Il-Premju taʼ Ġob—Sors taʼ Tama
“Jehovah . . . bierek it-tmiem taʼ Ġob wara dan iktar mill-bidu tiegħu.” —ĠOB 42:12.
1. Jehovah x’jagħmel għan-nies tiegħu, saħansitra meta provi jdgħajfuhom ħafna?
JEHOVAH ‘isir dak li jippremja lil dawk li qegħdin ifittxuh bis-serjetà.’ (Ebrej 11:6) Hu jqanqal ukoll lin-nies devoti tiegħu biex jagħtu xiehda bil-kuraġġ, saħansitra jekk xi provi għamluhom dgħajfin daqs uħud mejtin. (Ġob 26:5; Rivelazzjoni 11:3, 7, 11) Dak ta prova li kien veru fil-każ tas-sofferenti Ġob. Għalkemm infamat minn tliet farraġa foloz, ma ġiex imsikket mill-biżaʼ tal-bnedmin. Minflok, ta xiehda qalbiena.
2. Għalkemm sofrew persekuzzjoni u tbatija, ix-Xhieda taʼ Jehovah kif ħarġu mill-provi tagħhom?
2 Ħafna Xhieda taʼ Jehovah taż-żmien preżenti sofrew tant persekuzzjoni kbira u tbatija li kważi raw il-mewt. (2 Korintin 11:23) Bħal Ġob, madankollu, urew imħabba għal Alla u pprattikaw it-tjieba. (Eżekjel 14:14, 20) Ħarġu wkoll mill-provi tagħhom determinati li jogħġbu lil Jehovah, imsaħħin biex jagħtu xiehda qalbiena, u mimlijin b’tama ġenwina.
Ġob Jagħti Xiehda Qalbiena
3. Ġob liema xorta taʼ xiehda ta fl-aħħar diskors tiegħu?
3 Fid-diskors finali tiegħu, Ġob ta saħansitra xiehda akbar milli kien ta qabel. Sikket għalkollox lill-farraġa foloz tiegħu. B’sarkażmu qawwi, qal: ‘O kemm kontu taʼ għajnuna għal wieħed mingħajr qawwa!’ (Ġob 26:2) Ġob għolla lil Jehovah, li l-qawwa tiegħu ddendel il-globu taʼ l-art tagħna fuq xejn fl-ispazju u żżomm sħab mimli ilma ’l fuq mill-art. (Ġob 26:7-9) Madankollu, Ġob qal li għeġubijiet bħal dawn ‘huma biss it-trufijiet tal-mogħdijiet taʼ Jehovah.’—Ġob 26:14.
4. Ġob x’qal dwar l-integrità, u għala setaʼ jesprimi lilu nnifsu b’dak il-mod?
4 Ċert dwar l-innoċenza tiegħu, Ġob iddikjara: “Sakemm nintemm miniex se nneħħi l-integrità tiegħi minni nnifsi!” (Ġob 27:5) Kuntrarju għall-akkużi foloz li sarulu, ma kien għamel xejn biex jimmerita dak li ġie fuqu. Ġob kien jaf li Jehovah ma jismax it-talb taʼ apostati imma se jippremja lil dawk li jżommu l-integrità. Dan jistaʼ jfakkarna sewwa li dalwaqt il-maltempata taʼ Armageddon se tixħet lil dawk mill-agħar ’il barra mill-post tagħhom taʼ poter, u m’humiex se jaħarbu l-id li ma taħfirhiex t’Alla. Sa dak in-nhar, in-nies taʼ Jehovah se jimxu fl-integrità tagħhom.—Ġob 27:11-23.
5. Ġob kif iddefinixxa l-veru għerf?
5 Immaġina lit-tlett irġiel b’għerf dinji jisimgħu hekk kif Ġob wera li l-bniedem uża l-kapaċitajiet tiegħu biex isib deheb, fidda, u teżori oħrajn fl-art u fil-baħar. “Imma,” qal hu, “barżakka mimlija għerf tiswa iktar minn waħda mimlija perli.” (Ġob 28:18) Il-farraġa foloz taʼ Ġob ma setgħux jixtru l-veru għerf. Is-sors tiegħu hu l-Ħallieq tar-riħ, ix-xita, is-sajjetti, u r-ragħad. Tabilħaqq, ‘il-biżaʼ reverenzjali taʼ Jehovah—dak huwa għerf, u li ddur lil hinn mill-ħażen huwa fehma.’—Ġob 28:28.
6. Ġob għala tkellem dwar il-ħajja bikrija tiegħu?
6 Minkejja s-sofferenzi tiegħu, Ġob ma waqafx jaqdi lil Jehovah. Minflok ma dar lil hinn mill-Iktar Għoli, dan ir-raġel taʼ integrità xxennaq għall-“intimità m’Alla” li kellu qabel. (Ġob 29:4) Ġob ma kienx qed jiftaħar meta rrakkonta kif ‘ħeles lill-milqut, libbes lilu nnifsu bit-tjieba, u kien missier veru għall-foqra.’ (Ġob 29:12-16) Minflok, kien qed jikkwota l-fatti taʼ ħajtu bħala qaddej leali taʼ Jehovah. Bnejt int rekord mill-aħjar bħal dan? M’għandniex xi ngħidu, Ġob kien ukoll qed jikxef il-falzità taʼ l-akkużi magħmulin mit-tlett imposturi kollhom qdusija.
7. Ġob x’tip taʼ persuna kien qabel?
7 Ġob ġie rredikolat minn irġiel iżjed żgħażagħ ‘li lil missirijiethom ma kienx saħansitra jpoġġihom mal-klieb tal-merħla tiegħu.’ Kien mistmerr u beżqu fuqu. Għalkemm kien milqut bl-ikrah, Ġob ma ntwera l-ebda konsiderazzjoni. (Ġob 30:1, 10, 30) Għaliex kien devot għal kollox lejn Jehovah, madankollu, kellu kuxjenza nadifa u setaʼ jgħid: “Hu se jiżinni f’miżien preċiż u Alla se jsir jaf l-integrità tiegħi.” (Ġob 31:6) Ġob ma kienx xi adulteru jew wieħed li jikkomplotta, u ma naqasx li jgħin lil dawk fil-bżonn. Għalkemm qabel kien sinjur, qatt ma fada fil-ġid materjali. Barra minn hekk, Ġob ma ħax sehem f’idolatrija billi ta devozzjoni lil affarijiet bla ħajja bħalma huwa l-qamar. (Ġob 31:26-28) Billi fada f’Alla, ta eżempju mill-aħjar bħala wieħed li jżomm l-integrità. Minkejja s-sofferenzi kollha tiegħu u l-preżenza taʼ farraġa foloz, Ġob għamel difiża taʼ ħila u ta xiehda splendida. Hekk kif kliemu ġie fit-tmiem, hu ħares lejn Alla bħala l-Imħallef tiegħu u Dak li Jippremjah.—Ġob 31:35-40.
Jitkellem Eliħu
8. Min kien Eliħu, u kif wera kemm rispett kif ukoll kuraġġ?
8 Fil-qrib kien hemm iż-żagħżugħ Eliħu, dixxendent taʼ Buż bin Naħor u b’hekk qarib mill-bogħod tal-ħabib taʼ Jehovah Abraham. (Isaija 41:8) Eliħu wera rispett lejn irġiel ixjeħ billi ta widen liż-żewġ naħat tad-dibattitu. Madankollu, tkellem bil-kuraġġ rigward kwistjonijiet li dwarhom huma kienu fl-iżball. Per eżempju, ir-rabja tiegħu xegħlet meta Ġob ‘iddikjara lil ruħu stess twajba minflok Alla.’ B’mod speċjali l-korla taʼ Eliħu kienet immirata kontra l-farraġa foloz. L-istqarrijiet tagħhom kienu qishom qegħdin jeżaltaw lil Alla imma verament kienu jmaqdruh billi żammew man-naħa taʼ Satana fil-kontroversja. “Mimli kliem” u mqanqal minn spirtu qaddis, Eliħu kien xhud imparzjali taʼ Jehovah.—Ġob 32:2, 18, 21.
9. Eliħu kif aċċenna lejn restawrar għal Ġob?
9 Ġob kien sar iżjed ikkonċernat dwar l-ivvindikar tiegħu stess milli dak t’Alla. Fil-fatt, kien ħadha m’Alla. Hekk kif ruħ Ġob resqet qrib tal-mewt, madankollu, kien hemm indikazzjoni taʼ restawrar. Dan kif inhu hekk? Sewwa, Eliħu kien imqanqal biex jgħid li Jehovah iffavorixxa lil Ġob b’dan il-messaġġ: “Ħallih jaħrab milli jinżel fil-ħofra! Sibt rahan! Ħalli l-laħam tiegħu jsir iktar frisk milli fiż-żgħożija; ħallih imur lura lejn il-jiem tal-ħeġġa taʼ żgħożitu.”—Ġob 33:24, 25.
