Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Ħbiberiji fl-Iskola—Safejn Għandek Tasal?
“Sħabi taʼ l-iskola kienu jitkellmu dwar kemm ikunu ħadu pjaċir flimkien is-Sibt u l-Ħadd. Jien ħassejtni maqtugħa għalkollox minn dan.” —Michelle.a
“Xi kultant kont nara xi grupp taʼ ħbieb u kont naħseb, ‘Dawk vera jidhru ħbieb sew! Jien irrid inkun parti minn dak il-grupp.’”—Joe.
“Ma kellix problema biex nagħmel ħbieb l-iskola, anzi kien faċli. Din kienet il-problema tiegħi.”—Maria.
INT tkun maʼ sħabek taʼ l-iskola għall-parti l-kbira mill-ġurnata. Bħalhom tiffaċċja ħafna mill-istess sfidi, frustrazzjonijiet, u trid twettaq l-istess affarijiet. B’xi modi, tistaʼ tħoss li taqbel iktar magħhom milli mal-ġenituri, maʼ ħutek, jew mal-Kristjani sħabek. Nistgħu nifhmu li forsi tħossok miġbud lejn ċerta ħbiberija. Hija din xi ħaġa ħażina? Hemm xi perikli? Meta tiġi għal ħbiberiji fl-iskola, safejn għandek tasal? Kif tistaʼ tiddetermina x’inhu aċċettabbli?
Int Għandek Bżonn il-Ħbieb
Kulħadd għandu bżonn il-ħbieb—nies li magħhom nistgħu nirrilassaw fi żminijiet tajbin u li nistgħu nistrieħu fuqhom fi żminijiet diffiċli. Ġesù kellu ħbieb, u kien jieħu gost jissieħeb magħhom. (Ġwanni 15:15) Imbagħad, meta ffaċċja l-mewt fuq zokk tat-tortura, il-ħabib tal-qalb taʼ Ġesù, Ġwanni, “id-dixxiplu li [speċjalment] kien iħobb,” kien viċin tiegħu. (Ġwanni 19:25-27; 21:20) Int għandek bżonn ħbieb taʼ dan it-tip—nies li jibqgħu miegħek kemm fil-maltemp kif ukoll fil-bnazzi. Proverbju Bibliku jgħid: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.”—Proverbji 17:17.
Forsi tħoss li sibt lil xi ħadd bħal dan fl-iskola, wieħed minn sħabek taʼ l-iskola li tingwalaha sew miegħu. Jinteressawkom xi affarijiet simili u tieħdu pjaċir titkellmu flimkien. Veru, dan it-tali m’huwiex sieħeb fit-twemmin; imma mill-ħarsa tiegħek, lanqas ma jidher li jidħol fil-kategorija taʼ “kumpanija ħażina.” (1 Korintin 15:33) M’għandniex xi ngħidu, hemm xi żgħażagħ li m’għandhomx l-istess twemmin Bibliku bħalek imma li jżommu maʼ prinċipji tajbin. (Rumani 2:14, 15) Allura jfisser dan li għandek issir ħabib tal-qalb tagħhom?
Il-Kristjani M’Humiex Anti-soċjali
Ovvjament il-Kristjani veri ma jevitawx għalkollox lil uħud li ma jemmnux. Sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom li jagħmlu “dixxipli mill-ġnus kollha,” il-Kristjani jitkellmu maʼ nisa u rġiel minn kull razza, reliġjon, u kultura. (Mattew 28:19) Huma ma joqogħdux lura milli jinvolvu ruħhom mal-ġirien, il-ħbieb tax-xogħol, jew sħabhom taʼ l-iskola, u lanqas ma huma anti-soċjali. Anzi, il-Kristjani juru interess sinċier f’oħrajn.
L-appostlu Pawlu ħallielna eżempju mill-aqwa f’dan ir-rigward. Hu kien jaf jitħaddet maʼ “nies taʼ kull xorta,” avolja ma kellhomx l-istess twemmin tiegħu. Ovvjament, l-iskop taʼ Pawlu ma kienx biex jissoċjalizza magħhom. Anzi, hu qal: “Nagħmel kollox minħabba l-aħbar tajba, biex naqsam dan il-messaġġ m’oħrajn.”—1 Korintin 9:22, 23.
Int tistaʼ ssegwi l-eżempju taʼ Pawlu. Kun kordjali maʼ dawk taʼ mparek. Tgħallem kif tikkomunika sew magħhom. Forsi xi wħud minn sħabek taʼ l-iskola qed ifittxu t-tama li għandek int ibbażata mill-Bibbja. Ikkunsidra l-każ taʼ tfajla Kristjana jisimha Janet. Hi u sħabha tal-klassi ġew inkarigati jiktbu kumment qasir dwar kull student, u mbagħad l-istudenti kollha setgħu jaqraw il-kummenti miktubin dwarhom. Wieħed mill-kummenti li rċiviet Janet kien jgħid: “Int dejjem tidher ferħana ħafna. Jekk jogħġbok għidilna għala!”
Bħalma turi din l-esperjenza, xi wħud minn sħabek taʼ l-iskola forsi huma lesti jisimgħu dwar it-twemmin tiegħek. Żgur li jkun taʼ vantaġġ għalik li tkun dħuli maʼ wħud bħal dawn. Bla ebda dubju, dan se jipprovdilek opportunità biex tispjega t-twemmin tiegħek. Ħalli lil sħabek tal-klassi jesprimu l-ħarsa tagħhom ukoll, u ismaʼ b’mod ġenwin meta jagħmlu dan. L-esperjenza li tikseb meta tikkomunika maʼ dawk taʼ mparek se tkun taʼ valur kbir jekk int xi darba jkollok xogħol sekulari u tiffaċċja sitwazzjonijiet simili. Fl-iskola u fuq il-post tax-xogħol, imġiba dħulija se tgħinek ‘issebbaħ f’kollox it-tagħlim t’Alla, is-Salvatur tagħna.’—Titu 2:10.
Ħbiberiji “Taħt Madmad Mhux Indaqs”
Ovvjament hemm differenza bejn li tkun dħuli maʼ sieħeb tal-klassi u li tkun il-ħabib intimu tiegħu. Pawlu kiteb: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Korintin 6:14) Biex tkun ħabib tal-qalb taʼ xi ħadd, irid ikollok l-istess valuri u miri. Dan sempliċement m’huwiex possibbli maʼ persuna li m’għandhiex l-istess twemmin u livelli Skritturali li għandek int. Jekk tintrabat taħt madmad mhux indaqs maʼ wieħed tal-klassi li ma jemminx x’aktarx li se jħajrek tinvolvi ruħek fi prattiki ħżiena jew iħassarlek id-drawwiet tajbin li għandek.
Maria tgħallmet dan permezz t’esperjenza qarsa. In-natural soċjevoli tagħha għamilhielha faċli biex tiġbed il-ħbieb lejha, imma kien diffiċli għaliha biex tkun taf safejn għandha tasal. “Kont nieħu pjaċir bil-fatt li kulħadd, kemm is-subien u kemm il-bniet, kien jieħu gost fil-kumpanija tiegħi,” tammetti hi. “B’hekk, sibt ruħi qed nogħdos iktar u iktar fil-fond fit-tajn taʼ din id-dinja.”
Forsi int, bħal Maria, issibha diffiċli biex tinduna meta ħbiberija maʼ xi ħadd li m’għandux it-twemmin bħalek tkun saret intima wisq. Minkejja dan, tistaʼ tipproteġi lilek innifsek mill-uġigħ tal-qalb billi tqiegħed limiti ċari dwar lil min se tqisu bħala sempliċement xi ħadd li taf u lil min se tagħżlu bħala ħabib tal-qalb. Kif tistaʼ tagħmel dan?
Kif Tagħżel Ħbieb Tajbin
Bħalma ssemma qabel, Ġesù għamel ħbieb tal-qalb waqt li kien fuq l-art. Ġesù għamel dan billi għex ħajja onesta u tkellem dwar affarijiet spiritwali. Jekk in-nies kienu jaċċettaw it-tagħlim u l-mod taʼ ħajja tiegħu, huma kienu jersqu qrib tiegħu. (Ġwanni 15:14) Per eżempju, wara li semgħu lil Ġesù jitkellem, erbat irġiel tant tqanqlu li “abbandunaw kollox u marru warajh.” Dawn l-irġiel—Pietru, Xmun, Ġakbu, u Ġwanni—saru l-ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù.—Luqa 5:1-11; Mattew 4:18-22.
Il-kliem u l-azzjonijiet taʼ Ġesù għamluha ċara li hu kien serju dwar dak li kien jemmen fih u ma kien se jagħmel ebda kompromess. Dawk li ma ridux jaċċettaw lilu u lit-twemmin tiegħu telqu, u Ġesù ħalliehom jitilqu.—Ġwanni 6:60-66.
Per eżempju, is-sinċerità taʼ wieħed żagħżugħ verament qanqlet lil Ġesù. Il-Bibbja tgħid: “Ġesù ħares lejh, ħass imħabba għalih.” Imma meta dan ir-raġel sar jaf x’kien jistenna Ġesù mill-ħbieb tiegħu, hu “telaq.” Ir-raġel deher li kien persuna tajba—tabilħaqq, Ġesù “ħass imħabba għalih.” Madankollu, Ġesù rrikjeda iktar mill-ħbieb tiegħu. (Marku 10:17-22; Mattew 19:16-22) Xi ngħidu għalik?
Forsi tingwalaha maʼ sieħeb partikulari taʼ l-iskola. Imma, staqsi lilek innifsek: ‘Dan l-individwu lest biex jagħmel dak li Ġesù jikkmanda? Jixtieq jitgħallem dwar Ġeħova, il-wieħed li Ġesù qalilna biex inqimuh?’ (Mattew 4:10) Hekk kif titkellem maʼ sħabek tal-klassi u tgħix fi qbil mal-livelli tal-Bibbja, it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jidhru biċ-ċar.
Huwa tajjeb li tkun dħuli maʼ dawk tal-klassi, l-istess bħalma Ġesù kien dħuli maʼ kull tip taʼ nies. Imma Ġesù għamel ċert li l-ħbieb tal-qalb tiegħu kienu jħobbu lil Missieru tas-sema, Ġeħova. Int tistaʼ tagħmel l-istess. ‘Żomm kondotta tajba’ fl-iskola, u bit-tattika tkellem m’oħrajn dwar it-twemmin tiegħek. Fuq kollox, kun ċert li tagħżel l-aħjar tip taʼ ħbieb.—1 Pietru 2:12.
AĦSEB DWAR DAN
◼ Liema perikli hemm f’li tqattaʼ r-rikreazzjoni wara l-ħin taʼ l-iskola maʼ sieħeb tal-klassi li ma jemminx? Hija din deċiżjoni għaqlija?
◼ Wara li qrajt dan l-artiklu, tħoss li r-relazzjoni li għandek maʼ xi sieħeb jew sieħba tal-klassi saret intima wisq? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel dwar dan?
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 26]
KIF JISTAʼ JKOLLI ĦBIEB VERI?
Dan il-vidjo maħruġ mix-Xhieda taʼ Ġeħova fih intervisti onesti maʼ żgħażagħ mill-Istati Uniti, l-Italja, Franza, u Spanja. Huwa disponibbli b’36 lingwa.
[Stampa f’paġna 26]
Xi wħud minn sħabek tal-klassi jistgħu jkunu kurjużi dwar it-twemmin tiegħek