LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 3/8 pp. 12-13
  • Qiegħed Alla Kullimkien?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħed Alla Kullimkien?
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Alla Fejn Jinsab?
  • Alla Hu Persuna
  • L-​Ispirtu Qaddis t’Alla li Jilħaq lil Kulħadd u Kullimkien
  • Int Tistaʼ Tkun il-​Ħabib t’Alla
  • Jgħammar Alla f’Post Wieħed?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Jinsab Alla kullimkien, omnipreżenti?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Huwa Alla Omnipreżenti?
    Stenbaħ!—2011
  • Alla Jgħix f’Xi Post Speċifiku?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 3/8 pp. 12-13

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Qiegħed Alla Kullimkien?

B’MOD xieraq Alla hu deskritt bħala li hu omnipotenti u omnixjenti​—jistaʼ kollox u jaf kollox. Madankollu, meta jipprovaw jiddeskrivu iktar il-​kobor t’Alla, xi wħud iżidu terminu ieħor​—omnipreżenti. Huma jemmnu li Alla hu preżenti kullimkien fl-​istess ħin.

Filwaqt li ebda waħda minn dawn it-​termini deskrittivi ma tinsab fil-​Bibbja, l-​ewwel tnejn biċ-​ċar huma appoġġati minn tagħlim Skritturali. (Ġenesi 17:1; Ebrej 4:​13; Rivelazzjoni 11:17) Alla tabilħaqq hu omnipotenti, u hu omnixjenti fis-​sens li xejn ma hu moħbi għalih. Imma huwa omnipreżenti? Qiegħed Alla kullimkien, jew huwa individwu li jgħammar f’post speċifiku?

Alla Fejn Jinsab?

F’diversi versi fil-​Bibbja, is-​“smewwiet” huma msemmijin bħala l-​post ‘fejn jgħammar’ Alla. (1 Slaten 8:​39, 43, 49; 2 Kronaki 6:​33, 39) Madankollu, wieħed mir-​rakkonti Bibliċi jiddeskrivi l-​kobor t’Alla Ġeħova b’dan il-​kliem: “Imma, tgħid, tassew li Alla se jibqaʼ jgħix fuq l-​art mal-​bnedmin? Ara! Lanqas is-​smewwiet u s-​smewwiet tas-​smewwiet ma jesgħuk.”​—2 Kronaki 6:​18.

Il-Bibbja tgħid: “Alla hu Spirtu.” (Ġwanni 4:​24) Għalhekk, hu jgħammar f’post spiritwali indipendenti mill-​univers fiżiku. Meta tirreferi għas-​“smewwiet” bħala l-​post fejn jgħammar Alla, il-​Bibbja tkun qed tirreferi għad-​dominju eżaltat fejn jgħammar b’kuntrast maʼ l-​ambjent fiżiku li ngħixu fih aħna. L-​iktar ħaġa importanti hi li l-​Bibbja tgħallem li l-​post fejn jgħammar Alla hu tabilħaqq, b’mod ċar, differenti mill-​univers fiżiku imma fl-​istess ħin hu post speċifiku ħafna.​—Ġob 2:​1, 2.

Alla Hu Persuna

Ġesù tkellem dwar il-​post fejn jgħammar Ġeħova meta qal lid-​dixxipli tiegħu: “F’dar Missieri hemm ħafna postijiet fejn toqogħdu. . . . Sejjer inħejji post għalikom.” (Ġwanni 14:2) Ġesù fejn mar? Eventwalment, hu ‘daħal fis-​sema stess, biex issa jidher għalina quddiem il-​persuna t’Alla.’ (Ebrej 9:​24) Dan ir-​rakkont jgħallimna żewġ fatti importanti dwar Alla Ġeħova. L-​ewwel li hu għandu post letterali fejn jgħix, u t-​tieni li hu persuna, mhux sempliċement forza li ma tistax tiddeskriviha u li tinsab kullimkien.

Għalhekk, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu b’dan il-​mod: “Missierna fis-​smewwiet,” u b’hekk jidderieġu t-​talb tagħhom lil Ġeħova li hu persuna u li qiegħed f’post speċifiku, jiġifieri, fis-​smewwiet spiritwali. (Mattew 6:9; 12:50) Dan it-​tagħlim kien jaqbel mal-​mod taʼ kif il-​poplu t’Alla kien ġie mgħallem jitlob għal iktar minn 1,500 sena. L-​eqdem kitbiet ispirati minn Alla fihom din it-​talba: “Ittawwal mis-​sema, l-​għamara mqaddsa tiegħek, u bierek il-​poplu tiegħek.”​—Dewteronomju 26:15.

L-​Ispirtu Qaddis t’Alla li Jilħaq lil Kulħadd u Kullimkien

Filwaqt li dejjem tirreferi għal Alla bħala li għandu post speċifiku fejn jgħammar, il-​Bibbja spiss titkellem dwar l-​ispirtu qaddis tiegħu bħala li hu kullimkien. Is-​salmista David staqsa: “Fejn immur ’il bogħod mill-​ispirtu tiegħek? Jew fejn nistaʼ naħrab minn quddiem wiċċek?” (Salm 139:7) Xi wħud tħawdu minħabba referenzi bħal din u forsi kkonkludew li Alla hu omnipreżenti. Madankollu, meta nikkunsidraw il-​kuntest taʼ dan il-​vers u versi oħra, jidher ċar li l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova​—jiġifieri l-​qawwa tiegħu fl-​azzjoni​—jistaʼ jinfirex mill-​post fejn jinsab għal kwalunkwe post fl-​univers fiżiku.

Bħal id taʼ missier li jużaha biex ifarraġ u jappoġġa lil uliedu, l-​id, jew l-​ispirtu qaddis, taʼ Ġeħova tistaʼ tintuża fi kwalunkwe post spiritwali jew fl-​univers fiżiku biex twettaq l-​iskop taʼ Ġeħova. B’hekk is-​salmista setaʼ jgħid: “Jekk nilbes il-​ġwienaħ tas-​sebħ, u mmur ngħammar fi truf il-​baħar, hemm ukoll titlaqni idek, u taqbadni l-​leminija tiegħek.”​—Salm 139:​9, 10.

Int Tistaʼ Tkun il-​Ħabib t’Alla

Alla Ġeħova bl-​umiltà u bl-​imħabba jħalli lilu nnifsu u l-​post fejn jgħammar jiġu deskritti b’termini umani li jiddeskrivu bl-​aħjar mod fejn jgħammar u x’tip t’esseri hu. B’dan il-​mod u b’modi oħra, hu qisu “jħares ’l isfel, lejn is-​smewwiet u lejn l-​art.” (Salm 113:6) Madankollu, in-​natura t’Alla hi wisq akbar milli aħna l-​bnedmin nistgħu nifhmu.

Ġeħova hu sempliċement glorjuż wisq, kbir wisq, u taʼ l-​għaġeb wisq, biex niddeskrivuh b’termini umani. Għalhekk, filwaqt li l-​Iskrittura titkellem dwar il-​post fejn jgħammar Alla fis-​smewwiet bħala post speċifiku, huwa impossibbli għall-​bnedmin biex jifhmu bis-​sħiħ dwar dan id-​dominju spiritwali.​—Salm 139:6.

Xorta waħda, hemm faraġ kbir li nifhmu ftit dwar in-​natura vera taʼ Ġeħova, għax nindunaw li m’huwiex xi forza impersonali li ma nistgħux niddeskrivuha u li tinsab fl-​univers kollu. Minflok, hu individwu, b’post speċifiku fejn jgħammar u b’personalità preċiża li hi karatterizzata mill-​imħabba u t-​tenerezza. Għarfien bħal dan jiftaħ il-​bieb għall-​akbar opportunità li jistaʼ jkollhom il-​bnedmin—l-​opportunità li jkollhom ħbiberija persunali għal dejjem mas-​Sovran taʼ l-​univers, Dak li jistaʼ kollox.​—Ġakbu 4:8.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja