Raġel Eżemplari li Aċċetta l-Korrezzjoni
“IL-KUKKUDRILLI fiz-Zambja Jieklu 30 Ruħ kull Xahar.” Hekk irrapportat gazzetta Afrikana xi ftit tas-snin ilu. Skond wieħed żoologu li kien jaqbad dawn ir-rettili biex jistudjahom, “kien hemm bżonn 12-il raġel biex irażżnu kukkudrill wieħed.” B’denb u xedaq li huma b’saħħithom ferm, il-kukkudrill jistaʼ jkun annimal tassew tal-biżaʼ!
Waqt li mid-dehra kien qed jirreferi għall-kukkudrill bħala “Levjatan,” il-Ħallieq uża dan is-“sultan fuq il-bhejjem salvaġġi u maestużi kollha” biex jgħallem lezzjoni importanti lill-qaddej tiegħu Ġob. (Ġob 41:1, 34, NW) Dan ġara xi 3,500 sena ilu fl-art taʼ Għus, li x’aktarx kienet tinsab xi mkien fit-tramuntana taʼ l-Għarabja. Waqt li ddeskriva lil din il-kreatura, Alla qal lil Ġob: “Ħadd m’hu daqshekk aħrax li jqajmu: u min mela jistaʼ jieqaf quddiemi?” (Ġob 41:10, KŻ) Kemm hu veru dan! Jekk aħna nibżgħu mill-kukkudrill, kemm iktar għandna nibżgħu nitkellmu kontra Dak li ħalqu! Ġob wera apprezzament għal din il-lezzjoni billi ammetta l-iżball tiegħu.—Ġob 42:1-6.
Meta jissemma Ġob, għandna mnejn niftakru fl-eżempju leali tiegħu f’li jissaporti l-provi. (Ġakbu 5:11) Fil-fatt, Jehovah kien jithenna b’Ġob sa minn qabel ma l-fidi tiegħu ġiet testjata bl-aħrax. Skond ma kien jaħsibha Alla, f’dak iż-żmien ma kienx hemm “ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett [“bla ħtija,” NW] u tajjeb, jibżaʼ minn Alla u mbiegħed mill-ħażen.” (Ġob 1:8) Dan għandu jqanqalna biex nitgħallmu iktar dwar Ġob, għaliex b’hekk se niġu megħjunin naraw kif aħna wkoll nistgħu nogħġbu lil Alla.
Ir-Relazzjoni Tiegħu m’Alla Kienet Tiġi l-Ewwel
Ġob kien raġel sinjur. Minbarra d-deheb, hu kellu 7,000 nagħġa, 3,000 ġemel, 500 ħmara, 1,000 baqra, u ġemgħa kbira taʼ qaddejja. (Ġob 1:3) Imma l-fiduċja taʼ Ġob kienet f’Jehovah, u mhux fir-rikkezzi. Hu rraġuna: “Qatt għedt lid-deheb: ‘Inti t-tama tiegħi,’ jew lid-deheb fin: ‘Bik mistrieħa rasi’? Fraħt xi darba bil-kotra taʼ ġidi, jew bil-qligħ kbir li kisbuli jdejja? . . . M’huwiex delitt li jiġġudikawh l-imħallfin, talli nkun ċħadt ’l Alla li jsaltan fl-għoli?” (Ġob 31:24-28) Bħal Ġob, aħna għandna nistmaw relazzjoni mill-qrib m’Alla Jehovah ferm iktar mill-affarijiet materjali.
Ittratta maʼ Bnedmin Sħabu bil-Ġustizzja
Ġob kif kien jittratta mal-qaddejja tiegħu? Il-fatt li kienu jqisuh bħala raġel ġust u avviċinabbli huwa indikat minn kliem Ġob stess: “Qatt ċħadt il-jedd lill-qaddej tiegħi, jew lill-qaddejja x’ħin tlewwmu miegħi? Le, għax x’kont nagħmel li kellu jqum Alla? X’kont inwieġeb li kien jiġi jistħarriġni?” (Ġob 31:13, 14) F’għajnejn Ġob, il-ħniena taʼ Jehovah kellha valur kbir, u għalhekk kien jittratta maʼ l-ilsiera tiegħu bil-ħniena. X’eżempju mill-aħjar, speċjalment għal dawk li għandhom karigi taʼ indokrar ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana! Huma wkoll iridu jkunu ġusti, imparzjali, u avviċinabbli.
