Il-Fjuri taċ-Ċirasa—Petali Delikati Ammirati sa mill-Qedem
Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-Ġappun
SA MINN żmien il-qedem il-Ġappuniżi faħħru bil-kbir il-ġmiel tas-sakura—is-siġra taċ-ċirasa Ġappuniża bil-fjuri. Il-petali delikati tagħha tant huma għal qalbhom li l-fjura taċ-ċirasa hija iktar popolari mill-fjuri l-oħrajn kollha u għandha post speċjali fl-istorja u l-kultura tal-Ġappun. Fil-fatt, xi drabi l-kelma “fjura” bil-Ġappuniż saret tfisser is-sakura. Għal iktar minn elf sena, il-Ġappuniżi kienu jaduraw il-fjuri taċ-ċirasa.
Għadd kbir taʼ siġar taċ-ċirasa ferm grazzjużi jinsabu mxerrdin f’kull parti tal-gżejjer Ġappuniżi. M’għandikx għalfejn tivvjaġġa ħafna biex tiltaqaʼ maʼ waħda mill-madwar 300 varjetà li jikbru hawnhekk. Normalment kull fjura jkollha ħames petali bit-truf ippontati, għalkemm xi varjetajiet ikollhom ħafna iktar petali. Ħafna fjuri jifformaw mazz wieħed. Il-kuluri tal-petali jvarjaw minn lewn kważi abjad għal roża u anki aħmar jgħajjat, u jinkludu wkoll il-kuluri sfumati taʼ dawn l-ilwien. Sa mill-qedem, il-forma u l-kulur taʼ dawn il-fjuri kienu assoċjati maʼ simboli taʼ purità u sempliċità.
Id-dehra taʼ siġra taċ-ċirasa mimlija fjuri tiġbed l-attenzjoni taʼ kulħadd. Meta jiddi fuqhom id-dawl baxx tax-xemx minn wara s-sħab, il-petali delikati tagħha jitfgħu dija lewn abjad jagħti fir-roża. Saħansitra iktar impressjonanti hija d-dehra taʼ masġar sħiħ mimli siġar taċ-ċirasa.
Wirja Meraviljuża
Il-Muntanji Yoshino huma magħrufin għall-fjuri bojod tas-siġar taċ-ċirasa. F’dawn l-inħawi hemm erbaʼ msaġar kbar b’iktar minn 100,000 siġra taċ-ċirasa. Parti waħda hija msejħa Hitome Senbon, li jfisser ‘elf siġra taċ-ċirasa f’daqqa t’għajn.’ Letteralment kemm tagħtik il-vista t’għajnejk, tara fjuri bojod jiksu l-għoljiet li hemm madwar dan il-post u jġibuhom jidhru qishom miksijin bil-borra. Mhux taʼ b’xejn, mela, li iktar minn 350,000 ruħ imorru hemmhekk bi ħġarhom kull sena biex jaraw din id-dehra spettakolari!
Il-mod kif jitħawlu s-siġar taċ-ċirasa jistaʼ jipproduċi effetti interessanti. Per eżempju, fillieri dritti ħdejn xulxin taʼ siġar taċ-ċirasa li l-friegħi tagħhom jikbru sakemm imissu maʼ xulxin jifformaw mina b’dawn is-siġar. Immaġinak għaddej minn taħt bukkett wara l-ieħor taʼ fjuri li jifformaw tinda kbira lewn abjad fir-roża filwaqt li minn kulfejn tgħaddi l-art tkun miksija kollha petali.
Madankollu, dawn il-fjuri delikati ma tantx għandhom ħajja twila—l-iktar li jdumu hu jumejn jew tlieta. U għandu mnejn minħabba t-temp dawn idumu saħansitra inqas.
Hanami—Piknik taħt is-Siġar taċ-Ċirasa
L-ewwel splużjoni taʼ dawn il-fjuri delikati sseħħ matul Jannar u tibda minn Okinawa, fin-nofsinhar tal-gżejjer Ġappuniżi, u tkompli tinfirex ’il fuq bil-mod il-mod sakemm tasal Hokkaido fl-aħħar taʼ Mejju. Dan il-moviment hu magħruf ukoll bħala l-front tas-siġar taċ-ċirasa. It-televixin, ir-radju, il-gazzetti, u anki l-Internet jirrapportaw regolarment dwar il-progress tal-front, jiġifieri f’liema post is-siġar ikunu qed joħorġu l-fjuri. L-aħbar li s-siġar taċ-ċirasa Ġappuniżi qed joħorġu l-fjuri ġġiegħel lil miljuni taʼ nies imorru bi ħġarhom fil-postijiet fejn ikunu jistgħu jarawhom.
L-użanza tal-hanami, li tfisser “tħares lejn il-fjuri,” tmur lura sa żmien l-antik. U f’dan il-każ, il-fjuri huma dejjem dawk taċ-ċirasa. Fl-era Heian (794-1185), in-nobbli kienu diġà jorganizzaw festini biex jammiraw is-sakura. Fl-1598, mexxej militari li kien jismu Hideyoshi Toyotomi organizza festin fit-tempju Daigoji fi Kyoto biex jiġu ammirati l-fjuri taċ-ċirasa. Is-sidien kollha taʼ l-artijiet kif ukoll mistidnin distinti oħrajn inġabru taħt is-siġar mimlijin fjuri u qagħdu jgħidu poeżiji li jfaħħru lil dawn il-fjuri. In-nisa ddandnu bi ħwejjeġ li kien fihom id-disinn eleganti tas-sakura.
Fil-perijodu Edo (1603-1867), in-nies komuni adottaw dan it-tip taʼ passatemp—li jagħmlu piknik taħt is-siġar taċ-ċirasa meta dawn ikunu qed joħorġu l-fjuri. Kienu jieklu, jixorbu, ikantaw, u jiżfnu waqt li jammiraw il-fjuri mal-familji tagħhom u maʼ ħbiebhom. L-użanza popolari tal-hanami għadha popolari sal-ġurnata taʼ llum, u kotriet taʼ nies jerħulha lejn xi post favorit tagħhom fejn ikunu jistgħu jistrieħu fil-kwiet u jgawdu l-wirja spettakolari tal-petali.
Tema li Tidher Spiss
Is-sakura hija minsuġa fl-istorja u l-kultura Ġappuniża u saret parti integrali minnhom. Din it-tema tidher spiss fil-letteratura, il-poeżija, it-teatru, u l-mużika Ġappuniża. Matul is-sekli, l-artisti esprimew il-ġmiel tal-fjuri taċ-ċirasa billi pinġewhom fuq oġġetti diversi li jinkludu l-fuħħar u l-paraventi.
Is-samuraj ukoll adottaw is-sakura. Peress li kienu dedikati kompletament lil sidhom, kienu mistennija li jissagrifikaw ħajjithom bla mistenni jekk dan ikun mitlub minnhom. Fil-fjuri taċ-ċirasa, is-samuraj kienu jaraw simbolu taʼ kemm il-ħajja kienet qasira. Rigward dan, il-Kodansha Encyclopedia of Japan tikkummenta: “Peress li l-fjuri taċ-ċirasa għandhom ħajja qasira ħafna u wara ftit jaqgħu, huma saru simbolu konvenjenti tat-tip taʼ ġmiel ammirat mill-Ġappuniżi, ġmiel li jgħib malajr.”
L-ammirazzjoni nazzjonali lejn is-sakura għadha teżisti sa llum. Il-kimono, kostum ferm attraenti, spiss ikollu d-disinn tal-fjuri taċ-ċirasa. Id-disinn tas-sakura jinsab ukoll fuq affarijiet tad-dar, xalel, u ħwejjeġ. Din il-fjura tant hi għal qalbhom li l-ġenituri jsemmu saħansitra lit-trabi bniet sbieħ tagħhom Sakura, b’unur għall-fjuri taċ-ċirasa.
Fraġli fil-forma tagħha iżda qawwija biżżejjed biex tinfluwenza l-kultura taʼ ġens, il-fjura taċ-ċirasa hija eżempju li jispikka tal-ġmiel sottili li nsibu fost il-kapulavuri tal-Ħallieq tagħna.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]
Siġar taċ-Ċirasa bil-Fjuri
L-injam mill-isbaħ tas-siġra taċ-ċirasa jistaʼ jintuża għall-iskultura, għall-għamara, u għall-istampar bi blokok taʼ l-injam. Iżda ma kienx dan li għamel is-siġra taċ-ċirasa daqshekk prominenti fil-Ġappun. Lanqas ma saret famuża minħabba l-frott tagħha. Kuntrarju għal siġar taʼ l-istess tip f’partijiet oħra tad-dinja, is-siġra taċ-ċirasa Ġappuniża tiġi mkabbra prinċipalment għall-fjuri tagħha, li serqu l-qlub taʼ tant u tant nies.
Is-siġar taċ-ċirasa li jagħmlu l-fjuri jistgħu jitnisslu faċilment miż-żerriegħa. Għalhekk, tħawlu siġar taċ-ċirasa max-xtut tax-xmajjar u f’toroq prinċipali kif ukoll f’għadd taʼ ġonna privati u pubbliċi mal-pajjiż kollu.
[Kaxxa f’paġna 15]
Xita taʼ Fjuri taċ-Ċirasa
Meta twaqqaʼ l-eluf taʼ petali tagħha, is-siġra taċ-ċirasa toħloq dehra unika; tistħajjilha nieżla borra roża. F’daqqa waħda, il-petali jinqatgħu minn mal-friegħi u jaqgħu b’delikatezza fl-art. Buffura qawwija taʼ riħ ittajjar f’daqqa xita taʼ petali u xxerridhom maʼ kullimkien. Il-Ġappuniżi jsejħu dan l-ispettaklu sakura fubuki, jew xita taʼ fjuri taċ-ċirasa. L-art taʼ taħt is-siġar tinkesa b’tapit lewn roża li jpaxxi l-għajn. Fin-natura, ftit huma x-xeni li jistgħu jitqabblu mas-serenità li joħolqu dawn il-petali fraġli mifruxin maʼ l-art.
[Stampa f’paġna 16, 17]
“Hanami”—pikniks taħt is-siġar taċ-ċirasa bil-fjuri
[Stampa f’paġna 17]
Mina fformata mis-siġar taċ-ċirasa