LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 7/8 pp. 5-7
  • Min Hu “l-Uniku Alla Veru”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Hu “l-Uniku Alla Veru”?
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Pożizzjoni taʼ Ġesù fis-​Sema
  • L-​Isem tal-​Ħaruf u tal-​Missier
  • It-​Trinità —Minfejn Oriġinat?
  • Il-​Missier —Superjuri għall-​Iben
  • It-​Trinità u l-​Knisja
  • L-​Oriġini tat-​Trinità
  • Id-Duttrina tat-Trinità Kif Żviluppat?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
  • Hija b’Mod Ċar Tagħlim tal-Bibbja?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
  • Għandek Temminha?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
  • Alla Huwa Trinità?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 7/8 pp. 5-7

Min Hu “l-​Uniku Alla Veru”?

ĠESÙ spiss kien jitlob lil Alla, li hu kien isejjaħlu Missier, u wkoll kien jgħallem lil oħrajn jagħmlu dan. (Mattew 6:​9-11; Luqa 11:​1, 2) Meta kien qed jitlob flimkien maʼ l-​appostli tiegħu—ftit sigħat biss qabel mewtu—Ġesù talab bil-​ħerqa: “Missier, waslet is-​siegħa; igglorifika lil ibnek, biex ibnek jigglorifika lilek. Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:​1, 3.

Innota li Ġesù jitlob lil Dak li hu sejjaħlu bħala “l-​uniku Alla veru.” Hu jirreferi għall-​pożizzjoni superjuri t’Alla meta jkompli jgħid: “Mela issa, Missier, igglorifikani maġenbek bil-​glorja li kelli ħdejk qabel ma kienet teżisti d-​dinja.” (Ġwanni 17:5) Ladarba Ġesù talab lil Alla u staqsieh biex ikun maġenb Alla, Ġesù kif jistaʼ jkun li kien “l-​uniku Alla veru” fl-​istess ħin? Ejja neżaminaw din il-​kwistjoni.

Il-​Pożizzjoni taʼ Ġesù fis-​Sema

Ftit sigħat wara din it-​talba, Ġesù inqatel. Imma hu ma damx mejjet għal ħafna żmien—mill-​Ġimgħa wara nofsinhar sal-​Ħadd fil-​għodu biss. (Mattew 27:57–28:6) “Lil dan Ġesù Alla rxoxtah,” irrapporta l-​appostlu Pietru, “u taʼ dan il-​fatt aħna lkoll xhieda.” (Atti 2:​31, 32) Setaʼ Ġesù jirxoxta lilu nnifsu ? Le, għax skond il-​Bibbja, il-​mejtin “ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) “L-​uniku Alla veru,” il-​Missier tas-​sema taʼ Ġesù, irxoxta lil Ibnu.—Atti 2:32; 10:40.

Ftit taż-​żmien wara, Stiefnu, id-​dixxiplu taʼ Ġesù, inqatel mill-​persekuturi reliġjużi. Hekk kif kienu se jħaġġruh, Stiefnu ngħata viżjoni. Qal: “Ara! Qed nara s-​smewwiet miftuħin u Bin il-​bniedem fuq il-​leminija t’Alla.” (Atti 7:56) Għalhekk, Stiefnu ra lil Ġesù, “Bin il-​bniedem,” fl-​irwol tiegħu bħala l-​wieħed li jappoġġa l-​Alla fis-​sema—“fuq il-​leminija t’Alla”—‘maġenb Alla’ bħalma kien qabel ma ġie fid-​dinja.—Ġwanni 17:5.

