It-Titwiba Taʼ L-Annimali Salvaġġi
Meta xi ħadd jittewweb fil-pubbliku, taʼ madwaru forsi jaħsbu li mhux qiegħed juri manjieri—jew għall-inqas li hu mdejjaq għall-aħħar. Minkejja r-regoli taʼ l-etikett, it-titwib attwalment iwettaq skop utli ġmielu. Titwiba hija mod involontarju taʼ kif tieħu nifs fil-fond. Normalment aħna nittewbu fil-għaxija meta nkunu għajjenin mill-attivitajiet tal-ġurnata jew fil-għodu wara li nqumu. Titwiba fil-fond isservi biex iżżidilna l-provista taʼ l-ossiġnu u għal mument tistaʼ tirrifreskana; sikwit tkun parti mill-proċess taʼ meta nqumu mill-irqad.
Imma kont taf li l-annimali jittewbu wkoll, għalkemm mhux dejjem għal ventilazzjoni aħjar? Ir-raġuni li jagħmlu hekk tkun spiss affaxxinanti għall-aħħar. Ix-xadini, per eżempju, xi kultant jittewbu sabiex jikkomunikaw xi messaġġ. Il-ħalq miftuħ beraħ u l-wirja feroċi tas-snien huwa mod kif jintwera sinjal taʼ twissija lil xi xadin rival jew predatur prospettiv. Il-messaġġ: ‘Għandi gidma tal-biżaʼ. Tersaqlix ’l hawn!’
Ġie osservat ukoll li qtates predaturi tal-pjanuri Afrikani spiss jitmattru u jittewbu qabel ma jmorru għall-kaċċa. It-titwiba tal-qtates, bħal dik tal-bnedmin, isservi funzjoni fiżjoloġika—dik li tieħu iktar arja ġol-pulmun. Dan iżid l-ossiġnu fid-demm. Il-qalb imbagħad iġġorru b’ħeffa kbira għall-partijiet l-oħra tal-ġisem, u b’hekk tipprovdi enerġija immedjata għal xi ġirja qasira b’ħeffa kbira wara xi vittma.
Iva, il-ħut ukoll ġie osservat jittewweb! Il-ktieb Inside the Animal World jitkellem dwar ħut li kultant “jittewweb bħala preludju għal xi moviment bil-ħeffa. . . . Ħuta tistaʼ tittewweb ukoll meta tkun eċċitata jew meta tara xi għadu jew tara l-ikel, kollha okkażjonijiet li jirrikjedu azzjoni rapida.”
Probabbli li l-iktar titwiba impressjonanti minnhom kollha hi dik taʼ l-ippopotamu, jew Beħemot. Din il-ħliqa kbira u goffa tistaʼ b’mod inkredibbli tiftaħ il-kaverna daqsiex taʼ ħalqha 150 grad beraħ! It-titwiba tforni lill-ippopotamu xiħ b’mezz li juri min hu l-imgħallem lil kulmin jinzerta fl-għadira taʼ l-ippopotami. Isservi wkoll bħala twissija bi kxif taʼ snien lil kulmin jissogra jiddeffes ġot-territorju tiegħu fix-xmara.
Mela waqt li titwiba ma timpressjonax daqs għajta taʼ ljun—kemm jekk titwiba tan-nagħas, titwiba taʼ theddid, jew sempliċement titwiba li tagħti l-enerġija—din isservi skop tajjeb. Hija sempliċement eżempju ieħor tal-kreattività taʼ l-għaġeb tad-Disinjatur tar-renju taʼ l-annimali!