Il-Ħolqien taʼ l-Annimali Jigglorifika lil Ġeħova
IL-KOBOR taʼ Ġeħova jidher fir-renju taʼ l-annimali. Alla jieħu ħsieb sew taʼ l-annimali, bħalma jieħu ħsieb ukoll taʼ l-umanità. (Salm 145:16) Xi żball ikun li nikkritikaw lil Dak li ħalaq lilna u lill-annimali! Għalkemm ir-raġel Ġob kien rett, hu ddikjara “li għandu raġun fil-kawża tiegħu maʼ Alla.” Għalhekk, Ġob kellu ħafna x’jitgħallem!—Ġob 32:2; 33:8-12; 34:5.
L-eżempji mill-ħolqien taʼ l-annimali wrew lil Ġob li l-bnedmin m’humiex f’pożizzjoni li jpoġġu dubju fuq il-mogħdijiet t’Alla. Dan se joħroġ ċar hekk kif nikkunsidraw il-kliem taʼ Ġeħova lill-qaddej tiegħu Ġob.
M’Għandhomx Bżonn l-Għajnuna tal-Bnedmin
Ġob ma setax iwieġeb il-mistoqsijiet t’Alla dwar il-ħajja taʼ l-annimali. (Ġob 38:39-41) Ovvjament, huwa mingħajr l-għajnuna tal-bniedem li Ġeħova jipprovdi għall-iljun u għaċ-ċawlun. Għalkemm iċ-ċawlun itir u jdur biex ifittex l-ikel, hu fil-fatt jikseb l-ikel tiegħu mingħand Alla.—Luqa 12:24.
Ġob ma setax isib risposta meta Alla staqsieh dwar l-annimali salvaġġi. (Ġob 39:1-8) Ebda bniedem ma jistaʼ jipproteġi lill-mogħoż tal-muntanji, jew iċ-ċriev nisa. Fil-fatt huwa diffiċli saħansitra li tersaq lejn il-mogħoż tal-muntanji! (Salm 104:18) Huwa bl-istint mogħti minn Alla li ċ-ċerva tmur tinħeba fil-foresta meta tkun se tiled. Hi tieħu ħsieb sew liż-żgħar tagħha, imma meta “jissaħħu,” huma “jitilqu u ma jerġgħux lura.” Imbagħad ifendu għal rashom.
Iż-żebra tiġri fejn trid, u d-deżert huwa d-dar tal-ħmar salvaġġ. Ġob ma setax juża l-ħmar salvaġġ biex iġorrlu t-tagħbija. “Ifittex kull roqgħa taʼ ħdura,” jgħarrex fl-għoljiet għall-mergħa. Dan l-annimal ma jibdel il-libertà tiegħu maʼ xejn, lanqas maʼ ikel li jistaʼ jiksbu b’mod iktar faċli mill-bliet. “Ma jridx jismaʼ ordnijiet tas-sewwieq,” għax il-ħmar salvaġġ jaħrab ’il bogħod meta xi ħadd jinvadi t-territorju tiegħu.
Alla mbagħad isemmi l-gendus salvaġġ. (Ġob 39:9-12) Dwaru, Austen Layard, arkeologu Ingliż, kiteb: “Il-gendus salvaġġ, minn kif jidher spiss fix-xogħol taʼ skultura, jidher li kien jitqies bħala annimal tal-biżaʼ u li jiġi kkaċċjat daqs l-iljun. Is-slaten jidhru spiss jiġġieldu miegħu, u l-gwerriera jiġru warajh kemm fuq iż-żiemel u kemm fuq saqajhom.” (Nineveh and Its Remains, 1849, it-tieni volum, paġna 326) Madankollu, ebda raġel għaqli ma jipprova jrażżan lill-gendus salvaġġ li ħadd ma jistaʼ jikkontrollah.—Salm 22:22 (Salm 22:21, NW).
Il-Ħlejjaq bil-Ġwienaħ Jigglorifikaw lil Ġeħova
Alla mbagħad staqsa lil Ġob dwar il-ħlejjaq bil-ġwienaħ. (Ġob 39:13-18) Iċ-ċikonja ttir fl-għoli bil-ġwienaħ b’saħħithom tagħha. (Ġeremija 8:7) Avolja tferfer ġwinħajha, in-nagħma ma tistax ittir. Kuntrarju għaċ-ċikonja, in-nagħma ma tpoġġix il-bajd tagħha f’bejta fis-siġar. (Salm 104:17) Hi tħaffer ħofra fir-ramel u tbid il-bajd hemmhekk. Imma dan l-għasfur ma jabbandunax il-bajd tiegħu. Il-bajd, li jkun mgħotti bir-ramel, jinżamm f’temperatura tajba filwaqt li kemm ir-raġel u kemm il-mara jieħdu ħsiebu.
In-nagħma tistaʼ tidher li hija ‘mċaħħda mill-għerf’ meta donnha taħrab x’ħin tara l-periklu. Madankollu, il-ktieb An Encyclopedia of Bible Animals jgħid: “Din hija teknika biex taljena: [in-nagħma] tiġbed l-attenzjoni lejha billi tħabbat ġwinħajha biex tattira l-attenzjoni taʼ dak l-annimal jew il-persuna li jkun taʼ periklu, u b’hekk tiħodhom ’il bogħod mill-bajd.”
X’jiġifieri li n-nagħma “tisfida liż-żiemel u r-rikkieb”? The World Book Encyclopedia tgħid: “In-nagħma ma tistax ittir, imma hija magħrufa għall-ħeffa tagħha fuq l-art. Is-saqajn twal li għandha jistgħu jagħmlu passi taʼ 4.6 metri b’ħeffa taʼ 64 kilometru fis-siegħa.”
Alla Jagħti s-Saħħa liż-Żiemel
Alla mbagħad staqsa lil Ġob dwar iż-żiemel. (Ġob 39:19-25) Fiż-żminijiet tal-qedem, il-gwerriera kienu jiġġieldu fuq dahar iż-żiemel, u ż-żwiemel kienu jiġbdu karrijiet li fihom kien ikun hemm sewwieq wieħed u suldat jew tnejn. Bla sabar għall-battalja, żiemel tal-gwerra jiżher u jħabbat b’nagħlu maʼ l-art. Ma jkunx beżgħan u ma jdurx lura meta jara x-xabla. Hekk kif jismaʼ t-tromba, iż-żiemel tal-gwerra “jiżher waħda” bħallikieku għajta tal-gwerra. Hu jiġri ’l quddiem, “it-triq jiblagħha.” Madankollu, iż-żiemel tal-gwerra jobdi minn sidu.
F’deskrizzjoni taʼ xebh, l-arkeologu Layard kiteb: “Għalkemm id-debba Għarbija hija ġwejda bħan-nagħaġ, bla ma teħtieġ ebda gwida ħlief tal-kappestru, meta tismaʼ l-għajta tal-gwerra tal-grupp, u tara l-lanza taʼ sidha tixxejjer, għajnejha jimtlew bi xrara tan-nar, imnifsejha lewn aħmar bħad-demm jinfetħu beraħ, għonqha twaqqfu b’manjiera nobbli, u tgħolli denbha u xagħarha u titlaqhom għar-riħ.”—Discoveries Among the Ruins of Nineveh and Babylon, 1853, paġna 330.
Ikkunsidra s-Seqer u l-Ajkla
Ġeħova ġibed l-attenzjoni taʼ Ġob lejn ċerti għasafar oħra. (Ġob 39:26-30) Is-seqer ‘jittajjar u jifrex ġwinħajh lejn in-nofsinhar.’ Meta sejjaħ il-Bies, li hu tip taʼ seqer, bħala l-għasfur bl-akbar veloċità, The Guinness Book of Records qal li dan “jilħaq rekord taʼ veloċità meta jinżel b’ħeffa kbira minn ħafna għoli waqt wirjiet territorjali, jew meta jaqbad xi priża fl-arja.” Dan l-għasfur laħaq ħeffa taʼ 349 kilometru fis-siegħa f’angolu taʼ nżul taʼ 45 grad!
L-ajkli ġieli jtiru b’veloċità taʼ iktar minn 130 kilometru fis-siegħa. Ġob qabbel il-ħeffa li biha tgħaddi l-ħajja mal-ħeffa li biha ajkla tfittex għall-priża tagħha. (Ġob 9:25, 26) Alla jagħtina s-saħħa biex nibqgħu għaddejjin, bħallikieku qegħdin fuq il-ġwienaħ t’ajkla li donnhom ma jegħjew qatt. (Isaija 40:31) Meta tkun qed ittir, l-ajkla tieħu vantaġġ mill-kolonni t’arja sħuna li tkun tielgħa ’l fuq imsejħin termali. It-tajra ddur ġot-termali li jtellgħuha iktar u iktar ’il fuq. Meta l-ajkla tilħaq ċertu għoli, din tgħaddi ħelu ħelu għat-termali li jkun imiss u tibqaʼ fl-arja għal sigħat sħaħ billi tuża biss l-iċken ammont t’enerġija.
L-ajkla “tagħmel hemm fuqnett il-bejta tagħha” f’għoli li ma jistax jintlaħaq, u b’hekk il-frieħ tagħha ma jkunux fil-periklu. Ġeħova fassal l-ajkla biex tagħmel dan bl-istint. U b’vista mogħtija minn Alla, ‘jaraw mill-bogħod għajnejha.’ L-abbiltà li għandha l-ajkla biex b’ħeffa kbira tibdel l-iffokar t’għajnejha tgħinha biex iżżomm il-priża tagħha jew l-iġsma taʼ l-annimali sew quddiem għajnejha waqt li tkun nieżla b’ħeffa mill-għoli. Ajkla tistaʼ tiekol l-iġsma taʼ l-annimali mejtin ħalli “fejn ikunu l-maqtulin, hemm tkun hi.” Din it-tajra taqbad annimali żgħar u tiħodhom liż-żgħar tagħha.
Ġeħova Jwiddeb lil Ġob
Qabel ma staqsa iktar mistoqsijiet dwar l-annimali, Alla widdeb lil Ġob. Ġob kif irreaġixxa? Hu umilja ruħu u minn qalbu rċieva iktar pariri.—Ġob 40:1-14.
Safejn wasalna issa fir-rakkont ispirat taʼ Ġob, nitgħallmu tagħlima importanti ħafna. It-tagħlima hija: Ebda bniedem m’huwa ġustifikat li jgerger dwar Dak li jistaʼ kollox. Aħna għandna nitkellmu u naġixxu b’modi li jogħġbu lil Missierna tas-sema. Iktar minn hekk, l-interess ewlieni tagħna għandu jkun it-taqdis taʼ l-isem qaddis taʼ Ġeħova u l-vindikazzjoni tas-sovranità tiegħu.
Il-Beħemot Jigglorifika lil Alla
Billi jerġaʼ jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ħolqien taʼ l-annimali, Alla jistaqsi lil Ġob dwar l-ippopotamu jew, kif jiġi tradott f’xi verżjonijiet oħra, il-Beħemot. (Ġob 40:15-24) Ippopotamu adult jistaʼ jkun twil minn erbaʼ sa ħames metri u jistaʼ jiżen sa 3,600 kilogramma. “X’saħħa għandu f’ġenbejh”—il-muskoli f’dahru! Il-ġilda ħoxna taʼ żaqqu hija taʼ vantaġġ kbir hekk kif l-ippopotamu, li għandu saqajh qosra, iġorr ġismu minn fuq il-ġebel f’qiegħ ix-xmajjar. Żgur li l-bniedem lanqas biss jibda mal-Beħemot, li għandu ġisem kbir ħafna, ħalq enormi, u xedaq potenti.
Il-Beħemot jitlaʼ minn ġox-xmara biex jiekol ikla “ħaxix.” Kos, il-ħdura taʼ muntanja sħiħa donnha lanqas hija biżżejjed biex issostnih! Kull ġurnata jitfaʼ ġo l-istonku tiegħu madwar 90-180 kilogramma taʼ ħaxix! B’aptitu maqtugħ, il-Beħemot jimtedd taħt is-siġar tas-seder jew għad-dell taż-żafżaf. Jekk tfur ix-xmara li jkun jgħix fiha, l-ippopotamu jistaʼ jżomm rasu ’l barra u jgħum kontra l-għargħar. Jekk jiġi wiċċ imbwiċċ mal-ġgant Beħemot u n-nejbiet tal-biżaʼ tiegħu, Ġob żgur li ma jażżardax itaqqablu mnieħru b’sunnara.
Il-Levjatan Iġib Tifħir lil Alla
Ġob imbagħad jismaʼ dwar il-kukkudrill jew, kif jiġi tradott f’xi verżjonijiet, il-Levjatan. (Ġob 40:25–41:26 [Ġob 41:1-34, NW]) Il-kelma bl-Ebrajk tfisser “annimal imkemmex.” Setaʼ Ġob iħalli t-tfal jilagħbu mal-Levjatan? Żgur li le! Ħafna drabi, min jiltaqaʼ maʼ dan l-annimal isib ruħu fil-periklu. Tabilħaqq, kieku bniedem kellu jipprova jmidd idu fuq il-Levjatan, it-taqtigħa tant tkun qalila li żgur ma jipprovax jagħmilha darb’oħra!
Hekk kif il-Levjatan jgħolli rasu minn taħt l-ilma, għajnejh ileqqu “bħat-tbexbix taʼ l-għodwa.” Il-qoxra taʼ dahru hi marsusa flimkien, u ġol-ġilda ħoxna tiegħu hemm faldi taʼ l-għadam li huwa diffiċli saħansitra biex balla tgħaddi minnhom, aħseb u ara xi sejf jew lanza! Il-qoxra iebsa fuq żaqq il-kukkudrill iġġagħlu jidher bħallikieku kien “xatba” tat-tajn. Ir-rabja tiegħu fl-ilma tqajjem l-ixkuma fil-baħar bħal griġjol, jew bħal borma tbaqbaq. U minħabba d-daqs, l-armatura, u l-armi tiegħu—ħalq tal-biżaʼ u denb b’saħħtu—il-Levjatan ma jibżaʼ minn xejn.
Ġob Ibiddel Fehmtu
Ġob ammetta li ‘tkellem fuq ħwejjeġ kbar wisq għalih.’ (Ġob 42:1-3) Hu aċċetta t-twiddib t’Alla, biddel fehmtu, u nidem. Sħabu ġew imċanfrin, imma hu ġie mbierek bil-kbir.—Ġob 42:4-17.
Kemm hu għaqli li nżommu l-esperjenza taʼ Ġob f’moħħna! Ma jistax ikun li nwieġbu l-mistoqsijiet kollha li staqsieh Alla. Madankollu, aħna nistgħu u għandna nuru apprezzament għall-ħafna meravilji varjati tal-ħolqien li jigglorifikaw lil Ġeħova.
[Stampa f’paġna 13]
Mogħża tal-muntanji
[Stampa f’paġna 13]
Ċawlun
[Stampa f’paġna 13]
Ljunessa
[Stampa f’paġna 14]
Żebra
[Stampa f’paġna 14]
In-nagħma titlaq minn ħdejn il-bajd tagħha, imma ma tabbandunahomx
[Stampa f’paġna 14]
Bajd tan-nagħma
[Stampa f’paġna 14, 15]
Ajkla rjali
[Sors]
Seqer: © Joe McDonald/Visuals Unlimited
[Stampa f’paġna 15]
Debba Għarbija
[Stampa f’paġna 15]
Bies
[Stampa f’paġna 16]
L-ippopotamu kultant jissejjaħ Beħemot
[Stampa f’paġna 16]
Il-kukkudrill b’saħħtu jew, kif imsejjaħ f’xi verżjonijiet, il-Levjatan