10. Ġob sa liema punt kellu jiġi ttestjat, imma dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti meta nqisu 1 Korintin 10:13?
10 Eliħu kkorreġa lil Ġob talli qal li m’hemmx profitt f’li titgħaxxaq b’Alla billi żżomm l-integrità. Qal Eliħu: “’Il bogħod ikun għal dak Alla veru li jaġixxi b’mod mill-agħar, u għal Dak li Jistaʼ Kollox li jaġixxi b’mod inġust! Għax skond il-mod kif jaġixxi l-bniedem taʼ l-art se jippremjah hu.” Ġob aġixxa bla ħsieb f’li enfasizza t-tjieba tiegħu stess, imma għamel hekk mingħajr għarfien u dehen biżżejjed. Eliħu żied: “Ħalli Ġob jiġi ttestjat sal-limitu minħabba t-tweġibiet tiegħu fost bnedmin li jikkaġunaw uġigħ.” (Ġob 34:10, 11, 35, 36) B’mod simili, il-fidi u l-integrità tagħna jistgħu jiġu pprovati bis-sħiħ biss jekk aħna niġu ‘ttestjati sal-limitu’ b’xi mod. Minkejja dan, Missierna taʼ mħabba tas-sema mhux se jħallina niġu ttantati iktar milli nifilħu.—1 Korintin 10:13.
11. Meta niġu ttestjati bl-aħrax, x’għandna niftakru?
11 Hekk kif Eliħu ssokta, hu mill-ġdid wera li Ġob kien qed jenfasizza żżejjed it-tjieba tiegħu stess. Attenzjoni għandha tkun iffokata fuq il-Ħallieq Grandjuż tagħna. (Ġob 35:2, 6, 10) Alla “mhux se jżomm lil kulmin hu mill-agħar ħaj, imma l-ġudizzju taʼ l-uħud milqutin se jagħti,” qal Eliħu. (Ġob 36:6) Ħadd ma jistaʼ jitlob kont minn Alla u jgħid li hu kien bla tjieba. Hu eżaltat iżjed milli nistgħu nkunu nafu aħna, u s-snin tiegħu huma bla tmiem b’mod mhux mifhum. (Ġob 36:22-26) Meta tiġi ttestjat b’mod iebes, ftakar li Alla tagħna li jgħix għal dejjem hu twajjeb u se jippremjana għall-attivitajiet leali tagħna li jġibulu tifħir.
12. L-espressjonijiet li kkonkluda bihom Eliħu x’jindikaw dwar l-esekuzzjoni taʼ ġudizzju t’Alla fuq dawk mill-agħar?
12 Fil-waqt li tkellem Eliħu, kienet qiegħda tqum maltempata. Hekk kif bdiet toqrob, qalbu bdiet taqbeż u titriegħed. Hu tkellem dwar affarijiet kbar magħmulin minn Jehovah u qal: “Tassew agħti widen għal dan, O Ġob; ieqaf dritt u uri ruħek attent għax-xogħlijiet taʼ l-għaġeb t’Alla.” Bħal Ġob, aħna għandna bżonn nikkunsidraw ix-xogħlijiet taʼ l-għaġeb u d-dinjità li tispira biżaʼ t’Alla. “Inkwantu għal Dak li Jistaʼ Kollox, ma qbadniehx f’xi ħaġa,” qal Eliħu. “Hu eżaltat fil-qawwa, u l-ġustizzja u l-abbundanza tat-tjieba hu mhux se jċekkinhom. Għalhekk ħalli l-bnedmin jibżgħu minnu.” (Ġob 37:1, 14, 23, 24) L-espressjonijiet li Eliħu kkonkluda bihom jfakkruna li meta Alla dalwaqt jesegwixxi ġudizzju fuq dawk mill-agħar, mhux se jċekken il-ġustizzja u t-tjieba u hu se jżomm ħajjin lil dawk li jibżgħu minnu bħala l-adoraturi reverenzjali tiegħu. Xi privileġġ li tkun fost uħud li jżommu l-integrità bħal dawn li jirrikonoxxu lil Jehovah bħala s-Sovran Universali! Issaporti bħalma għamel Ġob, u qatt tħalli lix-Xitan jiġbdek ’il bogħod mill-post imbierek tiegħek fost dawn il-qtajja ferħanin.
Jehovah Iwieġeb Lil Ġob
13, 14. (a) Jehovah dwar liema ħaġa beda jistaqsi lil Ġob? (b) Liema punti nistgħu nitgħallmu minn mistoqsijiet oħrajn li Alla staqsa lil Ġob?
13 Kemm żgur li stagħġeb Ġob meta Jehovah kellmu minn ġol-maltempata tar-riħ! Dik il-maltempata kienet att t’Alla, mhux bħar-riħ il-kbir li Satana uża biex iwaqqaʼ d-dar u joqtol lit-tfal taʼ Ġob. Ġob kien bla kliem hekk kif Alla staqsa: “Fejn inzertajt li tkun int meta jien sejjist l-art? . . . Min qiegħed il-ġebla taʼ l-għareb tagħha, meta l-kwiekeb taʼ fil-għodu mimlijin ferħ għajtu flimkien, u wlied Alla kollha bdew jgħajtu b’applaws?” (Ġob 38:4, 6, 7) Jehovah ippreżenta lil Ġob mistoqsija wara l-oħra dwar il-baħar, l-għata tas-sħab tiegħu, iż-żerniq, ix-xtiebi tal-mewt, dawl u dlam, u l-kostellazzjonijiet. Ġob ma setaʼ jgħid xejn meta ġie mistoqsi: “Sirt int taf l-istatuti tas-smewwiet?”—Ġob 38:33.
14 Mistoqsijiet oħrajn indikaw li qabel ma ġie maħluq il-bniedem u ngħata dominanza fuq il-ħut, tjur, bhejjem, u affarijiet li jitkaxkru, Alla kien qed jipprovdi għalihom—mingħajr kwalunkwe għajnuna jew parir uman. Mistoqsijiet oħrajn taʼ Jehovah isemmu ħlejjaq bħalma huma l-barri selvaġġ, in-nagħma, u ż-żiemel. Ġob ġie mistoqsi: “Huwa għall-ordni tiegħek li ajkla ttir ’il fuq u tibni l-bejta tagħha fl-għoli?” (Ġob 39:27) Dażżgur li le! Immaġina r-reazzjoni taʼ Ġob meta Alla staqsieh: “Għandu jkun hemm kwalunkwe tħaqqiq taʼ wieħed li jsib il-ħtija maʼ Dak li Jistaʼ Kollox?” Mhux taʼ b’xejn li Ġob qal: “Ħares! Jien sirt niswa ftit. X’se nwieġeb lilek? Idi poġġejtha fuq fommi.” (Ġob 40:2, 4) Ladarba Jehovah hu dejjem fis-sewwa, jekk qatt niġu ttantati li nilmentaw kontra tiegħu, għandna ‘npoġġu idna fuq fommna.’ Il-mistoqsijiet t’Alla wkoll eżaltaw is-superjorità, id-dinjità, u s-saħħa tiegħu, kif murijin fil-ħolqien.
Beħemot u Levjatan
15. Beħemot huwa ġeneralment meqjus bħala li huwa liema annimal, u x’inhuma xi ftit mill-karatteristiċi tiegħu?
15 Jehovah imbagħad isemmi lil Beħemot, ġeneralment meqjus li hu l-ippopotamu. (Ġob 40:15-24) Magħruf għad-daqs enormi, piż kbir, u ġilda xierfa tiegħu, dan l-annimal erbivoru ‘jiekol ħaxix aħdar.’ Sorsi tal-qawwa u enerġija tiegħu qegħdin f’ġenbejh u l-għeruq taʼ żaqqu. L-għadam taʼ saqajh b’saħħithom daqs “tubi tar-ram.” Beħemot ma jaqbdux paniku f’ilmijiet torrenzjali imma faċilment jgħum kontra l-kurrent.
16. (a) Id-deskrizzjoni taʼ Levjatan taqbel maʼ liema ħlejqa, u liema huma xi fatti dwaru? (b) Il-qawwa taʼ Beħemot u Levjatan tistaʼ tissuġġerixxi liema ħaġa dwar it-twettieq taʼ inkarigi fis-servizz taʼ Jehovah?
16 Alla staqsa wkoll lil Ġob: “Tistaʼ int tiġbed ’il barra lil Levjatan b’sunnara, jew b’ħabel tistaʼ int iżżomm ’l isfel lil ilsienu?” Id-deskrizzjoni tal-Levjatan tindika li huwa l-kukkudrill. (Ġob 41:1-34) Dan ma jikkonkludi patt taʼ paċi maʼ ħadd, u ebda raġel għaqli m’hu tant sfiq li se jqajjem lil dan ir-rettil. Il-vleġeġ ma jkeċċuhx lil hinn, u “dan jidħak għaċ-ċekċik taʼ ġavellott.” F’dagħdigħa l-Levjatan jġiegħel il-profonditajiet jbaqbqu bħal borma fejn jissajjar l-ingwent. Il-fatt li Levjatan u Beħemot kienu bil-wisq setgħanin iżjed minn Ġob għen biex jumiljah. Aħna wkoll irridu nirrikonoxxu b’umiltà li m’aħniex setgħanin fina nfusna. Neħtieġu għerf u saħħa mingħand Alla biex niżżgiċċaw in-nejbiet taʼ Satana, is-Serpent, u biex inwettqu l-inkarigi tagħna fis-servizz taʼ Jehovah.—Filippin 4:13; Rivelazzjoni 12:9.
17. (a) Ġob kif ‘lemaħ lil Alla’? (b) X’ġie pprovat mill-mistoqsijiet li Ġob ma kienx kapaċi jwieġeb, u dan kif jistaʼ jgħinna?
17 Umiljat kompletament, Ġob irrikonoxxa l-ħarsa żbaljata tiegħu u ammetta li kien tkellem mingħajr għarfien. Madankollu, hu kien esprima fidi li kien se ‘jilmaħ lil Alla.’ (Ġob 19:25-27) Dak kif setaʼ jiġri, ladarba ebda bniedem ma jistaʼ jara lil Jehovah u jibqaʼ jgħix? (Eżodu 33:20) Attwalment, Ġob ra l-manifestazzjoni taʼ qawwa divina, samaʼ l-kelma t’Alla, u kellu l-għajnejn tal-fehma tiegħu miftuħin biex jara l-verità dwar Jehovah. Ġob għalhekk ‘irtira kliemu u nidem fit-trab u l-irmied.’ (Ġob 42:1-6) Il-ħafna mistoqsijiet li ma kienx kapaċi jwieġeb kienu taw prova tas-supremazija t’Alla u kienu wrew iċ-ċokon tal-bniedem, saħansitra wieħed devot lejn Jehovah bħalma kien Ġob. Dan jgħinna naraw li l-interessi tagħna m’għandhomx jitpoġġew ’il fuq mit-tqaddis taʼ isem Jehovah u l-ivvindikar tas-sovranità tiegħu. (Mattew 6:9, 10) It-tħassib ewlieni tagħna għandu jkun li nżommu l-integrità lejn Jehovah u li nonoraw lil ismu.
18. Il-farraġa foloz taʼ Ġob x’kienu jeħtieġu li jagħmlu?
18 Xi ngħidu, iżda, dwar il-farraġa foloz li riduha taʼ twajbin? Jehovah setaʼ bid-dritt qatel lil Elifaż, Bildad, u Żofar talli ma tkellmux il-verità dwaru, kif kien għamel Ġob. “Ħudu għalikom infuskom sebaʼ barrin u sebaʼ kbiex u morru għand il-qaddej tiegħi Ġob,” qal Alla, “u tridu toffru sagrifiċċju maħruq għan-nom tagħkom stess; u Ġob il-qaddej tiegħi nnifsu se jitlob għalikom.” It-tlett irġiel kellhom jumiljaw ruħhom biex jobdu. Ġob li kien żamm l-integrità kellu jitlob għalihom, u Jehovah sab it-talba tiegħu aċċettabbli. (Ġob 42:7-9) Imma xi ngħidu dwar mart Ġob, li kienet ħeġġitu biex jisħet lil Alla u jmut? Jidher li hi reġgħet irranġat miegħu bil-ħniena t’Alla.
