LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 4/8 pp. 12-13
  • Fuq Liema Naħa tat-Triq Issuq Int?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fuq Liema Naħa tat-Triq Issuq Int?
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ewwel Drawwiet tas-​Sewqan
  • Bidla għal-​Lemin
  • Dgħajjes, Ajruplani, Ferroviji, u Int
  • L-Inċidenti tal-Karozzi—Ħieles Int mill-Periklu?
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—2005
g05 4/8 pp. 12-13

Fuq Liema Naħa tat-​Triq Issuq Int?

Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-​Britannja

Iltqajt fl-​ajruport m’Amerikan li ġie għal żjara u mxejt miegħu sa fejn kelli l-​karozza tistenniena. “Tistaʼ tpoġġi quddiem,” issuġġerejtlu jien, u hu mill-​ewwel ipprova jidħol fuq in-​naħa tas-​sewwieq. “Illaħwa, kont insejt,” qal hu. “Intom issuqu fuq in-​naħa ħażina tat-​triq.”

M’għandniex xi ngħidu, x’aktarx li jien kont ngħid l-​istess ħaġa kieku kelli mmur l-​Istati Uniti. Imma aħna u sejrin id-​dar, iddeċidejt li nsir naf għala n-​nies f’xi pajjiżi jsuqu fuq in-​naħa tax-​xellug tat-​triq, waqt li l-​biċċa l-​kbira mill-​pajjiżi tad-​dinja jsuqu fuq il-​lemin.

L-​Ewwel Drawwiet tas-​Sewqan

Ejja mmorru lura fl-​istorja xi elfejn sena saż-​żmien meta r-​Rumani kienu jaħkmu l-​Britannja. L-​arkeoloġi ħaffru u sabu xi tagħrif dwar id-​drawwiet tas-​sewqan taʼ dak iż-​żmien. Fl-​1998 sabu triq preservata tajjeb li kienet twassal għal barriera Rumana ħdejn Swindon, fl-​Ingilterra. Il-​kanali tar-​roti fuq naħa waħda tat-​triq huma iktar fondi minn tan-​naħa l-​oħra, kif nissopponu li kien jiġri meta l-​karrettuni kienu jgħaddu vojta minn naħa u mimlijin ġebel minn naħa l-​oħra. Il-​kanali jagħtuna x’nifhmu li, għallinqas f’dan il-​post, ir-​Rumani kienu jsuqu fuq ix-​xellug.

Fil-fatt, xi wħud jemmnu li fl-​antik dawk li kienu jivvjaġġaw biż-​żiemel ġeneralment kienu jgħaddu min-​naħa tax-​xellug tat-​triq. Peress li l-​maġġuranza min-​nies huma leminin, ir-​rikkieba taż-​żwiemel kienu jkunu jistgħu jżommu r-​riedni b’idhom ix-​xellugija u jħallu l-​leminija libera​—biex jieħdu b’idejn xi rikkieb li jkun għaddej jew jiddefendu ruħhom b’xabla, jekk ikun hemm bżonn.

Bidla għal-​Lemin

Fl-​aħħar tas-​seklu 18, saret bidla mix-​xellug għal-​lemin f’pajjiżi bħall-​Istati Uniti, meta s-​sewwieqa bdew jużaw karrijiet tat-​tagħbija miġbudin minn diversi pari żwiemel. Il-​karrijiet ma kellhomx post fejn joqgħod bil-​qiegħda s-​sewwieq, u għalhekk is-​sewwieq kien ipoġġi fuq iż-​żiemel taʼ wara fuq in-​naħa tax-​xellug u kien iżomm il-​frosta b’idu l-​leminija. Peress li kien ikun bil-​qiegħda fuq in-​naħa tax-​xellug, is-​sewwieq naturalment kien jippreferi li l-​karrijiet l-​oħra jgħaddu minn ħdejh fuq in-​naħa tax-​xellug ħalli jkun ċert li ma jolqotx ir-​roti tal-​karrijiet li jkunu ġejjin min-​naħa l-​oħra. Dan kien jagħmlu billi jsuq fuq il-​lemin tat-​triq.

Madankollu, l-​Ingliżi żammew fuq in-​naħa tax-​xellug. Il-​karrijiet tagħhom kienu iżgħar, u s-​sewwieq kien joqgħod bil-​qiegħda fuq il-​karru, ġeneralment fuq quddiem in-​naħa tal-​lemin. Minn hemm setaʼ juża frosta twila f’idu l-​leminija mingħajr ma titgħaqqad mat-​tagħbija li jkollu warajh. F’din il-​pożizzjoni, fuq in-​naħa tal-​lemin tal-​karru, is-​sewwieq setaʼ jżomm ’il bogħod biżżejjed mit-​traffiku li jkun għaddej kontrih billi jżomm man-​naħa tax-​xellug tat-​triq. Il-​pajjiżi li saru parti mill-​Imperu Britanniku adottaw ir-​regola li jżommu man-​naħa tax-​xellug, għalkemm kien hemm xi eċċezzjonijiet. Per eżempju, il-​Kanada maż-​żmien bidlet għal-​lemin sabiex in-​nies ikunu jistgħu jgħaddu iktar faċilment mill-​fruntieri lejn l-​Istati Uniti u lura.

Il-ġrajjiet politiċi fi Franza kellhom effett kbir fuq id-​drawwiet tas-​sewqan. Qabel ir-​Rivoluzzjoni taʼ l-​1789, l-​aristokratiċi kienu jsuqu l-​karozzelli tagħhom fuq ix-​xellug tat-​triq, waqt li jisforzaw lir-​raħħala jsuqu fuq in-​naħa l-​oħra. Imma ladarba bdiet ir-​Rivoluzzjoni, in-​nobbli riedu jagħmlu minn kollox biex jaħbu l-​identità tagħhom billi huma wkoll bdew isuqu fuq il-​lemin bħar-​raħħala. Sa l-​1794 il-​gvern Franċiż daħħal ir-​regola li f’Pariġi jsuqu fuq il-​lemin, u din iktar tard xterdet f’reġjuni oħra hekk kif l-​armati rebbieħa taʼ Napuljun I immarċjaw fil-​biċċa l-​kbira mill-​kontinent taʼ l-​Ewropa. Ma niskantawx li Napuljun kien jippreferi jżomm mal-​lemin. Xogħol taʼ referenza jispjega li minħabba li kien xellugi, “l-​armati tiegħu kellhom jimmarċjaw fuq il-​lemin sabiex l-​id li fiha jkollu x-​xabla jkun jistaʼ jżommha bejnu u bejn l-​opponenti tiegħu.”

Fl-Ewropa, il-​pajjiżi li ġġieldu lil Napuljun żammew max-​xellug. Ir-​Russja u l-​Portugall bidlu għal-​lemin fil-​bidu tas-​seklu 20. L-​Awstrija u ċ-​Ċekoslovakkja bidlu għal-​lemin meta kienu maħkuma mill-​Ġermanja Nazista fl-​aħħar tas-​snin 30 tas-​seklu l-​ieħor, u iktar tard l-​Ungerija għamlet bħalhom. Illum fl-​Ewropa erbaʼ pajjiżi biss għadhom isuqu fuq ix-​xellug: il-​Britannja, l-​Irlanda, Ċipru, u Malta. Huwa interessanti li għalkemm il-​Ġappun qatt ma kien kolonja Britannika, f’dan il-​pajjiż ukoll isuqu fuq ix-​xellug.

Dgħajjes, Ajruplani, Ferroviji, u Int

Xi ngħidu għad-​dgħajjes u l-​ajruplani? Ġeneralment, it-​traffiku tal-​baħar iżomm mal-​lemin. L-​ajruplani wkoll iżommu mal-​lemin. U l-​ferroviji x’jagħmlu? F’xi pajjiżi, jekk il-​linji tal-​ferrovija jkunu doppji, l-​apparat li jagħti s-​sinjali jiddetermina fuq liema naħa għandha tgħaddi l-​ferrovija. Il-​linji tal-​ferrovija li huma moderni u li jkunu fuq rotot prinċipali spiss jippermettu li l-​ferrovija tgħaddi fiż-​żewġ direzzjonijiet fuq kull naħa, imma jekk l-​apparat tas-​sinjali jkun antik, il-​ferrovija tkun tistaʼ tgħaddi f’direzzjoni waħda biss. Din id-​direzzjoni probabbilment tkun determinata, għallinqas f’ċerti każi, mill-​pajjiż fejn tkun ġiet disinjata u mibnija r-​rotta tal-​ferrovija.

U xi ngħidu għal dawk li jkunu mexjin fit-​triq? Ġeneralment huwa rikkmandat li jekk ma jkunx hemm bankina jew passaġġ apposta għal dawk mexjin, ikun inqas perikoluż li timxi faċċata tat-​traffiku li jkun ġej, ikunu fuq liema naħa jkunu l-​karozzi. Jekk il-​karozzi jżommu fuq il-​lemin, mela n-​nies l-​aħjar li jimxu fuq ix-​xellug tat-​triq faċċata tal-​karozzi li jkunu ġejjin. Fil-​Britannja, fejn insuqu fuq ix-​xellug, nipprovaw niftakru li għandna nimxu fuq il-​lemin. U xi ngħidu għal seħibna l-​Amerikan? Ħeqq, jagħmel bil-​kontra!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja