It-Tieni Ittra lil Timotju
3 Imma kun af li fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni se tkun diffiċli u perikoluża. 2 Għax in-nies se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, iħobbu jiftaħru, arroganti, jgħidu kontra Alla u n-nies, ma jobdux il-ġenituri, ingrati, mhux leali, 3 m’għandhomx imħabba naturali, mhux lesti li jiftiehmu, jimmalafamaw, mingħajr kontroll, kattivi, jobogħdu dak li hu tajjeb, 4 tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, 5 u taparsi jaqdu lil Alla imma ma jagħmlux dak li jixtieq. Nies bħal dawn aħrabhom. 6 Minn dawn se jkun hemm uħud li bil-moħbi se jidħlu fil-familji u se jqarrqu bin-nisa dgħajfa li jkunu qed jagħmlu ħafna dnubiet. Dawn in-nisa huma lsiera tax-xewqat tagħhom. 7 Għalkemm dejjem jitgħallmu, qatt ma jkunu jistgħu jifhmu l-verità għalkollox.
8 Bħalma Ġanne u Ġambre ħaduha kontra Mosè, dawn l-uħud ukoll ħaduha kontra l-verità. Il-ħsieb tagħhom hu ħażin għalkollox u Alla ma jaċċettahomx, għax mhux jgħixu skont il-fidi. 9 Però, mhuma se jaslu mkien, għax il-bluha tagħhom se tkun ovvja bħalma kienet ovvja taʼ dawk iż-żewġt irġiel. 10 Imma int qgħadt attent għal dak li jien għallimt, għall-kondotta tiegħi, l-iskop tiegħi, il-fidi tiegħi, il-paċenzja tiegħi, l-imħabba tiegħi, u kemm issaportejt. 11 Int taf bit-tbatijiet li għaddejt minnhom f’Antjokja, f’Ikonju, u f’Listra. Imma l-Mulej salvani minn dawn il-persekuzzjonijiet kollha. 12 Fil-fatt, dawk kollha li jixtiequ jkunu leali lejn Alla bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù se jkunu ppersegwitati wkoll. 13 Imma n-nies mill-agħar u l-qarriqin se jmorru mill-ħażin għall-agħar, billi jqarrqu u jiġu mqarrqin.
14 Imma int ibqaʼ agħmel dak li tgħallimt u dak li kkonvinċejt ruħek dwaru, għax taf mingħand min tgħallimtu 15 u ilek taf il-kotba qaddisa* mindu kont għadek tarbija. Bihom jistaʼ jkollok l-għerf biex issalva permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. 16 Dak kollu li hu miktub fl-Iskrittura ġej minn Alla.* Dan jgħin biex jgħallem in-nies, biex jurihom x’qed jagħmlu ħażin,* biex jikkoreġihom, u biex jgħallimhom jagħmlu dak li hu sew. 17 B’hekk, il-qaddej t’Alla jkun kapaċi għalkollox u ppreparat sew biex jagħmel kulma hu tajjeb.