LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 7/8 pp. 23-25
  • Ġieli Doqt il-Frotta li Toqmos?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġieli Doqt il-Frotta li Toqmos?
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Frott minn Medda Art Imxarrba
  • Ikel, Mediċina, u Preservattiv f’Ħaġa Waħda
  • Għala Tissejjaħ il-​Frotta li Toqmos?
  • Il-blu jgħajjat tal-Pollia Berry
    Stenbaħ!—2017
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2002
  • Werrej
    Stenbaħ!—2017
  • ‘Agħmlu Ħafna Frott’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Stenbaħ!—2005
g05 7/8 pp. 23-25

Ġieli Doqt il-​Frotta li Toqmos?

Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-​Kanada

IL-​BIDWI jxerred il-​kubrit fl-​art, u b’dan il-​mod il-​ħamrija ssir iktar aċiduża. Fil-​ħarifa, hekk kif ir-​rabaʼ jkun lest għall-​ħsad, hu jgħarraq l-​għelieqi bl-​ilma. Wara l-​ħsad, hu jarmi l-​frott fl-​art apposta biex jara jekk joqmosx.

Dan il-​bidwi qed jiġġennen? Kuntrarju għal dan, għalkemm dak li qed jagħmel jidher li huwa taʼ ħsara, fil-​fatt dan jiżgurah li l-​prodott tiegħu hu taʼ l-​aqwa kwalità possibbli. Il-​prodott tiegħu hu l-​frott żgħir, aħmar, u qares li jissejjaħ cranberries. Tixtieq tkun taf iktar dwar dan il-​frott b’saħħtu?

Frott minn Medda Art Imxarrba

Għall-​bidu li l-​Ewropej waslu fil-​kosta tal-​grigal taʼ l-​Amerika taʼ Fuq, l-​abitanti tal-​post għamlu n-​negozju billi offrew il-​cranberries ħomor bit-​togħma qarsa imma friska. L-​Indjani Pequot, li kienu jgħixu fl-​inħawi issa magħrufin bħala Cape Cod, sejħu lill-​frotta i-bimi, jew “frotta qarsa.” Il-​Pellegrini sejħulha craneberry, possibbilment minħabba li z-​zokk u l-​fjura tal-​pjanta jixbhu l-​għonq u r-​ras tal-​grawwa (crane bl-​Ingliż). Barra minn hekk, il-​frotta kienet tingħoġob ħafna mill-​qtajjaʼ tal-​graw, u jistaʼ jkun li din hija raġuni għala ngħatat dan l-​isem. Hu x’inhu l-​każ, l-​isem ma damx ma tqassar għal cranberry.

L-Indjani kienu jiġbru l-​cranberries mill-​inħawi fejn kien ikun hemm il-​meded kollhom pît. Il-​ħaxix niedi u midbiel f’dawn l-​artijiet imxarrbin kien ġeneralment jirriżulta f’ħamrija aċiduża, u għal din ir-​raġuni ma tantx setgħu jikbru pjanti fiha. Il-​cranberries, però, jiffjorixxu f’dan it-​tip taʼ ħamrija. Dawn ix-​xitel twal, qishom tal-​frawli, jiffjorixxu min-​nofsinhar taʼ l-​Amerika fejn illum hemm il-​Virġinja sat-​tramuntana fejn hemm il-​Kanada.

Fl-1680, Mahlon Stacy, li kien mar jgħix New Jersey, iddeskriva din il-​frotta lil ħuh li kien jgħix l-​Ingilterra. Hu kiteb: “Il-​cranberries, li jixbhu ħafna liċ-​ċirasa fil-​kulur u l-​kobor, jibqgħu tajbin sa l-​istaġun tal-​frott li jkun imiss. Bihom jagħmlu zalza tassew tajba għal mal-​laħam taʼ l-​annimali tal-​kaċċa, tad-​dundjan u taʼ tajr kbir ieħor u mat-​torti huma itjeb mir-​rużberri jew iċ-​ċirasa. L-​Indjani jġibuhom id-​dar tagħna fi kwantitajiet kbar.”

Ikel, Mediċina, u Preservattiv f’Ħaġa Waħda

Dawk li oriġinaw mill-​Amerika kienu jużaw il-​cranberries biex jippreservaw l-​ikel. Huma kienu jagħmlu ikel li kien jissejjaħ pemmican, li kien jikkonsisti f’taħlita taʼ laħam jew ħut imqadded u mitħun mal-​cranberries. Mit-​taħlita kienu joħorġu forom tondi żgħar u jnixxfuhom fix-​xemx. Matul ix-​xhur twal tax-​xitwa, dawn kienu jipprovdu ikla bilanċjata bil-​proteini u l-​vitamini. Din il-​frotta tippreserva tajjeb minħabba li fiha ħafna pektin, sustanza li tixbah iz-​zokkor. Fiha wkoll ħafna vitamina Ċ. Għalhekk, fl-​imgħoddi l-​baħħara li kien jaqbadhom l-​iskorbut kienu jixtru btieti mimlijin bil-​cranberries ħalli jiħduhom magħhom fuq vjaġġi twal.

L-Indjani kienu wkoll jużaw il-​cranberry bħala mediċina, billi jħalltuha maʼ ftit dqiq tal-​qamħirrum u jpoġġuha fuq il-​feriti biex jevitaw li demmhom jiġi avvelenat. Studji mediċi li saru dan l-​aħħar jindikaw li min jixrob il-​meraq tal-​cranberry jistaʼ jipproteġi ruħu minn xi infezzjonijiet fis-​sistema taʼ l-​awrina billi jwaqqaf il-​batterji ħżiena milli jaqbdu mal-​ġnub tas-​sistema.

Għala Tissejjaħ il-​Frotta li Toqmos?

Jekk taqsam cranberry misjura min-​nofs, se tinnota li fiha erbaʼ boroż bl-​arja. Dawn il-​boroż huma utli b’żewġ modi għal dawk li jkabbru l-​cranberries biex ibigħuhom. L-​ewwelnett, minflok ma jieħdu battikata biex jiġbru l-​frott b’idejhom, il-​bdiewa jistgħu jgħarrqu l-​għelieqi bl-​ilma, ixenglu x-​xitel ’l hemm u ’l hawn bil-​magni—u b’dan il-​mod il-​frott misjur jinqalaʼ mix-​xitla—b’moħħhom mistrieħ li l-​boroż żgħar bl-​arja li għandu l-​frott se jġagħluh jitlaʼ f’wiċċ l-​ilma.a Huma jiġbru l-​frott mill-​wiċċ u jagħżluh.

It-tieni benefiċċju tal-​boroż bl-​arja skoprewh dawk li kienu jkabbru l-​cranberries lura fis-​seklu 19. Hemm leġġenda li tgħid li wieħed mill-​bdiewa bi żball waqqaʼ barmil mimli cranberries fit-​taraġ u baqaʼ mistagħġeb meta nnota li l-​aħjar frott qabeż minn tarġa għall-​oħra sa l-​aħħar tat-​taraġ, filwaqt li l-​frott artab jew imħassar baqaʼ mwaħħal mal-​wiċċ tat-​taraġ. Il-​boroż taʼ l-​arja fil-​frott taʼ l-​aħjar kwalità ppermettew li l-​cranberries joqomsu bħalma jagħmlu t-​tajers minfuħin. Imma l-​frott li ma kienx daqshekk tajjeb ma bediex joqmos, bħalma jiġri lil tajer imniżżel.

Peress li l-​cranberries joqomsu, fl-​1881 ħarġu l-​ewwel magni li jieħdu vantaġġ minn dan il-​fatt sabiex jisseparaw il-​frott. Illum, magni li jisseparaw il-​frott għadhom jużaw l-​istess metodu, billi jġagħlu l-​cranberries tajbin joqomsu ’l barra u jiġbruhom biex jinbiegħu bħala frott sħiħ. Dawk li jkunu rotob jaqgħu mill-​magna u jintużaw biex isir il-​meraq jew għall-​ġelatina.

F’meded imħejjijin apposta mifruxin fil-​grigal u l-​majjistral taʼ l-​Istati Uniti u fil-​Kanada, il-​bdiewa jipproduċu iktar minn 250 miljun kilogramma cranberries fis-​sena. Jekk qatt ma doqt din il-​frotta qarsa u friska, għala ma tipprovax idduqha? Dan il-​frott hu mimli bil-​vitamini u l-​minerali, u fih ħafna anti-ossidanti li jistgħu jipproteġuk mill-​mard tal-​qalb u l-​kanċer. Għandhom mnejn ukoll jagħmluk persuna iktar vivaċi.

[Noti taʼ taħt]

a Minħabba li l-​għelieqi tal-​cranberries jiġu mgħarrqin fi żmien il-​ħsad, inħolqot l-​idea żbaljata li dan il-​frott jikber taħt l-​ilma.

[Kaxxa f’paġna 25]

Tikber Biss fl-​Amerika taʼ Fuq?

Hija tradizzjoni li l-​cranberries jittieklu maʼ l-​ikla li titħejja għal Jum ir-​Ringrazzjament (Thanksgiving Day), li jiġi ċelebrat fir-​rabaʼ Ħamis taʼ Novembru fl-​Istati Uniti u fit-​tieni Tnejn t’Ottubru fil-​Kanada. Skond leġġenda, fl-​1621, l-​Indjani ħadu l-​cranberries magħhom meta attendew għall-​ewwel darba Jum ir-​Ringrazzjament, li ħa tlett ijiem taʼ ffesteġġjar u mistrieħ sponsorjati minn William Bradford, il-​gvernatur tal-​kolonja taʼ Plymouth. Ladarba hemm ħafna tradizzjonijiet dwar din il-​frotta, u l-​cranberries huma fost il-​ftit speċi taʼ l-​Amerika taʼ Fuq li jiġu mkabbra biex jinbiegħu, ħafna jaħsbu li din il-​frotta ġejja biss minn dan il-​kontinent.

Però, il-​frott żgħir tal-​cranberry (V. oxycoccus) ma jikbirx biss fl-​Amerika taʼ Fuq imma wkoll fl-​Asja u fit-​tramuntana u f’nofs l-​Ewropa. Bosta pajjiżi jużaw il-​cranberry fit-​tisjir mhux fl-​Amerika taʼ Fuq biss. L-​Encyclopædia Britannica tgħid: “Ħafna jaħsbu li z-​zalza u l-​ġelatina tal-​cranberry ġejjin biss mill-​Amerika, imma l-​Iskandinavi għandhom għal qalbhom ħafna l-​lingonberry (V. vitis-idaea) li tikber f’dawn il-​pajjiżi u li l-​frotta tagħha tixbah lill-​cranberry Amerikana [V. macrocarpon] però, din għandha togħma iktar qawwija.”

[Stampa f’paġna 23]

Il-​fjuri tal-​“cranberry”

[Sors]

Courtesy Charles Armstrong, Cranberry Professional, Univ. of Maine Cooperative Extension, USA

[Stampa f’paġna 24, 25]

Il-​ħsad tal-​“cranberries” f’medda art mgħarrqa

[Sors]

Keith Weller/ Agricultural Research Service, USDA

[Stampi f’paġna 25]

Il-​ħsad tal-​“cranberries” bojod

[Sors]

Inset photos: Courtesy of Ocean Spray Cranberries, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja