Il-Ġlieda Kontra l-Obeżità—Jiswa li Tagħmel Sforz?
STENBAĦ! intervistat diversi nies li tħabtu mal-problemi taʼ l-obeżità. Kellhom riżultati tajbin? X’pariri jagħtu lil vittmi oħrajn taʼ din l-epidemija?
◼ Ejja naraw x’jgħid Mike, taʼ 46 sena, li hu twil 1.83 metru u issa jiżen 130 kilo. L-iktar li kien jiżen kien 157 kilo.
Mike: “Anki meta kont żagħżugħ kelli piż żejjed. Din il-ħaġa qiegħda fil-familja—ħija u ħuti l-bniet kollha għandhom piż żejjed. Id-drawwa tagħna kienet li qatt ma nħallu xejn fil-platt, anki jekk dan kien ikun imfawwar bl-ikel. X’ġagħalni nibdel id-drawwa taʼ l-ikel tiegħi? Meta t-tabib qalli li kelli riskju kbir li jkolli d-dijabete! L-idea li jkolli nieħu l-insulina tul ħajti kollha beżżgħetni ħafna. Jien ukoll kelli l-problema tal-kolesterol u kelli nieħu l-mediċina għaliha.
“Kelli xogħol sedentarju, u dan ma nbidilx. Għalhekk, biex inpatti għal dan, għandi skeda biex nagħmel eżerċizzju b’mod regulari. Nuża treadmill għal nofs siegħa minn taʼ l-inqas tliet darbiet fil-ġimgħa. Il-pass importanti li kien imiss kien li nikteb x’kont niekol kuljum. Peress li kont naf li l-esperta tad-dieta kienet se tiċċekkja l-lista kull ġimgħa, dan għenni biex irrażżan lili nnifsi. Kont noqgħod naħseb, ‘Jekk ma tikolhiex, ma jkollokx għalfejn tiktibha fil-lista!’
“Bħala riżultat, inqast 28 kilo f’dawn l-aħħar 15-il xahar, għalkemm xorta għandi bżonn nonqos iktar, għax nixtieq ninżel għal 102 kilojiet. Biex nilħaq din il-mira, ma bqajtx niekol ikel taʼ malajr li fih ħafna xaħmijiet, pakketti, u ikel ieħor bħal stuffat. F’dawn l-aħħar xhur kilt iktar ħaxix u frott milli qatt kilt f’ħajti kollha!
“Fattur ieħor li qanqalni biex nieħu azzjoni kien li minħabba li jien sewwieq taʼ trakk, ikolli nagħmel check-up mediku kull sena biex inkun nistaʼ nġedded il-liċenzja tiegħi. Kont fil-periklu li nitlef il-liċenzja minħabba li kont qed nirriskja li taqbadni d-dijabete. Issa l-affarijiet inbidlu. M’għadx hemm bżonn li nieħu l-mediċina biex nikkontrolla l-kolesterol. Il-pressjoni tiegħi tbaxxiet, u qed nieħu inqas mediċina għaliha. Għandi iktar enerġija, u anki dahri m’għadux juġgħani ħafna. Bil-mod il-mod qed noħroġ mill-kategorija taʼ l-obeżità!”
Stenbaħ!: “Tistaʼ l-mara tilgħab parti pożittiva biex tgħinek tnaqqas il-piż?”
Mike: “Meta tkun qed tikkumbatti kontra l-piż żejjed, għandek bżonn lil xi ħadd biex jappoġġak. Marti kienet taħseb li jekk tagħtini ħafna x’niekol tkun qed turini kemm tħobbni. Iżda issa tgħinni nikkontrolla l-porzjonijiet li niekol. Huwa importanti ħafna li noqgħod attent għax jekk ma nagħmilx hekk, malajr nerġaʼ ntellaʼ l-piż.”
◼ Ikkunsidra wkoll raġel ieħor jismu Mike, minn Kansas, l-Istati Uniti. Hu għandu 43 sena u twil 1.73 metru. Staqsejnieh dwar kemm kien l-iktar piż li qatt kien jiżen u xi kkaġuna l-problemi taʼ piż li kellu.
Mike: “Kont niżen 135 kilo. Kont dejjem għajjien u ma kelli enerġija nagħmel xejn. Ma stajtx norqod minħabba l-problemi li kelli biex nieħu n-nifs. Għalhekk mort għand tabib, u qalli li waħda mill-problemi li kelli minħabba l-piż żejjed kienet il-kundizzjoni magħrufa bħala obstructive sleep apnea.a Hu nnota wkoll li kelli l-pressjoni għolja.”
Stenbaħ!: “X’kienet is-soluzzjoni għall-problemi tiegħek?”
Mike: “It-tabib ordnali apparat li kien iżidli l-arja x’ħin inkun rieqed. B’dan il-mod, il-gerżuma ma timblokkax u nkun nistaʼ nieħu nifs b’mod normali. Bħala riżultat, sirt iktar attiv matul il-ġurnata u bdejt nonqos. Bdejt nuża wkoll treadmill tliet darbiet fil-ġimgħa. Bdejt id-dieta, u dan kien ifisser li kelli nikkontrolla l-porzjonijiet li kont niekol u nevita li niekol darbtejn wara xulxin. Issa nqast 20 kilo fi ftit iktar minn sena, u għandi bżonn nonqos 20 oħra. Dan proċess li jieħu ż-żmien, iżda naf li nistaʼ nirnexxi.”
Stenbaħ!: “X’motivazzjoni oħra kellek biex tnaqqas il-piż?”
Mike: “M’hijiex xi ħaġa sabiħa li toqgħod tismaʼ kummenti sarkastiċi u kattivi dwar l-apparenza tiegħek. Xi nies jaħsbu li int sempliċement għażżien. Ma jirrealizzawx li l-obeżità tistaʼ tiġi minn ħafna affarijiet. Jien nemmen li fil-każ tiegħi, parti mill-problema tistaʼ tkun ereditarja ladarba ħafna mill-familja tiegħi għandhom din il-problema.
“Madankollu, jien nirrealizza li biex innaqqas il-piż, għandi nibqaʼ attiv u nżomm b’mod strett mad-dieta li għandi.”
◼ Stenbaħ! intervistat ukoll lil Wayne, minn Oregon, li għandu 38 sena. Meta kellu 31 sena, kien jiżen 112-il kilo.
Wayne: “Kelli xogħol sedentarju u ma kontx qed nagħmel eżerċizzju. Meta mort għand it-tabib tiegħi, ħadt xokk kbir meta sirt naf li kelli l-pressjoni għolja u kont f’periklu li jkolli komplikazzjonijiet f’qalbi. Bagħatni għand esperta tad-dieta. Din irrikkmandatli eżerċizzju strett u porzjonijiet kontrollati taʼ l-ikel. Bdejt nimxi ħames kilometri kuljum bla ma nieqaf, u bdejt inqum kmieni kull fil-għodu biex nagħmel l-eżerċizzju. Kelli nerġaʼ neduka lili nnifsi dwar x’niekol u x’nixrob. Ma bqajtx niekol ikel bix-xaħam u naqqast mill-ħobż u l-luminati, u bdejt niekol iktar frott u ħaxix. Issa nżilt għal 80 kilo!”
Stenbaħ!: “X’benefiċċji nnotajt?”
Wayne: “Inħossni iktar b’saħħti u li issa tassew qed ngħix. Qabel qisni ma kontx qed ngħix, kont qisni bla ħeġġa. Benefiċċju ieħor huwa li ma bqajtx nieħu l-mediċina għall-pressjoni għolja. U issa nħossni li nistaʼ nħares lejn in-nies f’għajnejhom mingħajr ma ħadd jikkritikani minħabba l-piż żejjed.”
◼ Charles (l-isem ġie mibdul) twil 1.96 metru. L-iktar li kien jiżen kien 168 kilo.
Charles: “Kelli problemi serji taʼ saħħa, u l-affarijiet kienu qegħdin jiggravaw. Ma stajtx nitlaʼ t-taraġ. Ma kellix enerġija biex illesti x-xogħol li kelli nagħmel. Għandi xogħol sedentarju, u x-xogħol tiegħi jinvolvi riċerka u responsabbiltà. Kont naf li rrid nagħmel xi ħaġa dwar dan, speċjalment wara li rajt tabib u wissieni li kont qiegħed fil-periklu li tagħtini xi puplesija. Kont naf dan x’jistaʼ jagħmillek. Dan ikkonvinċieni li kelli bżonn nieħu azzjoni. It-tabib ordnali eżerċizzju bl-użu taʼ treadmill, u kelli nsegwi dieta stretta. Wara sena issa niżen 136 kilo, iżda naf li għandi bżonn innaqqas iktar. Il-benefiċċji li nnotajt ikkonvinċewni li l-isforzi u s-sagrifiċċji m’humiex għalxejn. Issa nistaʼ nitlaʼ t-taraġ u għandi iktar enerġija.”
◼ Marta, li hi oriġinalment minn El Salvador, waslet f’punt fejn kienet tiżen 83 kilo. Dan kien jikklassifikaha bħala li tbati mill-obeżità għax hi twila biss 1.65 metru.
Marta: “Mort għand tabib u wissieni li kelli bżonn nibda nonqos mill-piż. Jien irrispettajt l-opinjoni professjonali tiegħu. Bagħatni għand speċjalista taʼ l-ikel għal parir. L-ispeċjalista spjegatli r-raġunijiet u d-dettalji tar-rutina li kont se nibda nsegwi. Urietni kif għandi nibda nillimita l-porzjonijiet taʼ l-ikel u kif noqgħod attenta għal dak li niekol. Għall-ewwel kont immur għandha kull ġimgħa, u iktar tard kull xahar, biex nuriha kif kont sejra. Kemm it-tabib u kemm l-ispeċjalista taʼ l-ikel inkuraġġewni biex nagħmel iktar progress. Eventwalment, inqast 12-il kilo, u qed nipprova nibqaʼ nżomm il-piż taʼ 68 kilo.”
Stenbaħ!: “Xi ngħidu dwar l-eżerċizzju u l-mediċina?”
Marta: “Ma kellix il-problema tal-kolesterol u ma kellix bżonn mediċina. Bdejt ninkludi iktar il-mixi mgħaġġel fir-rutina regulari tiegħi.”
Stenbaħ!: “X’kont tagħmel meta tmur tara lill-ħbieb u kienu jinsistu li tiekol iktar mill-porzjonijiet normali?”
Marta: “Kont ngħidilhom, ‘It-tabib tiegħi jixtieq li nimxi maʼ din id-dieta għall-ġid tiegħi stess,’ u ġeneralment ma kinux jibqgħu jinsistu.”
Għalhekk, jekk int għandek piż żejjed jew tbati mill-obeżità, x’tistaʼ tagħmel dwar dan? Kif jgħid il-proverbju Ingliż, “Where there’s a will, there’s a way” (Min irid, jasal). Għandek int il-motivazzjoni u r-rieda li tagħmel xi ħaġa dwar il-piż żejjed? Bħala tifel jew tifla jew adult b’piż żejjed, x’inhuma l-għażliet tiegħek? Tnaqqas il-piż jew inkella tnaqqas it-tul taʼ ħajtek. Ibda ħajja attiva, u jkollok is-sodisfazzjon li tkun irnexxejt—anki f’affarijiet żgħar, bħal li tilbes ħwejjeġ taʼ qjies iżgħar!
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni ara l-Awake! tat-8 taʼ Frar 2004, paġni 10-12.
[Kaxxa f’paġna 11]
Hija l-liposuction is-soluzzjoni għalik?
X’inhi l-liposuction? Dizzjunarju minnhom jgħid: “Ġeneralment, proċedura kosmetika fejn it-tessuti tax-xaħam żejjed jitneħħew minn post speċifiku tal-ġisem, bħalma huma l-koxox jew iż-żaqq, permezz taʼ ġbid. Hija magħrufa wkoll bħala suction lipectomy.” (American Heritage Dictionary) Madankollu, ifisser li din hija r-rimedju għall-obeżità?
Il-Mayo Clinic on Healthy Weight jgħid li l-liposuction hija operazzjoni kosmetika. M’hijiex pjan biex titlef il-piż. Iċ-ċelluli tax-xaħam jinġibdu mill-ġisem permezz taʼ tubu li jiddaħħal taħt il-ġilda. Jistgħu jitneħħew diversi kilojiet f’sezzjoni waħda. Madankollu, “din l-operazzjoni m’hijiex il-kura għall-obeżità.” Hija din proċedura bla periklu? “Nies li għandhom problema medika minħabba piż żejjed, inkluż id-dijabete u l-mard tal-qalb, għandhom riskju akbar taʼ komplikazzjonijiet mil-liposuction.”