mod kif tgħallem lill-​kelb biex jiġi ħdejk hu li tuża ċinga twila u tiġbidha bil-​mod waqt li ssejjaħlu b’ismu u tgħidlu “Come!” Ersaq lura hekk kif il-​kelb jersaq lejk, u ibqaʼ faħħru. Ma jdumx ma jibda jobdi s-​sejħa tiegħek mingħajr ma tiġbidlu ċ-​ċinga. Jekk il-​kelb jinħall u ma jobdix il-​kmand “Come!” sejjaħlu u itlaq iġri fid-​direzzjoni opposta. Spiss, l-​istint iġiegħel lill-​kelb jiġi jiġri warajk.

Kelma taʼ twissija: Qatt m’għandek tuża l-​kelma “come” għal raġuni negattiva, bħal, per eżempju, biex tagħtih ċanfira. Il-​kelb irid jitgħallem li jekk jobdik x’ħin tgħidlu “Come,” ikollu riżultati sbieħ, tifħir jew xi ħaġa taʼ l-​ikel. Jekk titlef il-​paċenzja x’ħin tkun qed tgħallmu l-​kmand “Come,” il-​kelb jitgħallem li jekk jobdi dan il-​kmand jiddispjaċih u jibda jevitah.

Tistaʼ tgħallem ukoll lill-​kelb tiegħek biex jimxi miegħek mingħajr ma jiġri ’l quddiem jew jibqaʼ lura. Biex tagħmel dan trid kullar apposta u ċinga qasira. Poġġi l-​kelb fuq ix-​xellug tiegħek, agħtih il-​kmand “Heel!” u agħmel l-​ewwel pass b’sieqek tax-​xellug. Jekk il-​kelb jipprova jgħaġġel jew jimxi bil-​mod, iġbed waħda ċ-​ċinga bil-​qawwi u irripeti l-​kmand. Faħħru meta jobdi.

Kif tistaʼ żżomm il-​kelb biex ma jogħliex miegħek? Metodu wieħed hu li tersaq lura u tuża l-​kmand “Off!” imbagħad għidlu “Sit!” Mod ieħor hu li taqbadlu saqajh taʼ quddiem f’kull id u tersaq lejn il-​kelb, waqt li tirripeti l-​kmand “Off!” Meta jobdik faħħru.

Ħabib Leali

Ftakar, kelb hu annimal soċjali. Jekk tħallih ħafna ġewwa waħdu jistaʼ jibda jkun imqareb, jinbaħ bla waqfien, u jagħmel il-​ħsara. Bit-​taħriġ xieraq, il-​kelb tiegħek jistaʼ jsir ħabib leali u pjaċevoli​—minflok uġigħ taʼ ras.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 24]

Suġġerimenti biex Tgħallem lill-​Kelb Jobdi

1. Kun konsistenti meta tuża l-​kliem biex tagħtih il-​kmandi.

2. Il-​klieb iħobbu jisimgħu isimhom, u dan jiġbed l-​attenzjoni tagħhom. Għalhekk, uża isem il-​kelb meta tagħtih xi kmand. (“Rex, sit!”) Iżda tużax isem il-​kelb meta tkun qed iċċanfru, bħal meta tgħidlu “No!” Il-​kelb tiegħek irid jitgħallem li meta jismaʼ ismu u jobdi jwassal għal riżultati pożittivi, mhux negattivi.

3. Bħala premju ifraħ bih u faħħru. Ħafna klieb iktar jobdu għall-​affezzjoni li jirċievu milli għall-​ikel.

4. Żomm is-​sessjonijiet taʼ taħriġ qosra u pjaċevoli.

5. Tinkuraġġixxix imġiba mhix mixtieqa bla ma tinduna billi tagħti lill-​kelb ħafna attenzjoni meta joqgħod imqareb. Dan jirriżulta biss f’ripetizzjoni taʼ l-​imġiba mhix mixtieqa.

[Stampi]

Faħħru

“Rex, sit!”

[Sors]

Addattat minn Never, Never Hit Your Dog u l-​American Dog Trainers Network.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 25]

Kif Iddarri l-​Ġeru Tiegħek Jagħmel Barra

Tistaʼ tibda ddarri l-​ġeru tiegħek jagħmel barra minn meta jkollu bejn sitt u tmien ġimgħat. Skond Dog Training Basics, l-​affarijiet fundamentali biex tgħallem lill-​kelb tiegħek jagħmel barra huma li żżommu maqful, tħarrġu, iżżommlu l-​ħin, u tfaħħru. Ġeneralment, kelb ma jħobbx iħammeġ fejn jorqod. Għalhekk, żomm lill-​ġeru tiegħek maqful meta jkun waħdu. Idra meta jkun irid joħroġ jagħmel, u għallmu jagħmel fejn suppost. Oħorġu (biċ-ċinga) f’dan il-​post malli jqum, wara li jiekol, wara li jilgħab, jew qabel ma jorqod. Faħħru meta jagħmel. Għandu mnejn tkun trid tgħallmu jagħraf kelma li turih x’ħin u fejn għandu jagħmel.

Meta l-​ġeru tiegħek ma jkunx maqful, oqgħod attent għal xi sinjali li jindikaw li jrid jagħmel, bħal li jieqaf jilgħab f’daqqa, jibda jdur f’ċirku u jxammem, u joħroġ jiġri mill-​kamra. Jekk taqbad lill-​ġeru tiegħek waqt li jkun qed jagħmel ġewwa, għajjat miegħu u ħudu barra mill-​ewwel.a Għal darb’oħra, għalxejn tgħajjat miegħu ħafna wara li jkun għamel. Naddaf warajh bl-​ilma bil-​ħall biex tneħħi r-​riħa, għax jekk ma tagħmilx hekk il-​kelb jibqaʼ jagħmel f’dak il-​post.

[Nota taʼ taħt]

a Meta jagħmel pipì għax ikun qed jifraħ bik, dan ma jsirx apposta imma hi xi ħaġa normali fil-​klieb. Xi drabi meta l-​kelb jagħmel hekk, ikun minħabba li hu jirrikonoxxi li int il-​kap, jew li int fil-​pożizzjoni dominanti. Jekk iċċanfar lill-​kelb dak il-​ħin tkun qed tiggrava s-​sitwazzjoni, għax dan jistaʼ jġagħlu jagħmel iktar biex jurik li hu jqisek bħala l-​kap. Ġeneralment, meta l-​kelb ikollu sentejn ma jibqax jagħmel hekk.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja