L-Obeżità—Minn Xiex Tiġi?
“Qegħdin f’epidemija li jistaʼ jkollha effetti kbar fuq is-saħħa tat-tfal tagħna. Jekk is-soċjetà ma taġixxix issa biex toħloq miżuri preventivi, l-obeżità se tibqaʼ tiżdied.”—William J. Klish, professur tal-pedjatrija.
IT-TENDENZA taʼ xi wħud li m’għandhomx problema taʼ piż hija li jqisu lil dawk li għandhom piż żejjed u li jbatu mill-obeżità b’mod negattiv u jikkunsidrawhom bħala persuni li huma dgħajfin u li m’għandhomx biżżejjed motivazzjoni. Iżda hija l-problema daqshekk sempliċi? Dawk li jbatu mill-obeżità, huma tassew persuni għażżenin li jevitaw kwalunkwe eżerċizzju fiżiku? Jew f’ħafna każijiet hemm raġunijiet oħra li huma diffiċli biex tikkontrollahom?
Ereditarja? Ambjentali? Jew it-Tnejn?
Il-ktieb Food Fight jgħid: “Ilu jiġi diskuss jekk hijiex il-ġenetika jew huwiex l-ambjent il-kaġun taʼ l-obeżità.” Xi rridu nfissru bil-ġenetika f’dan il-kuntest? Xi wħud jemmnu t-teorija li l-ġisem tal-bniedem għandu l-abbiltà u t-tendenza li jaħżen il-kaloriji żejda għal dak li jistaʼ jiġi bżonn fil-futur. L-istess sors ikompli: “Il-ġenetika taʼ l-obeżità ilha tiġi studjata għal għexur taʼ snin. . . . Saret ħafna riċerka fuq il-ġeni tal-ġisem tal-bniedem u l-obeżità. Qegħdin jintużaw metodi sofistikati li jidentifikaw il-ġeni li lil xi nies jagħmluhom iktar suġġetti biex iżidu fil-piż u jbatu minn mard bħad-dijabete. Xi wħud jgħidu li 25 fil-mija sa 40 fil-mija tal-piż fin-nies in ġenerali jistaʼ jiġi spjegat mill-ġeni.” Il-ktieb ikompli: “Jekk tikkunsidra li t-tort għall-obeżità taʼ spiss jingħata lill-persuna nfisha, dawn in-numri jenfasizzaw l-importanza tal-bijoloġija, iżda xorta waħda, 60 fil-mija jew iktar taż-żjieda fil-piż tistaʼ tiġi attribwita lill-ambjent.” Dan ifisser li fattur kbir fl-obeżità huwa xorta l-mod taʼ ħajja tal-persuna. Jieħu l-individwu iktar kaloriji milli jaħli kuljum? Qiegħed jittiekel it-tip taʼ ikel żbaljat fuq bażi regulari? Qiegħed jitwarrab ħin biex isir eżerċizzju moderat kuljum?
Il-klinika Mayo tispjega l-kaġun taʼ l-obeżità fi kliem sempliċi: “Il-ġeni jistgħu jkunu fattur li jwassal għall-piż żejjed jew l-obeżità, iżda fl-aħħar mill-aħħar il-piż taʼ ġismek huwa determinat mill-ikel li tiekol u l-eżerċizzju li tagħmel. Mas-snin, jekk tiekol ħafna kaloriji, ikollok ħajja sedentarja, jew it-tnejn, dan iwassal għall-obeżità.” (Korsiv tagħna.) L-istess sors ikompli: “Jekk għandek lil xi ħadd li jbati mill-obeżità ma jfissirx li int se tkun oħxon. . . . Jgħidu x’jgħidu l-ġeni tiegħek, hija l-għażla tiegħek f’dak li tiekol u l-attività li tagħmel li fl-aħħar se jiddeterminaw il-piż tiegħek.”
L-industrija li tgħin lin-nies inaqqsu l-piż taqlaʼ miljuni taʼ dollari hekk kif nies iddisprati jfittxu li jerġgħu jiksbu l-figura li kellhom. Madankollu, x’jgħidu l-esperti dwar dawn il-programmi? “L-obeżità hija diffiċli ħafna biex tikkuraha, u bosta nies li jonqsu ma jirnexxilhomx iżommu dan il-piż,” jgħid il-ktieb Food Fight. “L-iktar kalkoli ottimistiċi huma taʼ 25 fil-mija [wieħed minn kull erbgħa] li jonqsu u jżommu dan il-piż, u dan ġeneralment wara li jkunu pprovaw bosta drabi.”
Il-Perikli taʼ l-Obeżità
L-obeżità tistaʼ twassal għal problemi serji taʼ saħħa. It-tabib Scott Loren-Selco, newrologu taċ-Ċentru Mediku taʼ l-Università taʼ Southern California, iwissi kontra l-periklu tad-dijabete tat-Tip 2 anki għal żgħażagħ li jbatu bl-obeżità. (Ara Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju, 2003) Hu jgħid: “Issa qed narawha l-ħin kollu, u emmnuni, hi ħaġa tal-biżaʼ. Jien ngħid lil [pazjenti li jbatu bl-obeżità] li nistaʼ niħodhom fil-ward tad-dijabete u nurihom x’jistaʼ jkun il-futur tagħhom: l-għomja, dawk li qatgħulhom xi id jew sieq, in-numru kbir taʼ nies li huma morda għalkollox [bid-dijabete] tat-tip 2—u li kollha jbatu bl-obeżità.” X’inhu fattur wieħed li jikkontribwixxi għal dan? “Għandhom biżżejjed flus biex jixtru burgers kbar u chips—għalhekk jixtruhom,” jgħid Loren-Selco. “M’hemm ħadd li qed jgħidilhom li dan hu ħażin—żgur li mhux il-kumpaniji taʼ l-ikel, u biex ngħiduha kif inhi, żgur mhux ħafna mit-tobba li għadhom m’humiex imħarrġin fin-nutrizzjoni.”
It-tabib Edward Taub, kittieb magħruf dwar in-nutrizzjoni, jgħid: “Dan l-aħħar saret iktar moda, u anki aċċettabbli, li temmen li l-piż żejjed huwa normali u aċċettabbli fil-ħajja moderna taʼ llum. Dan huwa sodisfazzjon kbir għal dawk li l-interess tagħhom hu li jsiru sinjuri mill-ikel li jipproduċu u li qed iħaxxinna.”
L-esperti jgħidu li dawk li għandhom “figura bħal forma taʼ lanġasa” u li jġorru x-xaħam żejjed fuq il-ġenbejn, jistgħu jkunu iktar f’saħħithom minn dawk li għandhom “figura bħal forma taʼ tuffieħa” u li għandhom ix-xaħam imqassam madwar l-organi addominali (speċjalment jekk qaddhom jaqbeż id-89 sa 101 ċentimetru). Għala? Minħabba li “x-xaħam madwar qaddek iżidlek ir-riskju taʼ pressjoni għolja, mard tal-qalb, dijabete, puplesija u tipi taʼ kanċer,” jgħid il-ktieb Mayo Clinic on Healthy Weight. “Jekk għandek figura bħal forma taʼ lanġasa—ġenbejk, koxxtejk u l-warrani kbir—m’għandikx riskju daqshekk kbir għal saħħtek.”
Mela, x’inhi s-soluzzjoni għal miljuni t’adulti u tfal madwar id-dinja kollha li għandhom piż żejjed u li huma fil-periklu li jkollhom xi komplikazzjonijiet serji f’saħħithom? Hemm xi soluzzjoni effettiva?
[Kaxxa/Tabella f’paġna 5]
X’inhu l-BMI? X’jindikalek?
Il-BMI (body mass index) huwa l-proporzjon bejn it-tul u l-piż li jistaʼ jindika jekk persuna għandhiex piż żejjed jew diġà tbati mill-obeżità. Skond il-klinika Mayo, l-indiċi tal-BMI taʼ 18.5 sa 24.9 huwa kunsidrat bħala l-aħjar għas-saħħa. Jekk il-BMI tiegħek huwa bejn il-25 u 29.9, għandek piż żejjed. Jekk persuna jkollha BMI ogħla minn 30, dan ifisser li tbati bl-obeżità. Kif tistaʼ tiċċekkja mat-tabella? Għandek bżonn forsi tara tabib għal xi suġġerimenti jew konferma ta saħħtek?
Biex tikkalkula l-BMI, iddividi l-piż tiegħek bit-tul tiegħek għal darbtejn. Per eżempju, jekk tiżen 90 kilogramma u twil 1.8 metri, il-BMI tiegħek huwa 28 (90÷1.8÷1.8=28).
[Tabella]
Piż Normali Piż Żejjed Obeżità
BMI 18.5-24.9 25-29.9 30 jew iktar
Tul Piż f’kilogrammi
1.47m 53 jew inqas 54-64 65 jew iktar
1.50m 56 jew inqas 57-67 68 jew iktar
1.52m 57 jew inqas 58-69 70 jew iktar
1.55m 59 jew inqas 60-71 72 jew iktar
1.57m 61 jew inqas 62-73 74 jew iktar
1.60m 63 jew inqas 64-76 77 jew iktar
1.63m 66 jew inqas 67-79 80 jew iktar
1.65m 67 jew inqas 68-81 82 jew iktar
1.68m 70 jew inqas 71-84 85 jew iktar
1.70m 72 jew inqas 73-86 87 jew iktar
1.73m 74 jew inqas 75-89 90 jew iktar
1.75m 76 jew inqas 77-91 92 jew iktar
1.78m 79 jew inqas 80-94 95 jew iktar
1.80m 80 jew inqas 81-97 98 jew iktar
1.83m 83 jew inqas 84-100 101 jew iktar
1.85m 85 jew inqas 86-102 103 jew iktar
1.88m 89 jew inqas 90-106 107 jew iktar
1.90m 90 jew inqas 91-108 109 jew iktar
[Sors]
Ibbażata fuq Mayo Clinic on Healthy Weight
[Kaxxa f’paġna 5]
X’inhi kalorija?
Kif tistaʼ tiddefinixxi kalorija tad-dieta? Hija l-kejl normali taʼ l-enerġija mis-sħana. Għalhekk, meta tegħreq tkun qed taħraq il-kaloriji jew l-enerġija mis-sħana. “Il-kalorija hija l-ammont taʼ sħana meħtieġa biex tgħolli t-temperatura taʼ kilogramma ilma eżatt b’ċentigrad.” (Balance Your Body, Balance Your Life) (Ibbilanċja Ġismek, Ibbilanċja Ħajtek) Kull persuna għandha bżonn ammont differenti taʼ kaloriji, jew enerġija kuljum, jiddependi minn fatturi bħat-tul, il-piż, l-età, u kemm tagħmel eżerċizzju.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
Għandek ħajja sedentarja jekk
◼ Tqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħek tal-ġurnata bil-qiegħda—tara t-TV jew taħdem f’xi uffiċċju jew tkun ħafna ħin fil-karozza—fi kliem ieħor, ma tiċċaqlaqx
◼ Ma timxix iktar minn 90 metru
◼ Għandek xogħol li jżommok inattiv
◼ Ma tagħmilx bejn 20 u 30 minuta eżerċizzju għallinqas darba fil-ġimgħa
[Sors]
Maħruġa mill-Mayo Clinic on Healthy Weight