SIB MOD KIF TNAQQAS L-ISTRESS
X’Inhu l-Istress?
L-istress hu r-reazzjoni taʼ ġismek għal sitwazzjoni diffiċli. Moħħok jibgħat ħafna ormoni lejn il-partijiet kollha taʼ ġismek. Dawn iżidulek it-taħbit tal-qalb, jgħollulek il-pressjoni tad-demm, jgħaġġlulek in-nifs, u jwebbsulek il-muskoli. Qabel ma tkun taf x’qed jiġri, ġismek ikun lest għall-azzjoni. Meta l-perjodu stressanti jkun għadda, ġismek ma jibqax fuq “allarm” u jerġaʼ lura għan-normal.
STRESS TAJJEB U ĦAŻIN
L-istress hu reazzjoni naturali li tgħinek tittratta maʼ sitwazzjonijiet taʼ sfida jew perikolużi. Ir-reazzjoni tal-istress tibda fil-moħħ. Stress taʼ benefiċċju jgħinek taġixxi jew tirreaġixxi malajr. Ċertu ammont taʼ stress jistaʼ wkoll jgħinek tilħaq il-miri tiegħek jew tagħmel l-affarijiet aħjar, forsi matul xi eżami, intervista għal xogħol, jew xi attività sportiva.
Madankollu, stress fit-tul, estrem, jew kroniku jistaʼ jkun taʼ ħsara għalik. Meta ġismek b’mod ripetut jew il-ħin kollu jkun fuq “allarm,” int għandek mnejn tbati fiżikament, emozzjonalment, u mentalment. L-imġiba tiegħek, inkluż il-mod kif tittratta lil oħrajn, jistaʼ jkun li tinbidel. Nies li jbatu minn stress kroniku spiss jibdew jixorbu ħafna alkoħol, jużaw drogi illegali, jabbużaw mill-mediċina, jieklu żżejjed, ipejpu, u jaqbdu vizzji oħra. Ukoll, jistaʼ jwassal għal dipressjoni, għeja kbira, jew ħsibijiet taʼ suwiċidju.
Waqt li l-istress jistaʼ ma jaffettwax lil kulħadd bl-istess mod, jistaʼ jwassal għal varjetà kbira taʼ mard. Ukoll, jistaʼ jaffettwa kważi kull parti tal-ġisem.