Iktar tard, wara t-​tħaġġir taʼ Stiefnu, Ġesù deher b’mod mirakoluż lil Sawl, li hu iktar magħruf bl-​isem Ruman tiegħu, Pawlu. (Atti 9:​3-6) Meta Pawlu kien f’Ateni, il-​Greċja, hu tkellem dwar “l-​Alla li għamel id-​dinja u kulma fiha.” Hu qal li dan Alla, “l-​uniku Alla veru,” se “jiġġudika l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-​bnedmin kollha billi rxoxtah mill-​imwiet.” (Atti 17:​24, 31) Hawnhekk l-​appostlu Pawlu ddeskriva lil Ġesù bħala “bniedem”—iva, inqas minn Alla—li Alla ġabu lura għall-​ħajja fis-​sema.

L-appostlu Ġwanni wkoll iddeskriva lil Ġesù bħala li hu inqas minn Alla. Ġwanni qal li hu kien kiteb l-​Evanġelju tiegħu sabiex il-​qarrejja jkunu jistgħu jemmnu li “Ġesù hu l-​Kristu, l-​Iben t’Alla”—mhux li hu Alla. (Ġwanni 20:31) Ġwanni rċieva wkoll viżjoni tas-​sema li fiha ra “Ħaruf,” li fl-​Evanġelju tiegħu hu identifikat bħala Ġesù. (Ġwanni 1:29) Il-​Ħaruf huwa wieqaf maʼ 144,000 persuna oħra, li Ġwanni jgħid li “nxtraw [jew ġew irxoxtati] mill-​art.” Ġwanni jispjega li l-​144,000 għandhom ‘isem il-​Ħaruf u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.’—Rivelazzjoni 14:​1, 3.

Jistaʼ “l-​Ħaruf” ikun l-​istess bħal “Missieru”? Jidher ċar li le. Fil-​Bibbja huma żewġ individwi separati. Saħansitra għandhom ismijiet differenti.

L-​Isem tal-​Ħaruf u tal-​Missier

Bħalma għadna kif rajna, isem l-​Iben t’Alla, il-​Ħaruf, huwa Ġesù. (Luqa 1:​30-32) U xi ngħidu għal isem il-​Missier? Fil-​Bibbja jidher eluf taʼ drabi. Per eżempju, Salm 83:19 (83:​18, NW) jgħid: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-​Għoli fuq l-​art kollha.” B’dispjaċir, isem Alla, Jaħweh jew Ġeħova, ġie mibdul f’ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja mat-​termini “MULEJ” u “ALLA,” li ħafna drabi jkunu spelluti b’ittri kbar. L-​ittri kbar qegħdin biex jiddistingwu lil Ġeħova minn oħrajn li jissejħu allat jew mulejiet.a Madankollu, f’ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja, l-​Isem Divin reġaʼ tpoġġa fejn suppost qiegħed.

Huwa taʼ min jinnota li l-​Bibbja bl-​Ingliż American Standard Version (1901) hija traduzzjoni tal-​Bibbja li reġgħet poġġiet l-​isem t’Alla, Ġeħova, fejn suppost. L-​introduzzjoni tgħid li ‘wara li kkunsidrawha sew, dawk li rrivedew l-​American Standard Version ilkoll qablu li s-​superstizzjoni Lhudija, li kienet tqis l-​Isem Divin bħala tant qaddis li ma jistax jitlissen, m’għandhiex tinfluwenza l-​verżjoni bl-​Ingliż jew xi verżjoni oħra tat-​Testment il-​Qadim, u fortunatament ma influwenzatx lil diversi verżjonijiet li saru minn missjunarji taʼ żmienna.’b

It-​Trinità —Minfejn Oriġinat?

U xi ngħidu dwar it-​tagħlim li Ġeħova u Ġesù huma fil-​fatt l-​istess Alla, bħalma tgħallem id-​duttrina tat-​Trinità? Fil-​ħarġa t’April-Ġunju taʼ l-​1999, ir-​rivista The Living Pulpit tiddefinixxi t-​Trinità b’dan il-​mod: “Hemm Alla u Missier wieħed, Mulej Ġesù Kristu wieħed, u Spirtu Qaddis wieħed, tliet ‘persuni’ . . . li huma l-​istess jew huma ħaġa waħda fin-​natura . . . ; tliet persuni li huma Alla ndaqs, għandhom l-​istess karatteristiċi naturali, madankollu verament differenti, magħrufin mill-​karatteristiċi persunali tagħhom.”c

Dan it-​tagħlim komplikat tat-​Trinità minfejn oriġina? Il-​Christian Century, fil-​ħarġa taʼ l-​20-27 taʼ Mejju, 1998, jikkwota saċerdot li jirrikonoxxi li t-​Trinità hija “tagħlim tal-​knisja iktar milli tagħlim taʼ Ġesù.” Minkejja li t-​Trinità m’hijiex tagħlim taʼ Ġesù, hija din fi qbil maʼ dak li għallem?

Il-​Missier —Superjuri għall-​Iben

Ġesù għallem lid-​dixxipli sabiex jitolbu: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek.” Missierna tas-​sema, li ismu huwa Ġeħova, huwa deskritt fil-​Bibbja bħala li hu superjuri għal Ibnu. Per eżempju, Ġeħova huwa “minn dejjem taʼ dejjem.” Imma l-​Bibbja tgħid li Ġesù huwa “l-​kbir fost il-​ħlejjaq.” Il-​fatt li Ġeħova huwa akbar minn Ġesù, qalu Ġesù nnifsu meta għallem lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​Missier hu akbar minni.” (Mattew 6:9; Salm 90:​1, 2; Kolossin 1:15; Ġwanni 14:​28, Għaqda Biblika Maltija) Madankollu, it-​Trinità hija duttrina li tgħid li l-​Missier u l-​Iben huma “Alla ndaqs.”

Il-fatt li l-​Missier huwa superjuri għall-​Iben, kif ukoll il-​fatt li l-​Missier huwa persuna separata, jidher ċar ukoll fit-​talb taʼ Ġesù, bħal per eżempju fit-​talba taʼ qabel ma miet: “Missier, jekk trid, warrab minni dan il-​kies [jiġifieri, il-​mewta taʼ diżunur]. Madankollu, ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Li kieku Alla u Ġesù huma “ħaġa waħda fin-​natura,” bħalma tgħid id-​duttrina tat-​Trinità, kif jistaʼ jkun li r-​rieda taʼ Ġesù, jew ix-​xewqa tiegħu, tidher li hija differenti minn dik taʼ Missieru?—Ebrej 5:​7, 8; 9:24.

Iktar minn hekk, jekk Ġeħova u Ġesù huma l-​istess, kif jistaʼ jkun li wieħed minnhom kien konxju t’affarijiet li l-​ieħor ma kienx jafhom? Per eżempju, dwar iż-​żmien tal-​ġudizzju tad-​dinja Ġesù qal: “Imma dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli fis-​sema u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier.”—Marku 13:32.

It-​Trinità u l-​Knisja

It-​Trinità m’hijiex tagħlim taʼ Ġesù jew tal-​Kristjani tal-​bidu. Bħalma ssemma qabel, hija “tagħlim tal-​knisja.” Fil-​ħarġa taʼ l-​1999, li kienet tiddiskuti t-​Trinità, The Living Pulpit osservat: “Kultant, jidher li kulħadd jassumi li d-​duttrina tat-​trinità hija tagħlim teoloġiku bażiku Kristjan,” imma kompliet tgħid li din m’hijiex “idea biblika.”

In-​New Catholic Encyclopedia (1967) tiddiskuti t-​Trinità fid-​dettall u tammetti li meta tqis id-​domma Trinitarjana tirrealizza li hi konċett maħluq fi tmiem ir-​rabaʼ seklu. Tkompli tgħid li l-​idea li nħolqot taʼ ‘Alla wieħed fi tliet Persuni’ ma kinitx imsawra fis-​sod, u żgur li ma daħlitx għalkollox fil-​ħajja Kristjana u fil-​fidi tagħha, sa qabel it-​tmiem tar-​rabaʼ seklu.

Martin Werner, li hu professur taʼ l-​Università taʼ Bern, l-​Isvizzera, jgħid li fit-​Testment il-​Ġdid kulfejn tkun qed tiġi kunsidrata r-​relazzjoni li hemm bejn Ġesù u Alla, il-​Missier, kemm meta b’referenza għall-​apparenza taʼ Ġesù bħala bniedem u kemm għall-​fatt li kien il-​Messija, tinftiehem bħala referenza jew preżentazzjoni ċerta għall-​fatt li Ġesù huwa inqas minn Alla. Jidher ċar li dak li emmnu Ġesù u l-​Kristjani tal-​bidu kien differenti ferm mit-​tagħlim tat-​Trinità tal-​knejjes taʼ llum. Mela, dan it-​tagħlim minfejn ġie?

L-​Oriġini tat-​Trinità

Il-​Bibbja ssemmi ħafna allat irġiel u nisa li n-​nies kienu jqimu, u dawn kienu jinkludu lil Għastoret, Milkom, Kemos, u Molok. (1 Slaten 11:​1, 2, 5, 7) Anki ħafna mill-​ġens taʼ Iżrael kienu jemmnu li Bagħal kien l-​Alla veru. Għalhekk Elija, il-​profeta taʼ Ġeħova, ippreżenta sfida: “Jekk il-​Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.”—1 Slaten 18:21.

Il-qima taʼ l-​allat pagani li kienu jkunu fi gruppi taʼ tlieta, jew trijade, kienet komuni wkoll qabel ma twieled Ġesù. “L-​ideat tat-​trinità divina ġew mill-​Eġittu,” josserva l-​istorjografu Will Durant. Fl-​Encyclopædia of Religion and Ethics, James Hastings kiteb: “Fir-​reliġjon Indjana, per eżempju, niltaqgħu maʼ gruppi trinitarjani taʼ Brahmā, Siva, u Viṣṇu; u fir-​reliġjon Eġizzjana niltaqgħu mal-​grupp trinitarjan t’Osiris, Isis, u Ħorus.”

Mela hemm ħafna allat. Kienu l-​Kristjani tal-​bidu jirrikonoxxuh dan? U kienu huma jqisu lil Ġesù bħala Alla li Jistaʼ Kollox?

[Noti taʼ taħt]

a Ara, per eżempju, Salm 110:1. Kemm Ġesù u kemm Pietru kkwotaw dawn il-​versi.—Mattew 22:​42-45; Atti 2:​34-36.

b Ara l-​artiklu “Għandna Nużawh l-​Isem t’Alla?” f’paġna 31 taʼ din ir-​rivista.

c Il-​Kredu Atanasjan, maħluq ftit mijiet taʼ snin wara l-​mewt taʼ Ġesù, iddefinixxa t-​Trinità b’dan il-​mod: “Il-​Missier hu Alla: l-​Iben hu Alla: u l-​Ispirtu Qaddis hu Alla. U madankollu m’humiex tliet Allat: imma Alla wieħed.”

[Stampa f’paġna 7]

L-​EĠITTU

Trijade taʼ Ħorus, Osiris, u Isis, it-​tieni millennju Q.E.K.

[Stampa f’paġna 7]

PALMIRA, IS-​SIRJA

Trijade taʼ l-​alla qamar, il-​Mulej tas-​Smewwiet, u l-​alla xemx, ċ. l-​ewwel seklu E.K.

[Stampa f’paġna 7]

L-​INDJA

Trijun Indu ċ. is-​sebaʼ seklu E.K.

[Stampa f’paġna 7]

IN-​NORVEĠJA

Trinità (Il-Missier, l-​Iben, u l-​Ispirtu Qaddis), ċ. it-​13-il seklu E.K.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 7]

L-​ewwel żewġ ritratti: Musée du Louvre, Paris

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja