DNA “li Ma Jiswa Għalxejn”?
ĦAFNA studjużi jittrattaw l-istudju tal-bijoloġija, il-ġenetika, u oqsma taʼ studju simili mill-ħarsa tat-teorija taʼ l-evoluzzjoni. Spiss, din il-ħarsa wasslithom għal konklużjonijiet ħżiena. Per eżempju, Darwinisti tal-bidu kklassifikaw ċerti organi, bħall-appendiċi, il-glandola tal-pitwitarja, u t-tunsilli, bħala fdalijiet evoluzzjonarji minħabba li dawn l-organi kienu qishom m’għandhomx użu. Madankollu, maż-żmien skoprew l-irwol importanti taʼ dawn l-organi. Għalhekk, l-evoluzzjonisti kellhom iwarrbu l-ħarsa li kellhom qabel.
Żvilupp simili seħħ reċentement fil-qasam tal-ġenetika. Minħabba riċerka li saret fil-bidu, ġie suġġerit li madwar 98 fil-mija mid-DNA fil-bnedmin u f’organiżmi oħra, ma kellha l-ebda użu. B’hekk, ħafna li kienu influwenzati mit-teorija taʼ l-evoluzzjoni assumew li dan id-DNA kien informazzjoni ġenetika li kien fadal wara l-proċess taʼ l-evoluzzjoni—ħarsa li malajr ġiet aċċettata u saret stabbilita.
Madankollu, għal darb’oħra suppożizzjoni li kellha l-għeruq fid-Darwiniżmu falliet. Reċentement, xi xjenzati skoprew li d-DNA “li ma jiswa għalxejn” għandu rwol vitali fil-ġisem billi jipproduċi forom speċjali taʼ l-RNA (aċidu ribonuklejku) li huma vitali għall-ħajja. John S. Mattick, direttur taʼ l-Istitut għall-Bijoxjenza Molekulari fl-Università taʼ Queensland, l-Awstralja, iħoss li l-fatt li t-teorija tad-DNA “li ma jiswa għalxejn” ġiet aċċettata mill-ewwel, huwa “eżempju tipiku taʼ kif id-drawwa li tiġi aċċettata opinjoni stabbilita ttellef mill-analisi tal-fatti, f’dan il-każ għal kwart taʼ seklu.” Dan in-nuqqas, ikompli hu, “jistaʼ jiġi mfakkar bħala wieħed mill-akbar żbalji fl-istorja tal-bijoloġija molekulari.”
Ma jkunx ħafna iktar għaqli li jkollok il-ħarsa li d-DNA għandu Disinjatur intelliġenti? Nies b’din il-ħarsa jirrealizzaw li maż-żmien ir-raġunijiet għal aspetti tax-xogħol t’Alla li forsi ma jkunux jistgħu jifhmuhom ġeneralment jiġu rivelati. U minflok ma jiddiżappuntawhom, dawn is-sejbiet jimlewhom b’iktar stagħġib.—Proverbji 1:7; Koħèlet 3:11.
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 21]
DNA: Ritratt: www.comstock.com; riċerkatur: Agricultural Research Service, USDA