Żwiemel Żeffiena tal-Baħar
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
IL-KOPPJA jiħmaru bil-mistħija hekk kif jirrikonoxxu lil xulxin. Hu donnu jintefaħ bil-kburija, filwaqt li hi tosservah b’approvazzjoni. Jersqu biex imissu lil xulxin bil-ħlewwa, u mbagħad jitgħannqu b’tgħanniqa taʼ mħabba. Hekk kif iż-żerniq jitfaʼ d-dawl tiegħu fuqhom, huma jibdew isegwu l-movimenti ħelwin taʼ waħda mill-isbaħ żifniet tan-natura—iż-żifna taż-żwiemel tal-baħar.
“Iż-żwiemel tal-baħar huma sempliċement affaxxinanti, uniċi, u kariżmatiċi,” jgħid Dr. Keith Martin-Smith, espert marittimu. Iżda fil-passat in-nies ma kinux ċerti x’kienu dawn il-ħlejjaq. Studjużi bikrin tan-natura tawhom l-isem Hippocampus, isem li kien jingħata wkoll liż-żwiemel mitoloġiċi b’denbhom taʼ ħuta li kienu jsuqu l-karru taʼ Posejdon, l-alla Grieg tal-baħar.
Jintqal li fiż-żminijiet medjevali, xi nies kienu jbigħu ż-żwiemel tal-baħar bħala frieħ tad-draguni li joħorġu n-nar minn ħalqhom. Fil-fatt, iż-żwiemel tal-baħar huma sempliċement ħut bl-għadam—għalkemm ma jixbhux lill-biċċa l-kbira mill-ħut u lanqas jgħumu bħalhom. X’ħin tarahom għaddejjin mal-kurrent jew weqfin fl-ilma bla ma jitħarrku tistħajjilhom statwetti ħelwin tal-kristall jew figurini ħajjin tal-logħba taċ-chess.
Fil-biċċa l-kbira taʼ l-ibħra sħan taʼ mal-kosta għandek issib iż-żwiemel tal-baħar. Dawn jeżistu f’varjetà inkredibbli taʼ għamliet u daqsijiet. L-esperti jikkalkulaw li x’aktarx hemm bejn 33 u 70, jew iktar, speċi differenti. Dawn jinkludu ż-żiemel tal-baħar nanu, li ma fihx iktar minn difer, u ż-żiemel tal-baħar taʼ żaqqu kbira, li jistaʼ jikber sa 30 ċentimetru, jew iktar.
Bla Snien, bla Stonku, bla Problemi!
Minħabba l-mod stramb kif inhuma magħmulin—rashom taʼ żiemel, ġisimhom qisu kurazza taʼ l-għadam, u denbhom taʼ xadina—iż-żwiemel tal-baħar iktar tajbin biex joqogħdu weqfin milli biex jagħmlu xi tellieqa. Il-biċċa l-kbira mill-ġurnata jqattgħuha b’denbhom marbut maʼ xi ħaxixa, jew xi ħaġa soda, u joqogħdu hemmhekk kuntenti jieklu. Jekk ikollhom bżonn jiċċaqalqu, iż-żwiemel tal-baħar għandhom bħal ġewnaħ żgħir fuq daharhom li jimbottahom ’il quddiem bil-mod, filwaqt li l-ġwienaħ tal-ġenb jidderiġuhom. Għandhom ukoll borża taʼ l-arja li tistaʼ tiġi regolata, u b’hekk ikunu jistgħu jitilgħu u jinżlu fl-ilma bħal sottomarin.
Iż-żwiemel tal-baħar f’aptithom ħafna u donnu li dejjem bil-ġuħ; huma jaħtfu u jieklu kull gamblu u kull dudu li jgħaddi minn quddiemhom. Peress li la għandhom snien u lanqas stonku biex jgħinuhom jaħdmu l-ikel, iż-żwiemel tal-baħar iridu jaqbdu madwar 50 gamblu, jew iżjed, kuljum biex jiksbu n-nutriment li jeħtieġu biex jibqgħu ħajjin. Din mhix problema għal dawn il-kaċċaturi effiċjenti, ladarba ż-żwiemel tal-baħar għandhom vista eċċellenti. Għajnejhom jistgħu jużawhom kif iridu; per eżempju, b’waħda minnhom jistgħu jittawlu quddiemhom għall-priża, filwaqt li bl-oħra jistgħu jaraw xi jkun hemm warajhom. Ukoll jistgħu jaraw il-kuluri aħjar mill-bnedmin u jistgħu jaraw iktar dettalji minn ħafna ħut ieħor.
Iż-żwiemel tal-baħar iridu joqogħdu attenti li ma jispiċċawx f’żaqq xi ħlejqa oħra. Biex jevitaw il-predaturi tagħhom, bħal xi granċ jew xi fekruna tal-baħar, ħafna speċi jsiru kważi inviżibbli billi jibdlu l-kulur tagħhom u jieħdu l-lewn taʼ l-ambjent taʼ madwarhom, kemm jekk dan ikun ħaxix jew qroll. Il-ġilda tagħhom għandha qishom tbajjaʼ u f’ġisimhom għandhom partijiet li jixbhu l-ħaxix tal-baħar. Għalhekk, huma kapaċi jibdlu l-kulur tal-ġilda kompletament sabiex isiru qishom l-ambjent taʼ madwarhom. “Tant huma kapaċi jibdlu l-kulur biex jinħbew li biex tarahom trid verament tkun attent,” tgħid ir-riċerkatriċi Rudie Kuiter.
Żfin u Romantiċiżmu
Kuntrarju għall-biċċa l-kbira mill-ħut l-ieħor, iż-żiemel tal-baħar isib sieħba u jibqaʼ magħha tul ħajtu kollha u l-koppja rari jitbiegħdu minn xulxin. Kull żerniq, huma jġeddu l-għaqda tagħhom permezz taʼ żifna unika. “Iż-żifna taż-żiemel tal-baħar tant hi sabiħa u grazzjuża li titpaxxa taraha,” tgħid Tracy Warland, waħda li trabbihom. Meta jtemmu ż-żifna, iż-żwiemel tal-baħar jirritornaw fil-post li s-soltu joqogħdu fih marbutin maʼ xi ħaġa biex iqattgħu l-kumplament tal-jum jieklu. Iż-żifna taʼ qabel ma jitgħammru hija iżjed komplikata. Hekk kif il-mara tavviċina lir-raġel, dan jintefaħ, jibdel il-kulur, u jibda “jippassiġġa” quddiemha. Jibdew iduru dawra tond maʼ xulxin bil-mod u jintrabtu flimkien minn denbhom. Wara li jibdew iduru flimkien kemm jifilħu, it-tnejn li huma mbagħad jibdew jiżfnu f’qiegħ il-baħar bħal żwiemel li jimirħu. Jitilgħu u jinżlu f’daqqa, jitgerbu u jibdlu l-kulur; b’dan il-mod huma jitliegħbu flimkien għal kważi nofs siegħa.
M’għandniex xi ngħidu, iż-żifna taʼ qabel jitgħammru tiftħilhom it-triq biex jifformaw familja. “Hekk kif joqrob iż-żmien biex jitgħammru, iż-żifna taż-żwiemel tal-baħar titwal u tibda tiġi ripetuta iktar spiss anki iktar tard matul il-ġurnata,” tgħid Kuiter. “Kif iż-żifna tilħaq il-quċċata tagħha, il-koppja titlaʼ bil-mod fil-wiċċ imqabbdin flimkien minn denbhom u b’ġisimhom viċin xulxin. Imbagħad il-mara taqbad il-bajd tagħha u bil-ġentilezza tpoġġihom fil-borża, bħal tal-kangarù, li r-raġel għandu maʼ żaqqu.” Wara dan, il-missier tal-futur isib post għall-kwiet biex jippostja sew il-bajd ’il ġewwa fil-borża. Wara li jkun iffertilizzahom, tibda l-iktar tqala mhix tas-soltu fost il-ħlejjaq kollha.
“Il-Ħolma taʼ Kull Mara”
“Inħoss li hi xi ħaġa meraviljuża li fost iż-żwiemel tal-baħar l-irġiel joħorġu tqal u jkollhom it-trabi,” qalet waħda mara. “Dik hi l-ħolma taʼ kull mara,” qalet mara oħra bi tbissima. F’każ minnhom, wieħed minn dawn il-ħlejjaq għadda minn sebaʼ tqaliet wara xulxin, kull waħda taʼ 21 ġurnata, f’sena waħda!
Waqt li l-frieħ ikunu protetti fil-qiegħ tal-borża, sistema abbundanti taʼ vini u arterji tad-demm tipprovdilhom l-ossiġnu u n-nutriment li jkollhom bżonn biex jikbru. Maż-żmien, il-likwidu ġol-borża jsir iktar u iktar mielaħ, u hekk jibdew jitħejjew għall-ambjent tagħhom tal-futur fl-ilma tal-baħar. Meta jasal il-waqt biex iferraʼ, il-missier jistaʼ jdum minn ftit sigħat sa jumejn sakemm ikunu jistgħu jitwieldu l-frieħ. Fl-aħħar, il-borża tinfetaħ u l-frieħ jibdew ħerġin wieħed wieħed. L-għadd taʼ frieħ li jkollhom ivarja minn speċi għal oħra iżda jistaʼ jitlaʼ sa 1,500.
Għal Xi Akkwarju, għal Xi Ħanut, jew għall-Mediċina
Minkejja r-rata għolja tat-twelid taż-żwiemel tal-baħar, qed tinħass ħafna l-pressjoni globali fuq din il-ħuta. Xi awtoritajiet jikkalkulaw li kull sena mad-dinja kollha jinqabdu 30 miljun żiemel tal-baħar biex jinbiegħu. Ħafna minnhom jispiċċaw jinbiegħu bħala mediċina tradizzjonali Asjatika, u jintużaw biex jiġi kkurat ħafna mard differenti, bħal per eżempju l-ażżma u l-ksur fl-għadam u saħansitra d-dgħjufija sesswali.
Kull sena madwar miljun żiemel tal-baħar jintużaw minn bejjiegħa biex jagħmlu key chains, paperweights, u labar. Is-sajd bit-tkarkir, l-isplużjonijiet bid-dinamite fis-sikek tal-qroll, u t-tinġis qed jheddu l-postijiet fejn jgħixu dawn il-ħlejjaq, jiġifieri l-ibħra taʼ mal-kosta li malajr tistaʼ tiġrilhom il-ħsara. Iż-żwiemel tal-baħar jinqabdu wkoll biex jinbiegħu għall-akkwarji—għalkemm ftit jgħixu f’dan l-ambjent peress li jridu ikel speċjali u jimirdu ħafna.
Biex ma jibqgħux jinqabdu daqshekk żwiemel tal-baħar, ġew proposti xi liġijiet li jesiġu li tingħata prova mill-ħafna ġnus li jesportaw dan il-ħut li b’dan il-qbid mhix qed issir ħsara ekoloġika. Metodi u teknoloġiji aħjar qed jgħinu wkoll lil għadd żgħir taʼ kumpaniji li jrabbu dan il-ħut biex jipprovdu lill-bejjiegħa tal-ħut taʼ l-akkwarju bi żwiemel tal-baħar li jkunu kibru fl-akkwarji u mhux fil-baħar.
Il-futur taż-żwiemel tal-baħar hu marbut mal-futur taʼ l-oċeani. “Jidher ċar li l-oċeani tad-dinja huma mhedda mill-attività tal-bniedem. Qed nieħdu minnhom ħafna minn kollox,” tilmenta Kuiter. Se jintilfu dawn iż-żeffiena ħelwin tal-baħar minħabba l-hekk imsejjaħ “progress” uman? “Irridu nkunu ottimistiċi,” jgħid Martin-Smith. “Ċertament li hemm nies li qed juru rieda tajba. Xogħolna hu li ngħinu iktar u iktar nies biex jieħdu interess fil-ħlejjaq ħajjin li hawn fid-dinja. Meta jiġri dan, l-affarijiet jinbidlu. Forsi jekk nistgħu nsalvaw iż-żwiemel tal-baħar, nistgħu nsalvaw ukoll l-ibħra.” Jistaʼ jkun. Iżda, b’ferħ hemm sors taʼ tama li iktar tistaʼ tafda fih.—Rivelazzjoni 14:7.
[Stampa f’paġna 23]
Żiemel tal-baħar nanu (id-daqs tiegħu preċiż)
[Sors]
© Reinhard Dirscherl/Visuals Unlimited
[Stampi f’paġna 24, 25]
Iż-żwiemel tal-baħar kapaċi jibdlu l-kulur tal-ġilda b’mod impressjonanti biex jiġu lewn l-ambjent taʼ madwarhom
Żiemel tal-baħar taʼ ħalqu qasir
Żwiemel tal-baħar taʼ żaqqhom kbira
Żiemel tal-baħar irrigat
[Stampa f’paġna 24]
Żiemel tal-baħar tal-kuruna
[Stampa f’paġna 25]
Żwiemel tal-baħar taʼ ħalqhom qasir
[Stampa f’paġna 25]
Raġel taʼ din l-ispeċi jferraʼ
[Stampa f’paġna 25]
Frieħ taʼ din l-istess speċi
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 24]
Żiemel tal-baħar irrigat: © Ken Lucas/Visuals Unlimited; ir-ritratti l-oħra kollha: Rudie H Kuiter
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 25]
Ir-ritratti kollha: Rudie H Kuiter