L-Irwol Onorat taʼ l-Omm
SPISS l-irwol taʼ l-omm ma tantx jiġi stmat u anki jiġi mċekken. Ftit tas-snin ilu, l-irwol li tieħu ħsieb it-tfal kien beda jitqies minn xi nies bħala xi ħaġa mistkerrha. Il-ħarsa tagħhom kienet li dan kien inqas importanti minn karriera u li kien saħansitra ħaġa oppressiva. Għalkemm forsi din tidher attitudni estrema, lill-ommijiet normalment iġagħluhom iħossu li għandhom xogħol inferjuri jekk ikunu nisa tad-dar u jieħdu ħsieb it-tfal. Xi wħud saħansitra jħossu li mara għandha bżonn karriera barra mid-dar sabiex tiżviluppa l-abbiltajiet kollha tagħha.
Iżda, ħafna rġiel miżżewġin u tfal saru japprezzaw l-irwol taʼ l-omm fil-familja. Carlo, li jaqdi fil-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Filippini, jispjega: “Jien ninsab hawn illum minħabba t-taħriġ li tatni ommi. Missieri kien raġel taʼ dixxiplina u l-kastig kien jagħtihulna malajr, iżda ommi kienet tgħinna billi tispjegalna u tirraġuna magħna. Verament napprezza l-mod kif kienet tgħallimna.”
Peter, mill-Afrika t’Isfel, hu wieħed minn sitt itfal li trabbew minn omm li ftit kellha skola. Missieru kien abbanduna l-familja. Peter jirrifletti u jgħid: “Bħala seftura u ħassiela, ommi ma tantx kienet taqlaʼ flus. Kien diffiċli għaliha tħallas għall-iskola tagħna lkoll. Spiss konna mmorru norqdu bil-ġuħ. Kien taʼ sfida għaliha anki li sempliċement ikollna saqaf fuq rasna. Minkejja dawn id-diffikultajiet kollha, ommi qatt ma qatgħet qalbha. Hi għallmitna li qatt m’għandna noqogħdu nqabblu ruħna maʼ ħaddieħor. Li kieku ma kinitx daqshekk dedikata u kuraġġuża, żgur li ma konniex naslu fejn wasalna.”
Ahmed, raġel miżżewweġ min-Niġerja, jesprimi kif iħossu dwar l-għajnuna taʼ martu fit-trobbija taʼ wliedhom: “Jien napprezza l-irwol taʼ marti. Meta ma nkunx id-dar, inkun fiduċjuż li t-tfal jinsabu f’idejn tajba. Minflok ma nħossni bħallikieku marti qed tikkompeti miegħi, jien nirringrazzjaha u ngħid lit-tfal li jridu jirrispettawha bħalma jirrispettaw lili.”
Wieħed raġel Palestinjan minn jeddu jfaħħar is-suċċess taʼ martu bħala omm: “Lina għenitha ħafna lit-tifla tagħna u għandha sehem importanti fl-ispiritwalità tal-familja tagħna. Minn dak li nistaʼ nara, is-suċċess tagħha hu dovut għat-twemmin reliġjuż tagħha.” Lina hi waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova u ssegwi prinċipji Bibliċi biex teduka lil bintha.
X’inhuma xi ftit minn dawn il-prinċipji? X’jistaʼ jingħad dwar il-ħarsa tal-Bibbja lejn lommijiet? Fl-antik, l-ommijiet kif kienu jingħataw pożizzjoni taʼ dinjità u rispett bħala għalliema taʼ wliedhom?
Ħarsa Bilanċjata Lejn l-Ommijiet
Fil-ħolqien, il-mara ngħatat irwol onorabbli fil-familja. L-ewwel ktieb tal-Bibbja jgħid: “U l-Mulej Alla qal: ‘M’hux sewwa li l-bniedem jibqaʼ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.’” (Ġenesi 2:18) B’hekk, Eva, l-ewwel mara, ngħatat lil Adam bħala sieħba li taqbel għal miegħu u tagħmlu komplet. Hi ntgħamlet biex tkun għajnuna maħluqa preċiż għalih. Kellha tkun parti mill-iskop t’Alla għalihom biex jipproduċu l-ulied u jieħdu ħsiebhom kif ukoll jieħdu ħsieb taʼ l-art u l-annimali taʼ fuqha. Kellha tkun sieħba vera li tipprovdi inkuraġġiment u appoġġ intelletwali. Kemm kien ferħan Adam b’dan ir-rigal sabiħ li rċieva mingħand il-Ħallieq!—Ġenesi 1:26-28; 2:23.
Iktar tard, Alla stabbilixxa linji taʼ gwida dwar kif għandhom jiġu trattati n-nisa. Per eżempju, ommijiet Iżraelin kellhom jintwerew unur u ma jiġux trattati b’disprezz. Jekk iben kien “jidgħi [jew jisħet] lil missieru u ’l ommu,” kien jingħata s-sentenza tal-mewt. Żgħażagħ Kristjani kienu mħeġġin biex ‘jobdu lill-ġenituri tagħhom.’—Levitiku 19:3; 20:9; Efesin 6:1; Dewteronomju 5:16; 27:16; Proverbji 30:17.
Bid-direzzjoni taʼ żewġha, l-omm kellha tkun l-għalliema taʼ wliedha, kemm subien u kemm bniet. Iben kien kmandat biex ‘ma jwarrabx tagħlim ommu.’ (Proverbji 6:20) Ukoll, Proverbji kapitlu 31 (Karm Żammit) jipprovdi “l-oraklu li omm [is-Sultan Lemwel] għallmitu.” Bil-għaqal kollu, hi ggwidat lil binha biex ma jużax ix-xorb alkoħoliku b’mod ħażin, billi qaltlu: “Ma jixraqx li s-slaten jixorbu l-inbid, u li l-mexxejja jieħdu xorb qawwi. Jekk ikunu xurbana, jinsew il-liġi, u jdawru l-ħaqq kontra kull imsejken.”—Proverbji 31:1, 4, 5.
Iżjed minn hekk, kull żagħżugħ li qed jaħseb biex jiżżewweġ ikun għaqli li jikkunsidra d-deskrizzjoni taʼ “mara taʼ ħila” li ngħatat minn omm is-Sultan Lemwel, li qalet: “Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar,” jew il-qroll. Imbagħad, wara li ddeskriviet il-kontribut importanti li mara bħal din tagħti lill-familja, omm is-sultan qalet: “Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibżaʼ mill-Mulej taʼ min ifaħħarha.” (Proverbji 31:10-31) Jidher ċar li l-Ħallieq tagħna ried li n-nisa jokkupaw pożizzjoni taʼ unur u responsabbiltà fil-familja.
Anki fil-kongregazzjoni Kristjana, in-nisa miżżewġin u l-ommijiet huma onorati u apprezzati. Efesin 5:25 jgħid: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom.” Iż-żagħżugħ Timotju, li minn ċkunitu ommu u nanntu għallmuh jirrispetta “l-kitba qaddisa,” ngħata dan il-parir ispirat: ‘Wissi lil nisa xjuħ bħala ommijiet.’ (2 Timotju 3:15; 1 Timotju 5:1, 2) Għaldaqstant, raġel għandu jirrispetta lil mara akbar fl-età daqslikieku kienet ommu. Tabilħaqq, Alla jistmahom lin-nisa u jagħtihom post dinjituż.
Esprimi l-Apprezzament Tiegħek
Raġel, li trabba f’kultura li fiha n-nisa kienu meqjusin bħala inferjuri, jirrakkonta: “Jien irċivejt edukazzjoni ċentrata fuq ir-raġel, osservajt it-trattament ħażin u n-nuqqas taʼ rispett lejn in-nisa. Għalhekk kelli nitħabat biex inħares lejn in-nisa bil-mod kif iħares lejhom il-Ħallieq—bħala kumpliment, jew sieħba li tagħti l-għajnuna fid-dar, u bħala parti minn tim fl-edukazzjoni taʼ l-ulied. Għalkemm huwa diffiċli għalija li nesprimi kliem taʼ tifħir għal marti, nirrikonoxxi li dak li hu tajjeb f’uliedi hu dovut għax-xogħol iebes tagħha.”
Tabilħaqq, ommijiet li jassumu r-responsabbiltà tagħhom bħala għalliema jistgħu jħossuhom kburin bl-irwol tagħhom. Hija karriera siewja. Bir-raġun jixirqilhom tifħir u espressjonijiet t’apprezzament mill-qalb. Mingħand ommna nitgħallmu ħafna—nitgħallmu drawwiet li huma utli ferm, manjieri tajbin tant essenzjali għal relazzjonijiet tajbin, u f’ħafna każi, trobbija morali u spiritwali li żżomm liż-żgħażagħ fit-triq it-tajba. Ilek ma tgħid lil ommok kemm tapprezza dak li għamlet għalik?
[Stampa f’paġna 9]
Omm Peter għallmitu biex ma jaqtax qalbu
[Stampa f’paġna 10]
Ahmed japprezza ħafna l-għajnuna taʼ martu fit-trobbija taʼ wliedhom
[Stampa f’paġna 10]
Ir-raġel taʼ Lina jattribwixxi l-imġiba tajba taʼ binthom lit-twemmin reliġjuż taʼ martu