Premjijiet Imwegħdin Jagħtuna Tama
19. F’konnessjoni maʼ Ġob, Jehovah kif wera is-superjorità Tiegħu fuq ix-Xitan?
19 Hekk kif Ġob ma baqax jinkwieta dwar is-sofferenzi tiegħu u ngħata l-ħajja mill-ġdid fis-servizz t’Alla, Jehovah biddel l-affarijiet għalih. Wara li Ġob talab għat-tlett irġiel, Alla ‘dawwar lura l-kundizzjoni taʼ jasar tiegħu’ u tah ‘dak kollu li kien tiegħu f’ammont doppju.’ Jehovah wera s-superjorità Tiegħu fuq ix-Xitan billi waqqaf l-id infettata bil-mard taʼ Satana u b’mod mirakoluż fejjaq lil Ġob. Alla tefaʼ lura wkoll lill-qtajja demoniċi u żammhom ’il bogħod billi mill-ġdid qiegħed protezzjoni madwar Ġob permezz taʼ l-akkampament anġeliku Tiegħu.—Ġob 42:10; Salm 34:7.
20. Jehovah b’liema modi ppremja u bierek lil Ġob?
20 Ħut Ġob irġiel u nisa, u dawk li kienu jafuh qabel baqgħu ġejjin biex jieklu miegħu, jissimpatizzaw miegħu, u jfarrġuh minħabba l-gwaj li Jehovah kien ippermetta li jiġi fuqu. Kull wieħed minnhom ta flus u ċurkett tad-deheb lil Ġob. Jehovah bierek it-tmiem taʼ Ġob iżjed mill-bidu tiegħu, u għalhekk spiċċa biex ikollu 14,000 nagħġa, 6,000 ġemel, 1,000 par barrin, u 1,000 ħmara. Ġob ġie li jkollu wkoll sebaʼ subjien u tlett ibniet, l-istess għadd li kellu qabel. Il-bniet tiegħu—Ġemima, Keżija, u Keren-ħappuċ—kienu l-iktar nisa sbieħ taʼ dik l-art, u Ġob tahom wirt fost ħuthom subjien. (Ġob 42:11-15) Barra minn hekk, Ġob għex 140 sena oħra u ra erbaʼ ġenerazzjonijiet tan-nisel tiegħu. Ir-rakkont jikkonkludi: “Bil-mod il-mod Ġob miet, xiħ u sodisfatt bil-jiem.” (Ġob 42:16, 17) L-estensjoni taʼ ħajtu kienet ix-xogħol mirakoluż t’Alla Jehovah.
21. Kif aħna mgħejjunin mir-rakkont Skritturali rigward Ġob, u x’għandna nkunu ddeterminati li nagħmlu?
21 Ir-rakkont Skritturali rigward Ġob jagħmilna iżjed konxji tal-konfoffi taʼ Satana u jgħinna naraw kif sovranità universali hija relatata maʼ l-integrità umana. Bħal Ġob, dawk kollha li jħobbu lil Alla se jiġu ttestjati. Imma aħna nistgħu nissaportu bħalma għamel Ġob. Hu ħareġ mill-provi tiegħu b’fidi u tama, u l-premjijiet tiegħu kienu ħafna. Bħala qaddejja taʼ Jehovah illum, aħna għandna fidi u tama veri. U x’tama grandjuża poġġa quddiem kull wieħed u waħda minna l-Premjatur il-Kbir! Li jżommu f’moħħhom il-premju tas-sema se jgħin lil uħud midlukin biex jaqdu lil Alla lealment għall-bqija taʼ ħajjithom fuq l-art. Ħafna bi prospetti għall-art m’huma se jmutu qatt, imma dawk li jmutu se jiġu ppremjati bi rxoxt fil-Ġenna fuq l-art, flimkien maʼ Ġob innifsu. B’tama ġenwina bħal din fil-qalb u fil-moħħ, ħalli dawk kollha li jħobbu lil Alla joħorġu lil Satana taʼ giddieb billi jieqfu sodi man-naħa taʼ Jehovah bħala wħud li jżommu l-integrità u wħud li jappoġġjaw b’qawwa s-sovranità universali tiegħu. (w94 11/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema kienu xi punti li Ġob għamel fit-tweġiba finali tiegħu lill-farraġa foloz tiegħu?
◻ Eliħu kif ta prova li kien xhud imparzjali taʼ Jehovah?
◻ Liema kienu xi ftit mill-mistoqsijiet t’Alla lil Ġob, u x’effett kellhom?
◻ Kif ibbenefikajt int mir-rakkont Skritturali rigward Ġob?