Il-Ħarsa Tal-bibbja
Għadhom Rilevanti l-Partijiet Kollha tal-Bibbja?
“Il-Bibbja ftit li xejn fiha valur prattiku għall-bniedem modern, ħlief li jkollu ftit għarfien biex b’suċċess jagħmel xi tisliba jew biex iwieġeb mistoqsijiet fuq xi programm televiżiv.”
“Referenzi bibliċi għall-ġenealoġiji tal-familja, il-verġinità, u l-biżaʼ minn Alla kienu ideat kulturali rilevanti fi żminijiet bibliċi, imma ma tantx huma rilevanti fis-Seklu Wieħed u Għoxrin.”
“Il-Bibbja kienet antikwata anki qabel ma ġiet stampata l-ewwel darba.”
DAWN il-kummenti ttieħdu reċentement minn sit tal-Internet li ddiskuta s-suġġett “Hija l-Bibbja antikwata u irrilevanti?” Int kif tħossok dwar dawn l-opinjonijiet? Taqbel magħhom?
Avolja forsi ma taqbilx maʼ dawk li jiċħdu l-Bibbja għalkollox, forsi xorta taħseb dwar jekk kulma hemm fil-Bibbja hux rilevanti. Wara kollox, il-Bibbji li jintużaw fil-biċċa l-kbira mill-knejjes huma maqsumin f’dawk li spiss jissejħu t-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, u b’hekk jagħtu l-impressjoni li iktar minn 75 fil-mija mill-Bibbja hu qadim, antikwat.
Ħadd m’għadu joffri s-sagrifiċċji tal-annimali deskritti fil-Liġi Mosajka. Allura, dawk id-dettalji kollha rigward is-sagrifiċċji fil-ktieb tal-Levitiku għala ġew preservati? (Levitiku 1:1–7:38) U xi ngħidu għall-kapitli tal-ftuħ tal-1 Kronaki, li jikkonsistu kważi għalkollox minn listi ġenealoġiċi? (1 Kronaki 1:1–9:44) Jekk ħadd li jgħix illum ma jistaʼ jsib lil xi ħadd li jiġi direttament mid-dixxendenza tiegħu minn dawk imsemmijin f’dawk il-kapitli, x’jiswew dawn il-listi?
Ejja ngħidu li taqtaʼ tuffieħa minn siġra tat-tuffieħ. Ladarba jkollok it-tuffieħa, hija s-siġra li pproduċietha irrilevanti? Mhux jekk trid iktar frott! B’xi modi l-Bibbja hi bħal din is-siġra tat-tuffieħ. Ċerti partijiet tal-Bibbja, bħas-Salmi jew il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, forsi jidhru li huma aċċessibbli faċilment u speċjalment attraenti. Filwaqt li għandna mnejn ngħożżu dawk il-partijiet—bħalma forsi ngħożżu l-frotta favorita tagħna—għandna nwarrbu l-kumplament? Il-Bibbja nfisha x’tgħid dwar din il-kwistjoni?
Madwar is-sena 65 E.K., l-appostlu Pawlu kiteb it-tieni ittra tiegħu lil Timotju, billi fakkru: “Minn mindu kont tarbija ilek taf il-kitba qaddisa, li tistaʼ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.” Pawlu mbagħad qal: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa.” (2 Timotju 3:15, 16) Meta Pawlu kiteb li “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa,” kien qed jitkellem biss dwar it-Testment il-Ġdid?
Innota r-referenza taʼ Pawlu għall-fatt li Timotju kien jaf “il-kitba qaddisa” minn mindu kien “tarbija.” Jekk, bħalma jemmnu xi wħud, Timotju kellu fuq it-30 sena fiż-żmien meta nkitbet din l-ittra, mela kien tarbija madwar iż-żmien li miet Ġesù. Dan kien qabel ma nkiteb kwalunkwe porzjon tat-Testment il-Ġdid, jew l-Iskrittura Griega. Omm Timotju kienet Lhudija, u għalhekk il-kitba qaddisa li kienet għallmitu meta kien tfajjel bilfors li kienet it-Testment il-Qadim, jew l-Iskrittura Ebrajka. (Atti 16:1) Ir-referenza taʼ Pawlu għall-“Iskrittura kollha” bla dubju inkludiet it-Testment il-Qadim kollu kemm hu, li fih ir-regolamenti dwar is-sagrifiċċji u l-ġenealoġiji.
Iktar minn 1,900 sena wara, aħna għadna nibbenefikaw minn dawk il-porzjonijiet tal-Bibbja b’diversi modi. L-ewwel, aħna kieku lanqas biss għandna l-Bibbja kieku Alla ma ħax ħsieb li tinkiteb u tiġi preservata minn poplu magħżul minnu. (Rumani 3:1, 2) F’Israel tal-qedem, il-Liġi Mosajka ma kinitx biss xi ħaġa sagra li kellha tiġi preservata għall-ġenerazzjonijiet tal-futur, imma kienet, fil-fatt, il-kostituzzjoni taʼ dak il-ġens. Dettalji fil-Liġi li llum għandhom mnejn jidhru mhux bżonjużi għalina kienu vitali biex Israel tal-qedem jibqaʼ ħaj u jirnexxi. Iżjed minn hekk, ir-rekords ġenealoġiċi fil-Bibbja kienu neċessarji biex jiġi identifikat il-Messija, li ġie mbassar li kien se jkun dixxendent dirett tas-Sultan David.—2 Samwel 7:12, 13; Luqa 1:32; 3:23-31.
Għalkemm il-Kristjani mhumiex taħt il-Liġi Mosajka, għandhom bżonn jeżerċitaw il-fidi fil-Messija mbassar, Ġesù Kristu. Il-ġenealoġiji tal-qedem preservati fil-Bibbja jagħtu prova li Ġesù kien tabilħaqq “bin David” imwiegħed. U dettalji dwar is-sagrifiċċji jkabbru l-apprezzament tagħna għas-sagrifiċċju ħafna iktar importanti li għamel Ġesù, u jibnu l-fidi tagħna fil-valur tiegħu.—Ebrej 9:11, 12.
Lill-kongregazzjoni Kristjana tal-ewwel seklu f’Ruma, Pawlu kitbilha: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” (Rumani 15:4) Dan il-vers ifakkarna li l-Bibbja nkitbet għall-benefiċċju tagħna imma mhux għall-benefiċċju tagħna biss. Għal iktar minn 3,500 sena, il-kliem imnebbaħ tagħha dderieġa, istruwixxa, u kkoreġa lill-poplu t’Alla—fix-xagħri tas-Sinaj, fl-Art Imwiegħda, fl-eżilju Babiloniż, fl-Imperu Ruman, u issa madwar id-dinja. Ebda ktieb ieħor ma jistaʼ bi dritt jagħmel stqarrija bħal din. Bħall-għeruq taʼ siġra tat-tuffieħ, il-valur taʼ ċerti partijiet tal-Bibbja forsi jkun diffiċli biex tarah għall-ewwel. Jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ ftit tħaffir biex jinkixef dan il-valur, imma l-isforz se jiġi premjat bil-kbir!
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Timotju kemm kien ilu jaf “il-kitba qaddisa”?—2 Timotju 3:15.
● Liema partijiet tal-Bibbja huma mnebbħin u jiswew?—2 Timotju 3:16.
● Kif nistgħu nibbenefikaw minn “kulma nkiteb minn qabel”?—Rumani 15:4.
[Stampi f’paġna 11]
Id-dettalji fil-Bibbja jkabbru l-apprezzament tagħna għas-sagrifiċċju li għamel Ġesù