Il-Ħarsa tal-Bibbja
Huwa d-Divorzju s-Soluzzjoni?
F IL-BRITANNJA ministru reliġjuż jagħti merħba lil dawk preżenti biex jiċċelebraw okkażjoni solenni. Quddiemu hemm koppja maʼ grupp taʼ ħbieb tal-qalb u tfal. Jinsabu dawn preżenti għal żwieġ ferrieħi ieħor? Xejn affattu! Din iċ-ċerimonja se ssir biex tirrikonoxxi t-tmiem taż-żwieġ tagħhom. Iva, id-divorzju tant sar ħaġa komuni li xi knejjes qegħdin jagħmlu ċerimonji tad-divorzju!
Qed taħseb biex tiddivorzja? Jekk inhu hekk, ċert int li t-tmiem taż-żwieġ tiegħek se jġiblek ħajja iktar ferħana? Hemm xi passi prattiċi li tistaʼ tieħu biex tkun ferħan mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek?
“Isiru Ġisem Wieħed”
Meta żżewġu l-ewwel koppja umana, Alla qal li raġel għandu “jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Għalhekk, iż-żwieġ kellu jkun għaqda permanenti. Fil-fatt, kien għalhekk li iktar tard Ġesù qal li “ż-żena” hija l-unika bażi Skritturali għal divorzju bil-possibbiltà li persuna tkun tistaʼ terġaʼ tiżżewweġ.—Mattew 19:3-9, Karm Żammit.a
Dan jenfasizza l-bżonn li tibqaʼ leali fiż-żwieġ. Iżda xi ngħidu jekk għandek problemi serji fiż-żwieġ tiegħek?
Huwa d-Divorzju l-Iktar Soluzzjoni Għaqlija?
Ġesù ta prinċipju li permezz tiegħu nistgħu neżaminaw l-azzjonijiet tagħna. Hu qal: ‘L-għerf tawh raġun l-opri tiegħu stess.’ (Mattew 11:19) X’jindika n-numru kbir taʼ divorzji li qed jittieħdu llum għal xejn b’xejn?
“Il-benefiċċji tad-divorzju ġew esaġerati,” tgħid Linda Waite, il-Professoressa tas-soċjoloġija mill-Università taʼ Chicago u l-kap taʼ tim t’esperti li kienu qegħdin jistudjaw żwiġijiet mhux ferħana. Bl-istess mod, wara li għamel 11-il sena janalizza r-respons t’eluf taʼ persuni, il-Professur Michael Argyle mill-Università t’Oxford fil-Britannja sab li “l-iktar nies imdejqin kienu dawk li kienu divorzjati jew separati.” Għal liema raġuni?
Filwaqt li d-divorzju għandu mnejn jelimina xi problemi, jistaʼ jħalli ġrajjiet trawmatiċi li forsi ma tantx ikollok kontroll fuqhom. Tabilħaqq, ir-riċerka turi li ġeneralment id-divorzju ma jnaqqasx is-sintomi tad-dipressjoni u lanqas ma jtejjeb il-mod kif wieħed iħares lejh innifsu.
Anki jekk m’għandikx “żwieġ perfett,” jekk tibqaʼ miżżewweġ jistaʼ jkun taʼ benefiċċju. Ħafna li huma determinati li jagħmlu dan isibu l-ferħ. Il-Professoressa Waite tgħid: “Maż-żmien, ħafna mill-problemi jitranġaw u l-miżżewġin isiru iktar ferħanin.” Fil-fatt, studju wieħed juri li kważi tmien persuni minn kull għaxra li kienu “mdejqin ħafna” biż-żwieġ tagħhom iżda evitaw id-divorzju sabu lilhom infushom fi “żwieġ hieni” ħames snin wara. Anki meta jkun hemm problemi serji, ikun tajjeb li koppja ma tiħux id-divorzju mill-ewwel.
Passi Prattiċi
Dawk li qegħdin jaħsbu jekk jiddivorzjawx għandhom jistaqsu lilhom infushom jekk listennijiet tagħhom dwar iż-żwieġ humiex realistiċi. Il-mezzi tax-xandir ippromwovu stampa taʼ relazzjoni romantika li tilħaq il-quċċata tagħha b’tieġ lussuż li jispiċċa qisu bħal f’xi ħrafa. Wara li jgħaddi t-tieġ u l-istennijiet kbar ma jitwettqux, id-diżappunt li jirriżulta jistaʼ joħloq konflitt. Hekk kif it-tensjonijiet jiżdiedu, tiżviluppa sitwazzjoni fejn is-sentimenti mweġġgħin jiddominaw lemozzjonijiet. L-imħabba tibred u, eventwalment, ir-rabja u l-mibegħda jiħdulha postha. F’ċirkustanzi bħal dawn, xi wħud iħossu li l-unika soluzzjoni hi li jiddivorzjaw.—Proverbji 13:12.
Minflok ma tħalli s-sentimenti negattivi jeffettwawlek il-ħarsa tiegħek, assoċja maʼ dawk li jħarsu lejn iż-żwieġ bħala rabta serja. Il-Kristjani huma mħeġġin biex ‘ifarrġu lil xulxin u jibnu lil xulxin, kif qegħdin jagħmlu.’ (1 Tessalonikin 5:11) Bla dubju, dawk li għandhom l-inkwiet fiż-żwieġ għandhom bżonn l-inkuraġġiment minn sħabhom fit-twemmin.
L-Importanza li Turi Kwalitajiet bħal t’Alla
“Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar,” wissa l-appostlu Pawlu. (Kolossin 3:12) Il-kwalitajiet li jogħġbu lil Alla jistgħu jissalvagwardjaw l-għaqda fiż-żwieġ meta dan ikun għaddej minn żminijiet imqallbin.
Per eżempju, Pawlu kiteb: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin.” (Kolossin 3:13) Christopher Peterson, psikologu mill-Università taʼ Michigan, jgħid: “L-iktar kwalità marbuta mill-qrib mal-ferħ hija l-maħfra.”
Il-ħlewwa, it-tenerezza, u l-maħfra jwasslu għall-imħabba, ir-“rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14, NW) X’aktarx li xi darba kontu tinħabbu. Tistgħu terġgħu tiksbu l-imħabba li kontu tħossu għal xulxin? Huma kemm huma diffiċli ċ-ċirkustanzi tagħkom, agħmlu kuraġġ. Hemm tama. Tabilħaqq, jekk tibqgħu magħqudin u tapplikaw il-prinċipji tal-Bibbja, dan jistaʼ jirriżulta f’ħafna iktar ferħ minn dak li qatt immaġinajtu. Bla dubju, l-isforzi tagħkom f’din il-ħaġa se jagħmlu lil Alla Jehovah, il-Ħallieq taż-żwieġ, ferħan.—Proverbji 15:20.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah tirrispetta d-dritt taʼ persuna innoċenti li tagħżel jekk għandhiex tiddivorzja jew le minħabba li s-sieħeb, jew is-sieħba, ikun ikkommetta adulterju. Ara Awake! tat-22 t’April 1999, paġni 5-9.