Ħarsa Lejn id-Dinja
Ħu Gost b’Dik it-Titwiba!
Tarbija fil-ġuf tibda tittewweb 11-il ġimgħa biss wara li titnissel, tispjega Salud, rivista Spanjola li toħroġ kull ġimgħa. Milli jidher il-biċċa l-kbira mill-mammiferi, kif ukoll ċerti għasafar u rettili, jagħmlu din l-azzjoni involontarja. Għalkemm għadhom ma skoprewx ir-raġuni eżatta għala nittewbu, xi riċerkaturi osservaw li azzjonijiet bħat-tmattir ġeneralment huma konnessi mat-titwib. Huma jinnotaw li dawn il-movimenti, “iżidu l-pressjoni tad-demm u t-taħbit tal-qalb, kif ukoll jirrilassaw il-muskoli u l-għekiesi.” Meta nżommu t-titwiba billi nwebbsu x-xedaq, inkunu qed nitilfu l-benefiċċji tagħha. B’hekk, it-tim taʼ riċerkaturi jissuġġerixxu li jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, għandna “nħallu x-xedaq u l-muskoli tal-wiċċ jaġixxu b’mod naturali” meta nittewbu. Ma tistax tgħid—titwiba tajba tistaʼ ġġagħlek tħossok aħjar!
Il-Cranberries Jiġġieldu l-Infezzjoni
‘Il-meraq tal-cranberries ilu magħruf għal żmien twil,’ tgħid The Times taʼ Londra. “Kellu reputazzjoni tajba kemm bħala mediċina u kemm bħala xarba fost dawk li twieldu l-Amerika [u] kien jintuża mill-baħrin Amerikani biex jevitaw li jimirdu bl-iskorbut.” Peress li fih ħafna vitamina Ċ u anti-ossidanti, ‘il-meraq tal-cranberries tajjeb ukoll għal kontra l-mikrobi, u dan jagħmlu effettiv speċjalment kontra l-infezzjonijiet fil-bużżieqa taʼ l-awrina.’ Imma dan mhux minħabba l-effett li għandu l-meraq fuq l-aċidu taʼ l-awrina, kif kienu jaħsbu qabel. Minflok, The Times tgħid li dan jiġi minn sustanzi fil-meraq li “ma jħallux il-batterji E. coli [il-kaġun taʼ ħafna mill-infezzjonijiet, inkluża ċ-ċistite] jeħlu mal-ħajt tal-bużżieqa taʼ l-awrina, u għalhekk il-batterji jintefgħu ’l barra qabel ma tiżviluppa infezzjoni.” Dawn ir-riċerkaturi skoprew ukoll li l-meraq tal-cranberries jistaʼ jnaqqas l-effetti tal-mard fil-ħanek.
Protezzjoni għall-Moħħ taʼ Dawk li Jagħtihom Attakk tal-Qalb
Rapport fil-gazzetta Toronto Star tal-Kanada jgħid li skond żewġ studji sinifikanti, meta titniżżel it-temperatura tal-ġisem bi ftit gradi biss taʼ dawk il-pazjenti li jagħtihom attakk f’qalbhom, dan inaqqas b’mod sinifikanti r-riskju li jmutu u li ssirilhom ħsara fil-moħħ. Fi studju minnhom li jinvolvi ħames pajjiżi Ewropej u ieħor li jinvolvi l-Awstralja nstab li meta t-temperatura tal-ġisem titbaxxa ftit, dan jirriżulta f’li l-pazjenti jiġu f’sensihom u jirkupraw l-użu tan-nervituri iktar malajr. Dawk li tahom attakk f’qalbhom u li kienu f’koma meta waslu l-isptar tniżżlitilhom it-temperatura taʼ ġisimhom għal 33 grad Celsius għal madwar 12 sa 24 siegħa, bl-użu t’arja kiesħa u pakketti bis-silġ. Skond il-kardjologa Beth Abramson, din it-terapija sempliċi u li ma tiswiex flus tnaqqas “il-bżonn għall-ossiġnu fil-moħħ waqt li trażżan il-proċess kimiku li joqtol iċ-ċelluli tal-moħħ,” qalet it-Toronto Star. “It-teknika li tniżżel it-temperatura tidher li tant taħdem tajjeb li t-tobba fil-Kanada, fl-Istati Uniti, fl-Awstralja u fl-Ewropa qed jirrikkmandaw li din il-proċedura tiġi użata bħala rutina fil-kura tal-pazjenti kollha li jittieħdu l-isptar b’attakk tal-qalb.”
