LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 2/8 pp. 4-6
  • L-Istress—Ir-Raġunijiet u l-Effetti Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Istress—Ir-Raġunijiet u l-Effetti Tiegħu
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istress biex Taqlaʼ l-​Għajxien
  • Il-​Pressjonijiet li Jiffaċċja Ġenitur Waħdu
  • Tfal Stressati
  • Il-​Konsegwenzi taʼ l-​Istress
  • Kif Nistaʼ Nkampa mal-Istress tal-Iskola?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • X’Inhu l-Istress?
    Stenbaħ!—2020
  • Bombardjati mill-Istress!
    Stenbaħ!—2005
  • Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-Istress fl-Iskola?
    Stenbaħ!—2009
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 2/8 pp. 4-6

L-​Istress—Ir-​Raġunijiet u l-​Effetti Tiegħu

X’INHU l-​istress? Skond espert, l-​istress jistaʼ jiġi deskritt bħala “kwalunkwe fattur fiżiku, kimiku, jew emozzjonali li jikkaġuna tensjoni fil-​ġisem jew fil-​moħħ.” Ifisser dan li l-​istress hu bilfors taʼ ħsara? Le. Kif tosserva t-​Tabiba Melissa C. Stöppler, “kultant ammont moderat taʼ stress u tensjoni jistaʼ jkun taʼ benefiċċju. Spiss, meta nkunu qed nagħmlu xi proġett jew inwettqu xi inkarigu, il-​fatt li nħossu ftit taʼ l-​istress jgħinna nagħmlu x-​xogħol tajjeb u naħdmu b’mod enerġetiku.”

Allura, l-​istress meta jsir problema? Stöppler tgħid: “Huwa biss meta persuna jkollha stress esaġerat, jew ma tkunx taf kif tikkontrollah, li jibdew jidhru l-​effetti negattivi tiegħu.” Ikkunsidra xi affarijiet komuni li jistgħu jikkaġunaw l-​istress.

L-​Istress biex Taqlaʼ l-​Għajxien

Is-​Sultan Salamun qal: “M’hemmx aħjar għall-​bniedem milli jiekol u jixrob u li jgawdi l-​frott taʼ xogħlu.” (Koħèlet 2:​24) Iżda għal ħafna ħaddiema, il-​post tax-​xogħol sar qisu borma tagħli bl-​ilma jbaqbaq, daqskemm ikun mimli bil-​pressjonijiet.

Rapport mill-​Aġenzija Ewropea għas-​Sigurtà u sSaħħa fuq ix-​Xogħol jgħid li l-​ħaddiema huma spiss stressati fl-​impjieg tagħhom għax, fost affarijiet oħra, ma jkunx hemm komunikazzjoni tajba bejn il-​ħaddiema u min iħaddem, il-​ħaddiema ma jitħallewx jitkellmu dwar deċiżjonijiet li jeffettwawhom, ikun hemm konflitti bejn il-​ħaddiema, jew l-​impjieg ma jkunx fis-​sod u/jew il-​paga tkun baxxa. Tkun xi tkun ir-​raġuni, biex ikampaw mas-​sitwazzjonijiet stressanti taʼ fuq ix-​xogħol, il-​ġenituri li jaħdmu ma tantx jibqgħalhom enerġija biex jissodisfaw il-​ħtiġijiet tal-​familji tagħhom. U dawn il-​ħtiġijiet jistgħu jkunu enormi. Per eżempju, matul perijodu taʼ sena, fl-​Istati Uniti, madwar 50 miljun ruħ kellhom jieħdu ħsieb taʼ xi membru tal-​familja li kien marid jew anzjan. Problemi finanzjarji wkoll jistgħu jkunu sors qawwi taʼ stress għall-​familja. Rita, omm taʼ żewġt itfal, iffaċċjat tbatija finanzjarja kbira meta żewġha, Leandro, kellu inċident bil-​karozza u spiċċa f’siġġu tar-​roti. Rita tammetti: “Il-​problemi finanzjarji joħolqu tensjoni. Meta ma jkollokx il-​flus biex tkopri l-​ispejjeż kollha fid-​dar, dan jeffettwa l-​burdata tiegħek.”

Il-​Pressjonijiet li Jiffaċċja Ġenitur Waħdu

Ġenituri waħedhom bl-​istess mod jiffaċċjaw stress tremend hekk kif jipprovaw jissodisfaw il-​ħtiġijiet tal-​familji tagħhom. Dawn il-​ġenituri jispiċċaw eżawriti fiżikament u emozzjonalment wara li jkunu qamu kmieni biex jippreparaw il-​kolazzjon, ilibbsu lit-​tfal u jwassluhom l-​iskola, jgħaġġlu biex jaslu għax-​xogħol fil-​ħin, u mbagħad ikampaw maʼ dak li jirrikjedi minnhom l-​impjieg tagħhom. U meta tintemm il-​ġurnata tax-​xogħol, jibda ċiklu ieħor taʼ stress hekk kif l-​omm tgħaġġel biex tiġbor lit-​tfal mill-​iskola, tipprepara l-​ikel, u tieħu ħsieb il-​faċendi tad-​dar. María, omm li qed trabbi waħedha erbat itfal bniet adoloxxenti, tqabbel ħajjitha maʼ pressure cooker, u tgħid: “Tant ninħakem minn pressjoni li nibda naħsibni se nisplodi.”

Tfal Stressati

Is-​soċjologu Ronald L. Pitzer jgħid: “Ħafna żgħażagħ jesperjenzaw ammonti kbar taʼ stress.” Huma jridu jkampaw mal-​bidliet fiżiċi u emozzjonali tal-​pubertà. Għandhom ukoll il-​pressjonijiet taʼ l-​iskola. Skond il-​ktieb Childstress!, il-​ġurnata normali taʼ l-​iskola “hi miżgħuda bil-​problemi u l-​pressjonijiet li joħolqu l-​istress—fl-​istudju, fl-​isports, fir-​relazzjonijiet maʼ tfal oħrajn u fil-​kuntatti maʼ l-​għalliema.”

F’xi nħawi t-​theddida taʼ vjolenza skolastika żżid mas-​sentimenti t’ansjetà​—biex ma nsemmux il-​biżaʼ li issa ħafna żgħażagħ għandhom minn attakki terroristiċi u diżastri oħrajn. “Jekk il-​ġenituri jitkellmu kontinwament dwar kemm id-​dinja bħalissa hi tal-​biżaʼ,” tikteb tfajla adoloxxenti, “dan se jġagħalna nħossuna beżgħanin.”

Il-ġenituri għandhom ikunu sors taʼ saħħa għal uliedhom. Iżda, Pitzer jgħid: “Sfortunatament, meta t-​tfal u l-​adoloxxenti jipprovaw jikkomunikaw, is-​sentimenti profondi tagħhom jiġu mċekknin, miċħudin, argumentati, jew injorati mill-​ġenituri.” F’xi każi, il-​ġenituri ma jkunux jistgħu jassistu għall-​ħtiġijiet taʼ wliedhom minħabba t-​tensjonijiet li jkun hemm fiż-​żwieġ tagħhom stess. “Kien donnu li l-​ġenituri tiegħi kienu dejjem jiġġieldu,” jgħid it-​tfajjel Tito, li l-​ġenituri tiegħu eventwalment iddivorzjaw. Kif isemmi l-​ktieb Childstress!, “ġlied fiżiku u argumenti verbali m’humiex l-​uniċi affarijiet li jikkaġunaw l-​istress emozzjonali. It-​tfal jitħawdu meta jħossu li hemm sentimenti taʼ dispjaċir li jkunu moħbijin, anki jekk dawn ikunu mżejnin bi kliem ħelu.”

Il-​Konsegwenzi taʼ l-​Istress

Kemm jekk tkun kbir jew żgħir u kemm jekk l-​istress f’ħajtek ikun ġej mix-​xogħol jew mill-​iskola, l-​istress kroniku jistaʼ jkollu konsegwenzi kbar fuq saħħtek. Kittieb mediku jispjega: “Il-​mod kif il-​ġisem jirreaġixxi għall-​istress jistaʼ jitqabbel m’ajruplan li jkun lest biex itir.” Iva, meta tħoss l-​istress, jiżdied it-​taħbit taʼ qalbek u l-​pressjoni tad-​demm titlaʼ f’daqqa. Jitlaʼ wkoll il-​livell taz-​zokkor fid-​demm u tiżdied il-​produzzjoni taʼ l-​ormoni. L-​istess kittieb jgħid, “Jekk l-​istress jippersisti, il-​partijiet kollha tal-​ġisem li jimmaniġġaw l-​istress (il-moħħ, il-​qalb, il-​pulmuni, il-​muskoli, il-​vini u l-​arterji) jiġu stimulati ħafna jew ftit b’mod kroniku. Maż-​żmien dan jistaʼ jikkaġuna ħsara fiżika jew psikoloġika.” Huwa allarmanti kemm hemm mard li jistaʼ jkun kaġunat mill-​istress: mard tal-​qalb, puplesija, disturbi fis-​sistema taʼ l-​immunità, kanċer, disturbi fil-​muskoli u fl-​għadam, u dijabete, biex insemmu xi ftit.

B’mod partikulari, taʼ min jitħasseb dwar il-​mod żbaljat li ħafna​—speċjalment iż-​żgħażagħ—jipprovaw ikampaw maʼ listress. It-​Tabiba Bettie B. Youngs tilmenta: “Huwa taʼ dispjaċir meta tara li xi adoloxxenti tant ikunu jixtiequ jaħarbu mill-​uġigħ, li jagħtuha għall-​alkoħol u l-​abbuż tad-​drogi, id-​delinkwenza, il-​kondotta sesswali laxka, l-​aggressività u l-​vjolenza, jiskartaw l-​iskola, u jaħarbu mid-​dar​—affarijiet li jwassluhom għal problemi ferm agħar minn dawk li kienu qed jipprovaw jaħarbu minnhom.”

L-istress huwa realtà tal-​ħajja moderna; ma jistax jiġi evitat kompletament. Iżda kif juri l-​artiklu li jmiss, hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu biex nikkontrollaw l-​istress!

[Kumment f’paġna 6]

“Tant ninħakem minn pressjoni li nibda naħsibni se nisplodi”

[Stampa f’paġna 5]

Il-​ħajja taʼ ġenitur waħdu spiss hi mimlija pressjonijiet

[Stampa f’paġna 6]

L-​iskola tistaʼ tagħmel pressjoni bla bżonn fuq iż-​żgħażagħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja