Għala Qegħdin fil-Periklu?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-INDJA
TIGRI tal-Bengal maestużi, klieb salvaġġi, graw, fkieren taʼ l-antik, u ljunfanti taʼ l-Asja—dawn huma biss ftit mill-ispeċi t’annimali fl-Indja li qegħdin f’periklu t’estinzjoni. Ikkunsidra l-akbar mammal fuq l-art, l-iljunfant.
In-nejbiet taʼ l-avorju taʼ l-iljunfant huma mfittxin ħafna. Il-Ġappun huwa wieħed mill-iktar pajjiżi li juża l-avorju, u hemm domanda simili għall-avorju fiċ-Ċina, fejn iċ-chopsticks taʼ l-avorju għadhom popolari ħafna. Id-domanda għall-avorju kif kellha effett ħażin speċjalment fuq l-iljunfant taʼ l-Asja?
Xi żmien ilu The Times of India spjegat: “Kuntrarju għall-iljunfanti Afrikani, ftit mill-irġiel biss fost l-iljunfanti taʼ l-Asja għandhom in-nejbiet. Għalhekk l-iljunfanti adulti b’żewġ nejbiet huma l-mira prinċipali. Skond il-figuri uffiċjali, madwar mija [iljunfanti rġiel] jinqatlu kull sena fl-Indja, u b’hekk hemm iktar iljunfanti nisa milli rġiel.” Dan il-qtil hedded l-eżistenza taʼ din l-ispeċi.
Joqtluhom għall-Qarn Tagħhom
Ikkunsidra wkoll ir-rinoċeronte, it-tieni l-akbar mammal li jgħix fuq l-art illum. L-Indja u n-Nepal huma l-aħħar postijiet taʼ protezzjoni għar-rinoċeronte b’qarn wieħed. Madankollu, ir-Riserva taʼ l-Annimali Pobitara f’Assam, stat fil-grigal taʼ l-Indja, huwa biss 38 kilometru kwadru fid-daqs, post relattivament żgħir għar-rinoċeronti. Għalhekk, l-annimali għandhom it-tendenza li jidħlu fl-art agrikola li hemm fil-viċin, fejn jistgħu jaqilgħu xi tir jew jiġu vvelenati.
Il-bniedem ivvinta mod makakk kif joqtol ir-rinoċeronte. Mad-dawra tar-Riserva Pobitara hemm żewġ ħbula ħoxnin taʼ l-elettriku b’voltaġġ għoli. Il-kaċċatur illegali jqabbad wajer fuq dawn il-ħbula taʼ l-elettriku billi juża zokk tal-bambù, u l-wajer jiġi jmiss kważi maʼ l-art. Il-bijologu taʼ l-annimali Vivek Menon jispjega x’ġara meta rinoċeronte ġie jmiss maʼ dan il-wajer: “Hekk kif dak l-elettriku kollu għadda minn ġo ġismu, ħa żewġ nifsijiet qawwijin u f’daqqa waħda waqaʼ maʼ l-art . . . L-annimal enormi ntelaq fuq ġenbu, u f’inqas minn sekonda kien mejjet.”
B’dispjaċir, dan l-annimal ġgantesk jinqatel għall-qarn relattivament żgħir tiegħu, li jiżen biss kilo! Il-valur kummerċjali enormi tal-qarn—li hu magħmul mill-keratina bħad-dwiefer tal-bnedmin—poġġa lir-rinoċeronte f’periklu kbir.
Biex Jagħmlu x-Xalel tax-Shahtoosh
L-antelop Tibetan, jew chiru, jipproduċi tip taʼ suf jismu shahtoosh. Dan is-suf tant hu fin li xall maħdum minnu jistaʼ jgħaddi minn ċurkett li jintlibes fis-sabaʼ l-werrej. Xall bħal dan jistaʼ jiswa sa Lm5,654, u b’hekk huwa wieħed mill-iktar xalel għoljin fid-dinja. Imma dan xi jfisser għall-antelop li tipproduċi dan is-suf?
“Xall wieħed tax-shahtoosh ifisser li ħames chirus tilfu ħajjithom,” tgħid The Indian Express. Jingħad li madwar 20,000 chiru mill-pjanura tat-Tibet jinqatlu illegalment kull sena. Dan iseħħ avolja l-annimal suppost jiġi protett minn diversi liġijiet għall-protezzjoni taʼ l-ispeċi fil-periklu. Iżjed minn hekk, fl-1979 il-bejgħ tas-suf tax-shahtoosh sar projbit. Madankollu, minn dakinhar ’l hawn, xorta kompla jonqos l-għadd taċ-chirus.
Għall-Ġilda u l-Għadam Tagħhom
Il-ħajja taʼ tigri u qtates salvaġġi kbar oħra fl-Indja hija fil-periklu wkoll. F’xi postijiet, xi speċi taʼ tigri, bħall-Caspian, il-Java, u l-Bali, jingħad li diġà huma estinti. Fil-bidu tas-seklu 20, madwar 40,000 tigra kienu jiġġerrew fil-foresti taʼ l-Indja. Matul is-snin in-numru naqas. Dan hu għaliex l-ambjent naturali tagħhom ġie meqrud bil-mod il-mod u għaliex ġew ikkaċċjati għall-ġilda tagħhom u għal ċertu għadam li, fil-mediċina Ċiniża, jingħad li għandu l-qawwa li jfejjaq.
Rigward l-effett li għandu fuq it-tigri nnuqqas t’ambjent naturali xieraq, il-ktieb The Secret Life of Tigers jgħid: “Popolazzjonijiet taʼ tigri jistgħu jiżdiedu biss meta l-foresti li jgħixu fihom jiżdiedu. Meta dan ma jseħħx, it-tigri jikkontrollaw il-popolazzjoni tagħhom stess permezz taʼ ġlied fatali bejniethom minħabba l-ikel u t-territorju.”
Qtates salvaġġi kbar oħra kif qed ikampaw fl-Indja? Fi ġnien żooloġiku f’Junagadh, Gujarat, viżitatur ra gaġġa vojta. It-tabella ħdejn il-gaġġa kellha stampa taʼ cheetah taʼ l-Asja u messaġġ miktub bil-Gujarati, li kien jgħid: “Iċ-cheetah saret estinta fl-Indja fis-snin 50.”
X’Hemm Maħżun fil-Futur?
Il-futur għall-annimali fil-periklu ġo l-Indja ma tantx jidher sabiħ. Hemm abbundanza t’evidenza li l-bnedmin b’egoiżmu qed jeqirdu l-art, u dan jinkludi l-qerda taʼ ħafna mill-annimali meraviljużi tagħha. X’se jiġri? Il-kelma awtorevoli t’Alla, imniżżla fil-Bibbja Mqaddsa, turi li ż-żmien hu viċin meta se titwettaq din il-profezija: “Il-ġnus imtlew bil-korla, u ġiet il-korla tiegħek [t’Alla], u wasal iż-żmien stabbilit . . . biex teqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.”—Rivelazzjoni 11:18.
X’se jkun l-effett meta l-art tindaf minn dawk kollha li qed jeqirdu kemm lilha u kemm lill-annimali meraviljużi tagħha? Xi żmien meraviljuż se jkun dan! Il-bnedmin qatt iktar m’huma se jipperikolaw lil kwalunkwe speċi t’annimal. Dan se jseħħ taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla, li Ġesù Kristu għallem lill-bnedmin biex jitolbu għaliha.—Isaija 11:6-9; Mattew 6:10.
[Stampi f’paġna 26]
Xi wħud mill-annimali fil-periklu t’estinzjoni fl-Indja
Graw
Tigra tal-Bengal
Iljunfant taʼ l-Asja
Rinoċeronte b’qarn wieħed
Antelop Tibetan
[Sorsi]
Grawwa: Cortesía del Zoo de la Casa de Campo, Madrid; antelop: © Xi Zhi Nong/naturepl.com