Suldati Tfal Projbiti
“Trattat biex jipprojbixxi li jiġu użati t-tfal bħala suldati jibda jseħħ illum, u dan hu l-frott taʼ għaxar snin taʼ sforzi internazzjonali taʼ battalja kontra waħda mill-akbar affarijiet li jikkaġunaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja,” qalet stqarrija tal-Ġnus Magħquda bid-data tat-12 taʼ Frar, 2002. L-Optional Protocol (Il-Protokoll Mhux Obbligatorju), iffirmat minn 96 pajjiż, “jistabbilixxi li ebda persuna taħt it-18-il sena m’għandha tkun suġġetta għall-ingaġġâr bilfors fil-forzi armati regulari, u jimponi obbligu fuq l-Istati biex jgħollu l-età minima għall-ingaġġâr volontarju għal minn taʼ l-inqas 16-il sena.” Huwa stmat li “nofs miljun tifel u tifla bħalissa qed jaqdu fil-forzi armati tal-gvern, paramilitari, u gruppi armati f’85 pajjiż madwar id-dinja; iktar minn 300,000 minnhom qed jipparteċipaw b’mod attiv fil-ġlied f’iktar minn 35 pajjiż.” Skond il-UN News Service Web page, ħafna minn dawn it-tfal ittieħdu kontra l-volontà tagħhom u “jiġu msawtin jew maqtulin jekk jipprovaw jaħarbu. Il-bniet speċjalment huma iktar esposti għall-periklu, għaliex spiss jiġu sfruttati sesswalment.”
Id-Dagħa fuq il-Post tax-Xogħol
Il-kliem ħażin sar xi ħaġa komuni f’ħafna postijiet tax-xogħol, tirrapporta The Gazette taʼ Montreal, il-Kanada. Xi esperti jsostnu li d-dagħa jżid l-istress fuq il-post tax-xogħol. Karen Harlos, professoressa taʼ l-imġiba organizzazzjonali fl-Università taʼ McGill, tinnota: “Jekk il-kliem ħażin huwa parti minn kritika negattiva, dan jistaʼ jkollu effett ħażin fuq il-produttività taʼ l-impjegati, fuq l-istima tagħhom infushom u fuq saħħithom.” Skond il-gazzetta, fuq il-post tax-xogħol “l-imgħallem spiss jagħti l-eżempju,” u l-oħrajn jimitawh. Jekk iddejjaqt bid-dagħa fuq il-post tax-xogħol, The Gazette tissuġġerixxi li l-ewwel għandek tavviċina “lill-persuna li taħseb li qed tabbuża bil-kliem u mbagħad itlobha bl-edukazzjoni kollha biex ma toqgħodx iżżewwaq il-kliem meta jkun hemm int.”
Ix-Xogħol tad-Dar Huwa Eżerċizzju Tajjeb
Jistaʼ jkun li meta tuża l-vacuum cleaner, tnaddaf il-ħġieġ, u timbotta l-pushchair tkun qed tagħmel xi eżerċizzju tajjeb għas-saħħa? It-tweġiba hija iva, skond studju reċenti li sar mill-Università taʼ Queensland, l-Awstralja. Dawk li għamlu r-riċerka fuq sebaʼ ommijiet li kellhom it-tfal taħt il-ħames snin libbsuhom apparat tal-gas li jkejjel kemm jużaw ossiġnu matul ir-rutina tagħhom tal-ġurnata, jispjega rapport f’The Canberra Times. Skond dawn ir-riċerkaturi, “dak li nstab jissuġġerixxi li xi wħud mix-xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dar isiru b’mod li tant hu intens li hu biżżejjed biex iservi taʼ benefiċċju għas-saħħa.” Il-professoressa Wendy Brown skopriet li “l-faċendi li jagħmlu n-nisa kienu bejn wieħed u ieħor qawwijin daqs eżerċizzju moderat bħall-mixi mgħaġġel, il-ġiri bir-rota jew l-għawm,” jinnota r-rapport. “Dan huwa biss il-bidu tar-riċerka,” qalet Brown, “imma jidher ċar li ma tistax taqbad u tgħid li n-nisa huma inattivi meta dawn ikunu ilhom ġurnata sħiħa fuq saqajhom.”
Tinqasam il-Pjattaforma tas-Silġ fl-Antartika
Matul il-perijodu taʼ 35 ġurnata li beda lejn l-aħħar taʼ Jannar, 2002, medda taʼ 3,250 metru kwadru taʼ l-ice shelf Larsen B fuq in-naħa tal-lvant tal-Peniżola Antartika, inqasmet f’eluf taʼ muntanji tas-silġ jifflowtjaw fil-baħar, jirrapporta n-National Snow and Ice Data Center taʼ l-Università taʼ Kolorado. Il-biċċa l-kbira taʼ l-Antartika hija mdawra b’silġ magħqud f’wiċċ l-ilma li ġej mill-glaċieri, iżda dawk taʼ fuq il-peniżola bdew jonqsu minħabba s-sħana fil-klima li ilha tiżdied sa mill-aħħar tas-snin 40. Peress li l-ice shelf qed tifflowtja, is-silġ li jaqaʼ mhux se jgħolli ħafna l-livell tal-baħar. Madankollu, il-“pjattaformi tas-silġ jaġixxu bħala ħajt, jew ilqugħ, għall-glaċieri,” jistqarr ir-rapport. “Ladarba l-pjattaformi tas-silġ jitneħħew, il-glaċieri . . . għandhom mnejn jitfgħu iktar silġ għal ġo l-oċean milli jinġabru bħala borra.” Ir-raġunijiet għala l-atmosfera qed tisħon għadhom m’humiex ċari, u l-informazzjoni tistaʼ tħawdek. Lil hinn mill-peniżola, “il-bqija taʼ l-Antartika ma turi ebda sinjali li s-sħana qed tinfirex maʼ kullimkien,” tinnota The New York Times. Fil-fatt, riċerka tindika li l-kontinent in ġenerali għandu mnejn kesaħ iktar matul dawn l-aħħar 35 sena.
Għall-Amorini, il-Kuluri Jgħajtu Huma Sbieħ
L-amorini jew il-pappagalli żgħar taʼ denbhom twil, kif jagħżlu s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom? It-tweġiba għandha mnejn tinsab f’kemm ikun ileqq ir-rix taʼ l-għasafar. Ir-rix taʼ l-amorini fih kimika li tixrob id-dawl ultravjola u titfgħu lura iktar ’il bogħod, u b’hekk tikkaġuna li r-rix jiddi f’kulur fluworexxenti isfar fl-aħmar. Dr. Justin Marshall mill-Università taʼ Queensland, l-Awstralja, flimkien mal-kollegi tiegħu, applika l-krema protettiva fuq ir-rix tal-amorini salvaġġi biex jimmattja dan l-effett fluworexxenti tagħhom. “L-għasafar bir-rix immattjat kienu inqas sbieħ f’għajnejn il-membri tas-sess oppost,” tirrapporta The Sydney Morning Herald. Marshall jgħid li iktar ma jkun ileqq wisq probabbli jfisser li hu għasfur taʼ kwalità tajba. Għalkemm il-ġisem taʼ ċerti ħlejjaq oħra jistaʼ jkollu kimiċi fluworexxenti, Marshall innota li din hi l-‘ewwel darba li deher l-użu tal-fluworexxenza fid-dinja taʼ l-annimali,’ tistqarr il-Herald.
L-Iljuni fil-Periklu
“L-iljuni dalwaqt ma jibqgħux jeżistu f’ħafna partijiet taʼ l-Afrika,” tirrapporta r-rivista New Scientist. Irid ikun hemm popolazzjoni taʼ bejn 500 u 1,000 iljun biex jipprovdu madwar 100 koppja li jitgħammru—biżżejjed biex jevitaw li jitgħammru maʼ taʼ l-istess familja. Skond l-Għaqda għall-Konservazzjoni tad-Dinja, il-popolazzjonijiet taʼ l-iljuni fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali huma bil-wisq inqas minn dawn in-numri. “Din hija sitwazzjoni serja,” jgħid Hans Bauer taʼ l-Università taʼ Leiden fl-Olanda. “M’hemmx popolazzjoni waħda li nistgħu nkunu ċerti li se tkompli teżisti.” Ir-raġuni prinċipali għal dan in-nuqqas hi minħabba li l-bniedem sfrutta l-abitat taʼ l-annimali. L-iljuni għandhom bżonn taʼ spazji kbar fejn jikkaċċjaw—sa 200 kilometru kwadru għal iljun wieħed biss. “L-iljun huwa speċi li l-oħrajn jiddependu minnu,” iwissi Bauer. “Dan hu sinjal—il-fatt li issa l-iljuni huma mhedda jfisser li speċi oħra jistgħu jiġu mhedda fi żmien 20 sa 30 sena.”