Ġob wera interess ukoll f’dawk li ma kinux membri taʼ daru. Hu wera t-tħassib li kellu għal oħrajn billi qal: “Qatt ċħadt jien lill-foqra dak li xtaqu? Ħallejt jien għajnejn armla jinfnew? . . . Jekk erfajt idi kontra l-innoċenti, . . . [“meta kont nara bżonn taʼ l-għajnuna tiegħi fix-xatba,” NW], ħa tinqalaʼ spallti minn ġo għonqi, u driegħi jinkiser mill-minkeb.” (Ġob 31:16-22) Jalla aħna wkoll nuru konsiderazzjoni lejn uħud żvantaġġati li nafuhom fil-kongregazzjoni.
Minħabba l-interess mingħajr egoiżmu li kellu fi bnedmin sħabu, Ġob kien ospitabbli mal-barranin. B’hekk, hu setaʼ jgħid: “L-ebda frustier ma ħallejt jgħaddi l-lejl barra, dari ftaħtha lill-vjaġġatur.” (Ġob 31:32) X’eżempju mill-aħjar hu dan għall-qaddejja t’Alla llum! Meta wħud ġodda li huma interessati fil-verità tal-Bibbja jiġu fis-Sala tas-Saltna, il-fatt li nilqgħuhom b’mod ospitabbli jistaʼ jikkontribwixxi għall-progress spiritwali tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, l-indokraturi li jivvjaġġaw u Kristjani oħrajn ukoll jeħtieġu li b’imħabba nuruhom ospitalità.—1 Pietru 4:9; 3 Ġwann 5-8.
Ġob kellu l-attitudni xierqa saħansitra lejn l-għedewwa tiegħu. Hu ma kienx jifraħ bid-deni li setaʼ jiġi fuq xi ħadd li kien jobogħdu. (Ġob 31:29, 30) Minflok, hu ried jagħmel il-ġid lil nies bħal dawn, kif jidher mill-fatt li kien lest li jitlob għat-tliet farraġa foloz tiegħu.—Ġob 16:2; 42:8, 9; qabbel Mattew 5:43-48.
Kast Sesswalment
Ġob kien leali lejn il-mara tiegħu, u qatt ma ppermetta li qalbu tiżviluppa affezzjoni mhux xierqa għal xi mara oħra. Ġob qal: “Għamilt patt maʼ għajnejja li fuq xebba ma nixħethomx. Jekk issaħħret qalbi wara mara oħra, u ssajjajt għaliha wara bieb għajri, ħa titħan marti għal ħaddieħor, u jmilu fuqha rġiel oħrajn. Għax dan hu għamil faħxi, dnub li jiġġudikawh l-imħallfin.”—Ġob 31:1, 9-11.
Ġob ma ħalliex xewqat immorali jikkorrompu lil qalbu. Minflok, hu segwa korsa retta. Mhux taʼ b’xejn li Alla Jehovah thenna b’dan ir-raġel leali li ġġieled kontra tentazzjonijiet immorali!—Mattew 5:27-30.
Wera Tħassib għall-Ispiritwalità tal-Familja
Darba kultant, l-ulied subien taʼ Ġob kienu jorganizzaw ikliet li għalihom kienu jkunu preżenti wlied Ġob kollha kemm huma. Wara li kienu jkunu għaddew dawn il-jiem taʼ l-ikliet, Ġob kien ikun ferm imħasseb dwar jekk uliedu kinux dinbu b’xi mod kontra Jehovah. Għalhekk, Ġob kien jieħu azzjoni, bħalma jgħid ir-rakkont Skritturali: “Kull meta kienet tgħaddi dawra sħiħa taʼ festi, Ġob kien jibgħat għalihom biex jagħmlilhom ir-rit tal-purifikazzjoni tagħhom. L-għada kien iqum kmieni u joffri sagrifiċċju taʼ vittmi maħruqa għal kull wieħed minnhom, għax Ġob kien jgħid: ‘Għandu mnejn dinbu wliedi u seħtu lil Alla f’qalbhom.’” (Ġob 1:4, 5) Żgur li dan impressjona fuq il-membri tal-familja taʼ Ġob it-tħassib tiegħu sabiex huma jkollhom biżaʼ riverenzjali għal Jehovah u jimxu fil-mogħdijiet Tiegħu!
Illum, il-kapijiet tal-familja Kristjani jridu jistruwixxu lill-familji tagħhom mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja. (1 Timotju 5:8) U żgur li huwa xieraq li nitolbu għall-membri tal-familja.—Rumani 12:12.
Issaporta Fedelment taħt Prova
Il-biċċa l-kbira tal-qarrejja tal-Bibbja huma familjari mal-provi ħorox li għadda minnhom Ġob. Satana x-Xitan kien sostna li jekk Ġob isib ruħu f’kundizzjonijiet taʼ prova, hu kien se jisħet ’l Alla. Jehovah aċċettaha din l-isfida, u Satana ma damx wisq ma ġab gwaj kbir fuq Ġob. Hu tilef il-bhejjem kollha li kellu. Jerġaʼ agħar minn hekk, hu sofra telfa kbira meta mietu wliedu kollha. Ftit wara dan, Satana laqat lil Ġob bi nfafet qalila minn rasu sa saqajh.—Ġob, kapitli 1 u 2.
X’kien l-effett taʼ dan kollu? Meta mart Ġob ħeġġitu biex jisħet lil Alla, hu qal: “Qiegħda titkellem taʼ waħda belha. Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?” Il-Bibbja żżid: “F’dan kollu Ġob ma dinibx b’xufftejh.” (Ġob 2:10) Iva, Ġob issaporta bil-fedeltà u b’hekk ħareġ lix-Xitan taʼ giddieb. Jalla aħna wkoll nissaportu l-provi u nuru li s-servizz tagħna lil Alla hu motivat minn imħabba ġenwina għal Jehovah.—Mattew 22:36-38.
Aċċetta l-Korrezzjoni b’Umiltà
Għalkemm Ġob kien eżemplari b’ħafna modi, hu ma kienx raġel perfett. Hu stess qal: “Xi ħadd, mela, jistaʼ jislet is-safi mill-imniġġes? Ħadd!” (Ġob 14:4; Rumani 5:12) Għalhekk, meta Alla qal li Ġob kien bla ħtija, dan kien veru fis-sens li hu kien jagħmel dak kollu li Alla kien jistenna minn wieħed mill-qaddejja imperfetti u midinba tiegħu. Kemm hu inkuraġġanti dan!
Ġob issaporta l-prova tiegħu, imma din kixfet difett. Meta l-hekk imsejħa tliet farraġa semgħu bil-gwaj kollu li kien ġie fuqu, huma marru jżuruh. (Ġob 2:11-13) Huma insinwaw li Jehovah kien qed jikkastiga lil Ġob talli kkommetta dnubiet serji. Naturalment, Ġob ħassu mweġġaʼ minħabba dawn l-akkużi foloz, u pprova jiddefendi lilu nnifsu bl-aħjar mod li setaʼ. Imma hu beda jikkonċentra biss fuq li jipprova jiġġustifika lilu nnifsu. Oħroġ il-għaġeb, Ġob saħansitra implika li hu kien twajjeb iktar minn Alla!—Ġob 35:2, 3.
Minħabba li Alla kien iħobbu lil Ġob, Hu uża raġel żagħżugħ biex juri x’kien l-iżball li għamel Ġob. Ir-rakkont jgħid: “Xegħel għadab Eliħu . . . Għal Ġob xegħel għadbu, talli żamm lilu nnifsu ġust aktar milli żamm lil Alla.” Bħalma osserva Eliħu: “Ġob qal: ‘Jiena bla ħtija, iżda ħadli Alla l-ħaqq tiegħi.’” (Ġob 32:2, KŻ; 34:5, Saydon) Minkejja dan, Eliħu ma ngħaqadx mat-tliet “farraġa” li kkonkludew b’mod żbaljat li Alla kien qed jikkastiga lil Ġob għal dnubietu. Minflok, Eliħu esprima fiduċja fil-fedeltà taʼ Ġob u tah dan il-parir: “Il-każ legali qiegħed quddiem [Jehovah], u għalhekk għandek tistenna b’ansjetà għalih.” Tabilħaqq, Ġob kien imissu stenna lil Jehovah jaġixxi minflok ma għaġġel biex jitkellem ħalli jiddefendi lilu nnifsu. Eliħu aċċerta lil Ġob: “Il-ġustizzja u l-abbundanza tat-tjieba hu mhux se jċekkinhom.”—Ġob 35:14, NW; 37:23, NW.
Il-mod kif kien jaħsibha Ġob kellu bżonn jiġi kkoreġut. Għalhekk, Jehovah tah lezzjoni dwar iċ-ċokon tal-bniedem meta mqabbel mal-kobor t’Alla. Jehovah semma l-art, il-baħar, is-sema kollu kwiekeb, l-annimali, u ħafna meravilji oħra tal-ħolqien. Fl-aħħar, Alla tkellem dwar Levjatan—il-kukkudrill. Ġob b’umiltà aċċetta l-korrezzjoni, u f’dan ikompli jkun t’eżempju għalina.
Għalkemm għandu mnejn li nkunu sejrin tajjeb fis-servizz taʼ Jehovah, żgur li se nagħmlu l-iżbalji. Jekk żball ikun serju, Jehovah jistaʼ juża xi mezz biex jikkoreġina. (Proverbji 3:11, 12) Tistaʼ tiġi f’moħħna xi skrittura li tniggżilna l-kuxjenza. Forsi jistaʼ jkun hemm xi ħaġa f’It-Torri taʼ l-Għassa jew f’xi pubblikazzjoni oħra tal-Watch Tower Society li tagħmilna konxji li nkunu għamilna żball. Jew jistaʼ jkun li xi Kristjan seħibna b’qalb tajba jurina li nkunu nqasna li napplikaw xi prinċipju Bibliku. Kif se nirreaġixxu għal din il-korrezzjoni? Ġob wera spirtu niedem, billi qal: “Inċedi u nindem fit-trab u r-rmied.”—Ġob 42:6.
Premjat minn Jehovah
Jehovah ppremjah lil Ġob, billi ppermetta li dan il-qaddej tiegħu jkompli jgħix għal 140 sena oħra. Matul dak iż-żmien, hu rċieva ferm iktar milli kien tilef. U għalkemm Ġob fl-aħħar miet, hu żgur li se jkollu rxoxt fid-dinja ġdida t’Alla.—Ġob 42:12-17; Eżekjel 14:14; Ġwann 5:28, 29; 2 Pietru 3:13.
Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti li se jkollna l-favur u l-barka t’Alla jekk naqduh lealment u naċċettaw il-korrezzjoni li ningħataw, li tkun ibbażata minn fuq il-Bibbja. B’riżultat taʼ dan, se jkollna t-tama ċerta taʼ ħajja fis-sistema ġdida t’affarijiet li se jagħmel Alla. Iktar importanti minn hekk, aħna se nonoraw lil Alla. Il-kondotta leali tagħna se tiġi premjata u se żżid mal-prova li n-nies tiegħu jaqduh, mhux għal raġunijiet egoisti, imma għaliex iħobbuh b’qalbhom kollha. Kemm aħna privileġġati li nistgħu nferrħu qalb Jehovah, bħalma għamel ir-raġel leali Ġob, li b’umiltà aċċetta l-korrezzjoni!—Proverbji 27:11.
[Stampi f’paġna 26]
Ġob b’imħabba wera tħassib għall-orfni, għar-romol, u għal oħrajn
[Stampi f’paġna 28]
Ġob ġie premjat bil-kbir talli b’umiltà aċċetta l-korrezzjoni