Is-salamun taʼ L-Atlantiku—Inkwiet għar-“Re tal-Ħut”
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-IRLANDA
IS-SALAMUN hu magħruf għall-abbiltà li għandu li jaqbeż anki kaskata waqt li jkun tielaʼ kontra l-kurrent taʼ xi xmara biex imur fil-post fejn ibid. Hemm storja dwar sajjied li nnota “għadd kbir taʼ salamun li wara ħafna sforzi ma rnexxilux jaqbeż il-[kaskata]” fejn kien qed jistad hu. Saħansitra, xi ftit waqgħu fuq xatt ix-xmara biswit il-kaskata. Hu qabbad in-nar fuq blata ħdejn il-kaskata u poġġa taġen fuq in-nar. L-istorja tgħid li “wara sforzi falluti xi ftit mis-salamun sfortunat kien aċċidentalment jispiċċa fit-taġen.” B’hekk, iktar tard is-sajjied setaʼ jiftaħar li ‘f’pajjiżu s-salamun tant kien abbundanti li kien jaqbeż ġot-taġen minn jeddu mingħajr ma jkun hemm bżonn li s-sajjied imur jaqbdu.’
Għandu mnejn li din l-istorja hija xi ftit esaġerata. Minkejja dan, huwa veru li s-salamun jitlaʼ anki maʼ kaskata. Madankollu, rapport maħruġ mill-Aġenzija tar-Riċerka dwar is-Salamun fl-Irlanda wera li fi snin reċenti “naqas b’mod drammatiku l-għadd taʼ ħut li jitlaʼ kontra l-kurrent tax-xmajjar biex imur ibid.” Stħarriġ minnhom wera li f’sena waħda, minn madwar 44,000 ħuta żgħira (salamun) li ġew maqbudin biex jiġu mmarkati u jerġgħu jintelqu, tlieta fil-mija (madwar 1,300) biss irritornaw.
X’inhi r-raġuni għala naqas daqshekk lgħadd tar-“Re tal-Ħut,” is-salamun taʼ l-Atlantiku? Se jerġaʼ jkun abbundanti bħalma kien qabel? Jekk nifhmu ċ-ċiklu tal-ħajja interessanti u mhux tas-soltu taʼ din il-ħuta meraviljuża nkunu nistgħu niksbu dehen dwar l-affarijiet li qed jikkaġunaw il-problema u forsi xi soluzzjonijiet li jistaʼ jkun hemm għaliha.
Kif Tibda Ħajtu
Il-ħajja tas-salamun tibda bejn Novembru u Frar fix-xaħx taʼ qiegħ xi xmara taʼ l-ilma ħelu. Ir-raġel ma jħallix ħut ieħor jersaq viċin waqt li l-mara tħaffer għadd taʼ ħofor żgħar li ġieli jkunu fondi mat-30 ċentimetru. Flimkien ibidu u jiffertilizzaw eluf taʼ bajd f’kull ħofra. Il-mara mbagħad tipproteġi l-bajd billi tgħattih bix-xaħx.
F’Marzu jew April, tfaqqas mill-bajda ħuta t’għamla stramba. Din tissejjaħ alevin, tkun twila madwar tliet ċentimetri biss u jkollha marbuta magħha speċi taʼ borża goffa li minnha tieħu n-nutriment. Għall-ewwel il-ħuta tibqaʼ moħbija taħt ix-xaħx u tieħu n-nutriment mill-provvista taʼ ikel li ġġorr magħha. Wara erbaʼ jew ħames ġimgħat, meta tkun ikkonsmat l-ikel kollu tal-borża, il-ħuta toħroġ minn taħt ix-xaħx għal ġol-kurrent tax-xmara. Issa tissejjaħ fry, tkun twila madwar ħames ċentimetri, u jkollha l-forma taʼ ħuta normali. Issa żewġ affarijiet biss jinteressawha. L-ewwel, li ssib sors ġdid taʼ ikel—insetti żgħar u plankton—u t-tieni, li ssib post protett fejn tgħix. F’dan l-istadju jmut iktar minn 90 fil-mija tas-salamun minħabba nuqqas taʼ ikel jew taʼ spazju jew għax jittiekel mill-predaturi bħat-troti, l-għasafar taʼ San Martin, l-irsieset, u l-lontri.
Michael, li għal xi żmien studja dwar is-salamun u xi ħut ieħor, jgħid: “Wara xi sena, is-salamun jikber u jsir madwar tmienja jew għaxar ċentimetri. Issa jissejjaħ parr u jkollu disinn taʼ rqajjaʼ skuri fuq kull ġenb. Meta jikber madwar 15-il ċentimetru, l-irqajjaʼ skuri jinbidlu f’lewn il-fidda jleqq. Issa jseħħu bidliet straordinarji u komplikati li jiddistingwu s-salamun mill-biċċa l-kbira tal-ħut l-ieħor.”
Michael ikompli: “Bejn Mejju u Ġunju, din il-ħuta, li issa tissejjaħ smolt, tinħakem minn xi sinjali interni u tingħaqad m’eluf t’oħrajn biex kollha flimkien jinżlu mal-kurrent tax-xmara lejn il-baħar.” Iżda kif tistaʼ ħuta taʼ l-ilma ħelu tibda tgħix fil-baħar u ma tmutx? Meta ġie mistoqsi dan, Michael wieġeb: “Normalment ma tistax, iżda madwar il-garġi tagħha jseħħu bidliet komplessi li jgħinuha tiffiltra l-melħ mill-ilma tal-baħar. Meta jsiru l-bidliet, il-ħuta, li tant tkun żgħira li toqgħod f’pala taʼ l-id, titlaq fuq vjaġġ straordinarju.”
Ħajtu fil-Baħar
Ħuta daqstant żgħira għala titlaq mix-xmara li tkun drat fiha? Fejn tmur? Is-salamun ċkejken ikollu bżonn imur fejn isib ikel addattat għalih biex isir adult. Jekk jevita għedewwa bħall-kormorani, il-bumerini, id-dniefel, u saħansitra l-balieni, jasal hemmhekk u jsib ikel bħal plankton kbir u dud tar-ramel, kif ukoll aringi u ħut ieħor. Wara sena l-piż tiegħu jkun żdied bi 15-il darba—minn ftit grammi għal kważi tliet kilojiet. Jekk jibqaʼ fl-oċean għal ħames snin, il-piż tiegħu jistaʼ jitlaʼ għal 18-il kilo jew iktar. Kien hemm minnhom li qabżu l-45 kilo!
Kien fl-1950 li sar magħruf il-post eżatt fejn is-salamun kien imur biex isib l-ikel, għax sajjieda kummerċjali bdew jaqbdu kwantitajiet kbar taʼ salamun ħdejn il-kosta taʼ Greenland. Iktar tard skoprew post importanti ieħor madwar il-Gżejjer Faeroe, fit-tramuntana taʼ l-Iskozja. Minn dak iż-żmien ’l hawn instabu iktar postijiet. Anki ġie rapportat li s-salamun jirgħa taħt is-silġ taʼ l-Artiku! L-iskoperta taʼ dawn il-postijiet ġabet inkwiet kbir għas-salamun taʼ l-Atlantiku. Inbnew industriji kbar tas-sajd fi Greenland u l-Gżejjer Faeroe. Inqabdu eluf taʼ tunnellati taʼ ħut minn sajjieda kummerċjali, u f’daqqa waħda naqas ħafna l-għadd taʼ salamun li jirritorna biex ibid fix-xmajjar taʼ l-ilma ħelu. Meta rrealizzaw is-serjetà taʼ din il-problema, il-gvernijiet għamlu ċerti restrizzjonijiet u llimitaw l-ammont taʼ ħut li setaʼ jinqabad mis-sajjieda. Dan għen biex jipproteġi lis-salamun waqt li jkun fil-baħar.
Jirritorna mill-Baħar
Eventwalment is-salamun adult jirritorna lejn ix-xmara fejn ikun twieled, isib sieħba, u ċ-ċiklu jerġaʼ jibda. Michael jispjega: “Dak li hu verament taʼ l-għaġeb hu l-fatt li din il-ħuta meraviljuża tivvjaġġa eluf taʼ mili fl-oċean li qatt ma tkun rat qabel u ssib it-triq! Ix-xjenzati għadhom ma jistgħux jifhmu kif jirnexxilha tagħmel dan. Xi wħud jgħidu li s-salamun jivvjaġġa billi juża l-manjetiżmu tad-dinja, il-kurrenti taʼ l-oċeani, jew anki l-kwiekeb. Huwa maħsub li meta jerġaʼ jasal fid-daħla tax-xmara, is-salamun jagħraf ix-xmara fejn ikun twieled mir-‘riħa’ tagħha, jiġifieri l-formazzjoni kimika tagħha.”
“Għal darb’oħra jerġaʼ jaddatta ruħu għall-ilma ħelu u jidħol fix-xmara,” jgħid Michael. “Dan l-istint biex jirritorna fejn ikun twieled tant hu qawwi li anki jekk jiltaqaʼ maʼ kaskati jew kurrenti qawwija, is-salamun, li issa hu akbar u iktar b’saħħtu, jibqaʼ jissielet biex jegħleb kull ostaklu.”
Is-salamun li jkun qed jirritorna jsib diffikultajiet akbar meta jiltaqaʼ maʼ xi digi, xi impjanti li jiġġeneraw l-elettriku permezz taʼ l-ilma, jew xi ostakli oħrajn magħmulin mill-bniedem. Imbagħad x’jiġri? “Ħafna nies konxji tan-natura jipprovdu rotta oħra,” tgħid Deirdre li tagħmel riċerki dwar is-salamun. “Tinbena speċi taʼ rampa, li tissejjaħ fish ladder jew fish pass, li tkun inqas għolja biex il-ħut jgħaddi minnha u jevita l-ostaklu l-kbir. Din tgħin lis-salamun biex ikun jistaʼ jitlaʼ max-xmara mingħajr periklu waqt li jkun sejjer fil-post fejn ibid.”
“Madankollu, dan mhux dejjem jirnexxi,” tkompli tgħid Deirdre. “Rajt xi salamun jinjora l-passaġġi. Huma jagħrfu biss ir-rotta oriġinali tagħhom u bla waqfien jipprovaw jaqbżu l-ostaklu li jkun għamel il-bniedem. Ħafna jmutu bl-għeja jew għax jaħbtu ġo l-ostaklu.”
Postijiet għat-Trobbija tas-Salamun
Is-salamun hu ikel sustanzjuż. Peress li qed jonqos is-salamun taʼ l-Atlantiku li jiġġerra fl-oċean, twaqqfu postijiet kummerċjali għat-trobbija tas-salamun. Is-salamun jinżamm ġo vaski kbar taʼ l-ilma ħelu sakemm jilħaq il-15-il ċentimetru u jibda jissejjaħ smolt. Imbagħad ipoġġuh ġo gaġeġ fil-baħar, fejn jitimgħuh sakemm isir adult u lest biex jinbiegħ lir-restoranti u lill-ħwienet fejn ibigħu l-ikel.
Is-salamun li jitrabba b’dan il-mod ukoll jinsab fil-periklu. Dawk li jrabbuh jitimgħuh ikel magħmul b’mod artifiċjali. Din il-ħaġa u l-fatt li jinżamm fil-gaġeġ iġagħlu lis-salamun isir suġġett ħafna għall-mard u l-parassiti, bħal dud irqiq li jaqbad mal-ġilda. Xi wħud mill-isprejs protettivi li jintużaw jistgħu jkunu qawwijin ħafna. Ernest, li hu bugħaddas, jgħid: “Jien kont ngħum taħt uħud minn dawn il-postijiet fejn irabbu s-salamun, u stajt nara biċ-ċar li mad-dawra taʼ dawn il-postijiet, qiegħ il-baħar kien imneżżaʼ minn kull tip taʼ ħajja.”
Inkwiet għar-“Re tal-Ħut”
Ħafna mis-salamun li jiġġerra fl-oċeani jinqabad fix-xbieki qabel ma jasal fix-xmara fejn ikun twieled. Il-valur kummerċjali għoli taʼ dan it-tip taʼ salamun iħajjar lil xi sajjieda biex jaqbduh illegalment. Il-ftit salamun li jirnexxilu jirritorna fix-xmara jrid jaħrab lil dawk li jkollhom permess jistadu bis-sunnara. Biex jipproteġu lill-ġmiegħi tas-salamun, ittieħdu diversi miżuri, bħalma huma sajd ristrett għal ċerti partijiet tax-xmara, ħlas għoli għall-ħruġ taʼ liċenzji għas-sajd, u staġun tas-sajd limitat. B’dan kollu, xorta waħda huwa stmat li wieħed minn kull ħamsa jinqabad waqt li jkun fi triqtu lura tielaʼ max-xmara.
Barra minn dan, is-salamun taʼ l-oċeani jimrad b’diversi mard, u dan effettwa serjament il-popolazzjoni tas-salamun. Marda minnhom tikkaġuna ulċeri fil-ġilda tal-ħuta u eventwalment din tmut. It-tinġis industrijali u l-pestiċidi li jispiċċaw fix-xmajjar ukoll jistgħu jkunu taʼ periklu mortali li jrid jikkumbatti miegħu s-salamun, kif ukoll ħlejjaq oħra li jgħixu fl-ilma.
B’dawn il-perikli kollha li jrid jiffaċċja, mhux taʼ b‘xejn li r-“Re tal-Ħut” jinsab fl-inkwiet. Minkejja l-isforzi kbar li qed isiru minn ħafna nies, is-salamun ikompli jkollu l-problemi. Huwa biss meta l-Ħallieq taʼ l-art, Alla li Jistaʼ Kollox, iwaqqaf lill-bniedem milli jkompli jirrovina l-art li n-natura terġaʼ tikseb il-bilanċ tagħha.—Isaija 11:9; 65:25.
[Dijagramma/Mappa f’paġna 22, 23]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Is-salamun taʼ l-Atlantiku jivvjaġġa minn xmajjar taʼ pajjiżi ’l bogħod bħalma huma l-Istati Uniti, ir-Russja, u Spanja lejn postijiet fejn isib l-ikel biswit il-Gżejjer Faeroe u Greenland qabel ma jirritorna biex ibid fix-xmara fejn twieled
[Mappa]
Stati Uniti
Greenland
Islanda
Gżejjer Faeroe
Russja
Franza
Spanja
[Dijagramma/Stampi f’paġna 23]
ĊIKLU TAʼ ĦAJJA MERAVILJUŻ
Adult ← Smolt
↓ ↑
Ibid Parr
↓ ↑
Il-bajd Fry
↓ ↑
Bajd bl-għajnejn → Alevin
[Stampi]
Alevin
Parr
[Sors]
Iċ-ċiklu taʼ ħajtu: © Atlantic Salmon Federation/J.O. Pennanen; alevin: U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C.; parr: © Manu Esteve 2003
[Stampi f’paġna 24, 25]
Is-salamun li jirritorna jistaʼ jaqbeż din il-kaskata jew jgħaddi mir-rotta li hi iktar faċli billi juża l-“fish ladder” (il-kaxxa ż-żgħira hija mkabbra fl-istampa fuq il-lemin)
[Stampi f’paġna 24, 25]
It-theddid għas-salamun jinkludi s-sajd bla kontroll u l-mard f’postijiet kummerċjali fejn irabbuh
[Sorsi]
Ritratt: Vidar Vassvik
UWPHOTO © Erling Svensen
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 22]
© Joanna McCarthy/SuperStock