Ara l-Ippopotamu b’Saħħtu!
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-KENJA
L-GĦADIRA kbira fir-riserva taʼ Masai Mara tant mifruxa fil-Kenja qiegħda tleqq fil-ħemda tal-ħmura tax-xemx taʼ fil-għaxija. Hekk kif ix-xemx tinżel fl-orizzont, l-ilma jirrifletti tlellix lewn kannella dehbi. Ftit piedi ’l bogħod, qtajjaʼ taʼ żebri u wildebeests (gnu) jersqu lejn l-għadira bil-kalma. F’daqqa waħda, kollhom biżaʼ, l-annimali jieqfu, għajnejhom huma ffokati bla ma jiċċaqalqu fuq oġġett qisu blata kbira li qiegħed f’wiċċ l-ilma fil-ġenb taʼ l-għadira. Wara li bi frattarija jċaqlaq l-ilma bil-qawwi, “il-blata kbira” tegħreq u ma tidhirx iktar. Iż-żebri u l-wildebeests għadhom kemm raw annimal akkwatiku feroċi—l-ippopotamu.
L-ippopotamu jinstab f’għadajjar kbar, xmajjar, u f’lagi fil-lvant taʼ l-Afrika, u l-iljunfant biss jgħaddih fid-daqs. Meta jkun laħaq id-daqs kollu tiegħu, l-ippopotamu jistaʼ jilħaq tul taʼ 4.5 metri u l-għoli sa l-ispalla sa metru u nofs. Il-piż tiegħu jistaʼ jkun taʼ madwar erbaʼ tunnellati. Il-kelma “Beħemot” imsemmija f’ċerti traduzzjonijiet tal-Bibbja fil-ktieb taʼ Ġob ġeneralment hija meqjusa li tirreferi għall-ippopotamu. Mela m’għandniex għalfejn nistagħġbu li l-Bibbja tiddeskrivi lil din il-bhima enormi bħala li għandha għadam qisu “kanen tal-bronż,” u tqabbilhom maʼ “vireg tal-ħadid.”—Ġob 40:15-18.
B’ġilda ħoxna, bla xagħar, u bid-dehra goffa tiegħu, l-ippopotamu bil-forma taʼ kartell li għandu ma tantx imur tajjeb kieku kellu jmur f’xi konkors tas-sbuħija. Saqajn l-ippopotamu huma qosra, u jġagħlu lil dak li jkun jitħasseb kif jifilħu ġisem ġgantesk bħal dak. Imma qatt m’għandek iċċekken is-saħħa taʼ dawk is-saqajn qosra u mibrumin. Fuq l-art, l-ippopotamu jistaʼ jiġri iktar mill-bniedem. Fl-ilma, huwa magħruf li jgħaddi dgħajsa żgħira bil-moqdief jew anki xi dgħajsa żgħira bil-mutur.
Il-Ħajja fl-Ilma
L-ippopotami huma annimali soċjevoli, u normalment jgħixu fi gruppi taʼ xi 10 sa 15-il wieħed u jkunu mmexxijin minn ippopotamu raġel dominanti, għalkemm ġieli ntlemħu gruppi akbar taʼ madwar 150 ippopotamu. Huma kapaċi jgħixu kemm fuq l-art kif ukoll fl-ilma, u joħorġu mill-ilma biex jieklu l-ħaxix folt li jikber max-xatt. Dan jagħmluh l-iktar matul il-lejl. Ġeneralment, huma jevitaw li jitbiegħdu ħafna mill-ilma. Fl-istaġun tan-nixfa, madankollu, huwa magħruf li xi ippopotami mxew sa 10 kilometri biex ifittxu l-ikel.
Ħadd ma jaf eżatt kif l-ippopotami jimmarkaw it-territorji tagħhom. Drawwa li taħsdek milli għandhom hija li jferrxu d-demel tagħhom stess b’denbhom u huwa maħsub li dan hu mod kif jimpressjonaw lill-ippopotami nisa jew biex ibeżżgħu lil xi rival. Meta jiġu attakkati, huma jibdew jiżhru qishom żiemel, u meta jiġġieldu jibdew jgħollu leħinhom u jgħajtu. Tistaʼ saħansitra tismagħhom jieħdu n-nifs anki meta jkunu taħt l-ilma. L-ippopotamu raġel dominanti juri min hu bl-għajat tiegħu taʼ MUH-Muh-muh.
L-ippopotamu jqattaʼ l-ġurnata kollha mgħaddas kollu jew parti minnu fl-ilma, u l-ġisem kbir tiegħu huwa addattat ħafna għal dan. Għalkemm forsi m’huwiex xi għawwiem prim, bħal annimali oħra li kapaċi jgħixu kemm fuq l-art kif ukoll fl-ilma, l-ippopotamu jistaʼ jibqaʼ taħt l-ilma għal 15-il minuta! Imnifsejh, għajnejh, u widnejh qegħdin kollha f’livell wieħed, u dan jagħmilha possibbli għalih biex jaħbi l-kumplament taʼ ġismu taħt l-ilma. Huwa hawnhekk, taħt l-ilma, li jsiru diversi attivitajiet taʼ l-ippopotamu—fosthom in-namrar u t-tgħammir.
Wara tqala taʼ madwar tmien xhur, jitwieled għoġol wieħed f’ilma baxx. L-ommijiet ireddgħu liż-żgħar kemm fuq l-art kif ukoll fl-ilma. Minkejja s-saħħa li għandu, l-ippopotamu jieħu r-responsabbiltà taʼ ġenitur bis-serjetà, billi jieħu ħsieb l-ippopotamu ċkejken b’mod tassew delikat. Fil-fatt, li tara xi omm iżżomm f’wiċċ l-ilma bl-ippopotamu żgħir tagħha fuq darha, hija verament xi ħaġa li titpaxxa taraha. Ovvjament, l-omm bid-dehra paċifika tagħha taqbad ġlieda maʼ kulmin jażżarda jipprova jiħdilha liż-żgħir tagħha minn fuq daharha!
Il-ġilda taʼ l-ippopotamu hija addattata ħafna għall-ħajja fl-ilma. Malli l-annimal joħroġ għal fuq l-art, il-ġilda tagħmel bidliet kbar. Xi glandoli li jinsabu taħt il-ġilda jibdew inixxu xorta taʼ likwidu, jew għelk kannella fl-aħmar, li għandu ħafna melħ. Meta tarah mill-bogħod, dan il-kulur jagħti l-impressjoni li l-annimal ikun għoroq għaraq tad-demm. Madankollu, dan il-likwidu, jipproteġi l-ġilda kemm fl-ilma kif ukoll fuq l-art niexfa. Fil-komunitajiet taʼ l-Afrika tal-qedem, il-ġilda taʼ l-ippopotamu kienet tinqataʼ fi strixxi u titpoġġa fiż-żejt. Imbagħad, l-istrixxi kienu jintlewew u jitnixxfu biex bihom jintgħamlu frosti li jkexkxu sabiex jintużaw fi ġlied territorjali.a Il-Grzimek’s Animal Life Encyclopedia tgħid li wara l-ikkonzar—proċess li jistaʼ jieħu xi sitt snin—il-ġilda taʼ l-ippopotamu “tkun iebsa daqs il-ġebel u madwar erbaʼ ċentimetri u nofs [pulzier u tliet kwarti] ħoxna.”
It-Titwiba li Timpressjona imma li Tbeżżaʼ
Il-ħalq żgur li huwa l-iktar fattur li jimpressjonak mill-ippopotamu. Meta jkun fuq l-art, l-annimal juża x-xofftejn wesgħin nofs metru li għandu biex jirgħa qrib l-ilma. Imma l-ħalq m’huwiex għodda għall-ikel biss. Meta l-ippopotamu jiftaħ ħalqu 150 grad, m’hijiex sempliċement titwiba imma wirja taʼ rabja taʼ twissija. Biex jiddefendu t-territorju li dejjem jiċkien, jinqalaʼ ħafna ġlied serju bejn l-avversarji. Il-ħalq miftuħ juri nejbiet enormi fin-naħa t’isfel. Dawn l-armi taʼ difiża jistgħu jikbru sa 30 ċentimetru ’l fuq mill-ħanek.
Ħalq l-ippopotamu m’huwiex biss perikoluż għal ippopotami oħrajn imma wkoll għall-bnedmin. Kull sforz li sar biex il-bniedem jgħix fil-paċi maʼ l-ippopotamu sfaxxa fix-xejn. L-annimal jagħmel attakk mingħajr ma jkun provokat fuq dawk li jersqu viċin wisq tat-territorju tiegħu. Iktar minn hekk, jekk l-ippopotamu jkun ferut, jagħdab iktar malajr u b’hekk ikun iktar kapaċi jagħmel ħsara fuq min jażżarda jersaq qrib tiegħu. Anki dgħajjes spiċċaw inqalbu taʼ taħt fuq bix-xedaq enormi taʼ l-ippopotamu rrabjat.
Fuq l-art l-ippopotamu huwa vjolenti daqskemm huwa fl-ilma. Per eżempju, huwa estremament perikoluż li toqgħod bejn ippopotamu li jkun qed jirgħa u l-ilma. Fil-fatt, f’xi partijiet taʼ l-Afrika, xi raħħala li ma qagħdux attenti spiċċaw attakkati minn ippopotami li sabu l-passaġġ tagħhom lejn l-ilma imblukkat min-nies. Dan l-annimal inissel biżaʼ kemm fil-bniedem kif ukoll fil-bhejjem u jrid jiġi trattat b’kemm jistaʼ jkun attenzjoni u rispett.
L-Ippopotamu Se Jibqaʼ Jgħix?
Meta jkun qed jirgħa fuq l-art, ippopotamu waħdu jkollu r-riskju li jiġi attakkat mill-iljuni. Minkejja dan, l-iktar għadu li jhedded lill-ippopotamu jidher li huwa l-bniedem. “In-nies naqqsu bil-kbir kemm l-għadd taʼ l-ippopotami kif ukoll id-daqs tal-post fejn joqogħdu,” tgħid il-World Book Encyclopedia. “Il-kaċċaturi qatlu ammonti kbar minnhom, u l-ħafna postijiet fejn darba l-ippopotami kienu jagħmlu d-dar tagħhom, il-bdiewa bidluhom f’art għar-rabaʼ.”
Iva, l-indħil bil-mod il-mod tal-bniedem fl-ambjent naturali taʼ l-ippopotamu ġiegħel lil dan l-annimal joqgħod f’inqas spazju, u b’hekk fixkel il-libertà tiegħu u l-mod taʼ kif inissel. B’ferħ, taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla, il-Ħallieq iwiegħed li jerġaʼ jġib bilanċ kif suppost bejn il-bniedem u l-bhima, sabiex ħadd ma jagħmel “aktar deni u anqas ħsara” fil-Ġenna taʼ l-art restawrata.—Isaija 11:9.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem taʼ l-ippopotamu bis-Swaħili—kiboko—jfisser “frosta.”
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 25]
Elizabeth DeLaney/Index Stock Photography