LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 12/8 pp. 8-12
  • Ħbieb Tajbin Ħbieb Ħżiena

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħbieb Tajbin Ħbieb Ħżiena
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bżonn taʼ Valuri Morali Għoljin
  • Ikkunsidra Xi Ħbieb Trid
  • L-​Iktar Affarijiet Importanti li Għandkom Taqblu Fihom
  • Benefiċċji minn Differenzi fl-​Età
  • Tejjeb il-​Ħbiberiji
  • Jistaʼ Jkollok Ħbieb Veri
  • Nissodisfaw ix-Xewqa Kbira Tagħna għall-Ħbiberija
    Stenbaħ!—2004
  • Agħżel Ħbieb Tajbin
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kif Nistaʼ Nagħmel Ħbieb Tajbin?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Kif Jistaʼ Jkollok Ħafna Ħbieb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 12/8 pp. 8-12

Ħbieb Tajbin Ħbieb Ħżiena

MARA żagħżugħa li se nagħtuha l-​isem taʼ Sara, fetħet qalbha dwar in-​niket tagħha. Wieħed raġel li ħasbitu ħabib spiċċa li kien qattiel. ‘Jekk xi ħadd li fdajt setaʼ jagħmel xi ħaġa bħal din, kif nistaʼ nasal biex nafda lil xi ħaddieħor?’ staqsiet hi. Dak li kienet qed tiftaħ qalbha miegħu staqsa lil Sara jekk kinitx taf x’tip taʼ valuri kellu dan ir-​raġel. Hi wieġbet, “X’jiġifieri?” Sara lanqas biss kienet taf x’ried ifisser bil-​kelma “valuri.” Xi ngħidu dwarek? Int taf x’inhuma l-​valuri taʼ ħbiebek?

It-tweġiba għal din il-​mistoqsija tistaʼ letteralment tfisser ħajja jew mewt, bħalma fil-​fatt turi l-​esperjenza taʼ Sara. Proverbju Bibliku jgħid: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.” (Proverbji 13:20) Madankollu, bħal Sara, ħafna nies jagħżlu l-​ħbieb tagħhom sempliċement fuq jekk “jingwalawhiex” magħhom jew le—kif iħossuhom meta jkunu fil-​kumpanija taʼ ħbiebhom. Naturalment aħna nieħdu gost nagħmluha maʼ persuni li jġagħluna nħossuna ferħanin. Iżda jekk din hija l-​unika raġuni għala nagħżlu l-​ħbieb tagħna, mingħajr ma nagħtu kas il-​kwalitajiet li jkollhom, nistgħu nkunu diżappuntati. Kif tistaʼ tkun taf jekk persuna għandhiex valuri tajbin jew le?

Il-​Bżonn taʼ Valuri Morali Għoljin

Biex nibdew, għandna bżonn ikollna valuri tajbin aħna stess. Għandna bżonn inkunu nafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u nżommu sod maʼ prinċipji morali għoljin il-​ħin kollu. Proverbju Bibliku ieħor jgħid: “Kif il-​ħadid isinn il-​ħadid, hekk bniedem jirfina lil sieħbu.” (Proverbji 27:17) Meta żewġt iħbieb ikollhom valuri morali għoljin, jistgħu jgħinu lil xulxin jimmaturaw u jsaħħu r-​rabta tal-​ħbiberija bejniethom.

Pacôme, li jgħix Franza, jgħid, “Għalija, ħabib veru huwa xi ħadd li jismagħni u li jkellimni bil-​ħlewwa iżda li jkun kapaċi wkoll li jikkoreġini meta nagħmel xi ħaġa stupida.” Iva, l-​aqwa ħbieb tagħna—kemm jekk għadhom żgħar u kemm jekk ikunu kbar fl-​età—huma dawk li jgħinuna nimxu fid-​direzzjoni t-​tajba u li lesti jikkoreġuna meta nkunu se nagħmlu xi ħaġa bla għaqal. Il-​Bibbja tgħid: “Fidili l-​ġrieħi taʼ ħabib.” (Proverbji 27:​6, Karm Żammit) Biex insaħħu lilna nfusna moralment u spiritwalment, għandna bżonn nassoċjaw maʼ oħrajn li għandhom imħabba għal Alla u għall-​prinċipji tiegħu. “Meta ma kien hemm ħadd fl-​iskola tiegħi li kellu l-​istess valuri u twemmin Kristjan bħali,” tiftakar Céline, li toqgħod Franza, “tgħallimt l-​importanza li jkolli ħbieb veri fil-​kongregazzjoni Kristjana. Għenuni immens sabiex inżomm il-​bilanċ.”

Ikkunsidra Xi Ħbieb Trid

Jekk int interessat li tibda ħbiberija maʼ xi ħadd li għadek kif iltqajt miegħu, għandek mnejn tkun tixtieq tistaqsi lilek innifsek, ‘Min huma l-​ħbieb tiegħu jew tagħha?’ It-​tip taʼ ħbieb li persuna jkollha jgħid ħafna dwar il-​persuna nfisha. Ukoll, x’opinjoni għandhom dwaru nies maturi u rispettabbli fil-​komunità? Barra minn hekk, huwa għaqli li mhux biss nikkunsidraw kif jittrattawna dawk li rriduhom li jkunu l-​ħbieb tagħna, iżda wkoll kif huma jittrattaw lil ħaddieħor, b’mod speċjali lil dawk li ma tantx għandhom x’jiggwadanjaw minnhom. Jekk persuna ma turix kwalitajiet tajbin—bħall-​onestà, l-​integrità, il-​paċenzja, u l-​konsiderazzjoni—il-​ħin kollu u maʼ kulħadd, x’garanzija hemm li din il-​persuna se tittratta lilek kif suppost?

Sabiex issir taf il-​karattru veru taʼ xi ħadd hemm bżonn taʼ paċenzja u kapaċità, flimkien maʼ ħin biex tosserva l-​persuna fil-​ħajja taʼ kuljum. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħsieb f’moħħ il-​bniedem bħall-​ilma f’bir fond; min moħħu jilħaqlu jaf joħroġhulu.” (Proverbji 20:5) Ma dawk li rriduhom ikunu l-​ħbieb tagħna għandna nitkellmu dwar suġġetti importanti—suġġetti li juruna l-​personalità, il-​motivi, u iva, il-​valuri veri tagħhom. X’tip taʼ persuni huma? Qalbhom tajba jew indifferenti? Ikunu taʼ spiss pożittivi u ferħana jew huma negattivi u sarkastiċi? Altruisti jew egoisti? Tistaʼ tafdahom jew le? Jekk persuna titkellem b’mod kritiku dwar oħrajn miegħek, x’se jżommha milli titkellem b’mod negattiv dwarek minn warajk? “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm,” qal Ġesù. (Mattew 12:34) Għandna nagħtu kas x’joħroġ mill-​fomm għax dan jgħidilna x’tip taʼ persuni jkunu dawk li qed jitkellmu.

L-​Iktar Affarijiet Importanti li Għandkom Taqblu Fihom

Xi wħud jaħsbu li l-​ħbieb tagħhom għandhom ikollhom l-​istess gosti li għandhom huma. Wieħed tifel żgħir qal li hu qatt ma setaʼ jkun ħabib taʼ xi ħadd li ma jħobbx il-​ħelu. Huwa veru li l-​ħbieb għandhom ikollhom ħafna affarijiet li jaqblu fihom biex b’hekk ikunu jistgħu jifhmu lil xulxin, u huwa importanti li jkollhom l-​istess valuri morali u spiritwali bażiċi. Iżda m’hemmx għalfejn ikollhom eżatt l-​istess personalità jew trobbija. Fil-​fatt, esperjenzi differenti fil-​ħajja jistgħu jsaħħu l-​ħbiberija u jġibu benefiċċji lit-​tnejn.

Żewġ eżempji taʼ l-​imgħoddi taʼ ħbiberija li nsibu fil-​Bibbja huma bejn Ġonatan u David, u bejn Rut u Nagħomi, li kollha kellhom devozzjoni simili lejn Alla u lejn il-​prinċipji tiegħu.a B’mod sinifikanti, fiż-​żewġ każi, il-​ħbieb kellhom differenzi kbar fl-​età u fit-​trobbija. Għalhekk dan jgħallimna xi ħaġa dwar il-​ħbiberija: Kemm iż-​żgħar u kemm il-​kbar għandhom ħafna x’joffru lil xulxin bħala ħbieb.

Benefiċċji minn Differenzi fl-​Età

Jekk ikollna ħbieb kemm akbar u kemm iżgħar minna, dan se jkun taʼ benefiċċju għal kulħadd. Ikkunsidra l-​espressjonijiet li ġejjin minn xi żgħażagħ li huma bbażati fuq l-​esperjenza persunali tagħhom.

Manuela (Italja): “Xi ftit żmien ilu għamilt ħbieb maʼ koppja adulta. Ftaħt qalbi magħhom, u dak li għamilni ferħana huwa li anki huma fetħu qalbhom miegħi. Kienu japprezzawni avolja kont żgħira. Dan ħeġġiġni sabiex ninġibed lejhom. Il-​ħbiberija tagħhom hija taʼ għajnuna kbira meta nesperjenza l-​problemi. Ninnota li meta niddiskuti l-​problemi tiegħi maʼ persuni li għandhom l-​istess età tiegħi, xi drabi l-​ħbieb daqsi jagħtuni pariri li ma tantx huma maħsubin sew. Iżda l-​ħbieb tiegħi li huma akbar minni għandhom l-​esperjenza, huma diskreti, u għandhom ċertu sens taʼ bilanċ li aħna ż-​żgħar għad m’għandniex. Bl-​għajnuna tagħhom jirnexxili nieħu deċiżjonijiet aħjar.”

Zuleica (Italja): “Fil-​laqgħat soċjali ninkludu mhux biss iż-​żgħar iżda wkoll xi wħud li huma akbar minna. Personalment innotajt li meta l-​kbar u ż-​żgħar jiltaqgħu flimkien, ilkoll inħossuna inkuraġġiti ħafna fl-​aħħar tas-​serata. Aħna nieħdu gost għax kulħadd iħares lejn l-​affarijiet b’mod daqsxejn differenti.”

Intom il-​kbar ukoll tistgħu turu interess f’uħud iżgħar minnkom. Bħalma wrew il-​kummenti taʼ qabel, ħafna miż-​żgħar japprezzaw ferm l-​esperjenza kbira tagħkom u jieħdu gost bil-​kumpanija tagħkom. Amelia, armla li għandha fuq it-​80 sena, tgħid: “Jien nieħu l-​inizjattiva biex inżomm kuntatt maʼ wħud iżgħar. L-​enerġija u l-​vitalità tagħhom tgħollili l-​moral!” Ir-​riżultati tajbin li jiġu minn inkuraġġiment bħal dan jistgħu jkollhom effett kbir. Ħafna adulti żgħażagħ jagħtu l-​kredtu għas-​suċċess tagħhom lil ħbiebhom li kienu ftit akbar minnhom u li kienu taʼ eżempju tajjeb u tawhom pariri tajbin.

Tejjeb il-​Ħbiberiji

Sabiex ikollok ħbieb veri, m’għandikx għalfejn tagħmel ħbieb ġodda. Jekk diġà għandek ħbieb taʼ min jistmahom, għala ma tarax x’tistaʼ tagħmel sabiex issaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek magħhom? Ħbieb antiki huma b’mod partikulari teżor prezzjuż, u għandna nittrattawhom b’dan il-​mod. Apprezza l-​ħbiberija tagħhom.

L-iktar importanti, ftakar li l-​ferħ veru u l-​ħbiberija vera jiġu milli tagħti minnek innifsek, mill-​ħin tiegħek, u mir-​riżorsi tiegħek. Il-​barkiet huma ħafna iktar mill-​isforzi u s-​sagrifiċċji li trid tagħmel. Madankollu, jekk taħseb biss dwarek innifsek, meta tiġi biex tagħżel il-​ħbieb, qatt m’hu se jkollok suċċess. Għalhekk, meta tkun qed taħseb biex ikollok il-​ħbieb, tagħżilx biss lil dawk li tammira jew tħares lejn dawk li se takkwista xi ħaġa mingħandhom. Fittex lil dawk li oħrajn forsi ma jagħtux daqshekk kashom jew li huma stess għandhom diffikultà biex jagħmlu ħbieb. Gaëlle, li toqgħod Franza, tgħid: “Meta nkunu qegħdin niġbru grupp biex nagħmlu xi ħaġa u nkunu nafu b’xi żgħażagħ li jħossuhom waħedhom, nistidnuhom biex jiġu magħna. Aħna ngħidulhom: ‘Żgur li ma tixtieqx toqgħod id-​dar waħdek. Tistaʼ tiġi magħna. Ejja nsiru nafu lil xulxin.’”​—Luqa 14:​12-14.

Mill-banda l-​oħra, meta nies tajbin jestendu l-​ħbiberija, taqbadx u tirrifjutaha. Elisa, li toqgħod l-​Italja, tinnota: “Forsi tħossok daqsxejn imdejjaq meta tħoss li fil-​passat ġejt eskluż. Forsi tibda taħseb, ‘Wara kollox, il-​ħbiberiji m’humiex daqshekk importanti għalija.’ Għalhekk tingħalaq fik innifsek, tibda tħossok waħdek, u tibda taħseb biss dwarek innifsek. Minflok ma tfittex il-​ħbieb, ittellaʼ ħajt.” Mela minflok ma tħalli l-​biżaʼ jew l-​interess egoistiku tiegħek iżommok lura milli tagħmel il-​ħbieb, iftaħ qalbek m’oħrajn. Għandna għalxiex inħossuna grati meta xi ħadd tant jinteressa ruħu fina li jixtieq ikun il-​ħabib tagħna.

Jistaʼ Jkollok Ħbieb Veri

Biex ikollok il-​ħbieb tinħtieġ iktar milli sempliċement xewqa, stennija, u qari t’artikli bħal dawn. Li titgħallem tagħmel il-​ħbieb huwa bħal meta titgħallem tirkeb ir-​rota. Ma nistgħux nitgħallmu dawn it-​tnejn sempliċement billi naqraw il-​kotba. Irridu noħorġu u nipprattikaw, anki jekk dan ifisser li xi drabi naqgħu. Il-​Bibbja turi li r-​relazzjonijiet b’saħħithom huma dawk li jkollhom ħbiberija m’Alla. Iżda Alla ma jistax ibierek l-​isforzi tagħna biex nagħmlu l-​ħbieb jekk ma nagħmlux l-​isforz tagħna. Int determinat li jkollok ħbieb veri? Taqtax qalbek! Itlob għall-​għajnuna t’Alla, ħu l-​inizjattiva, u kun ħabib.

[Nota taʼ taħt]

a Tistaʼ taqra dwar dawn il-​ħbiberiji fil-​kotba Bibliċi taʼ Rut, l-​Ewwel Samwel, u t-​Tieni Samwel.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 11]

Suġġeriment lill-​Ġenituri

Bħal ħafna lezzjonijiet oħra, huwa mill-​familja tiegħek stess li titgħallem l-​ewwel dwar il-​ħbiberiji. Idealment, il-​ħajja tal-​familja timla l-​bżonnijiet li t-​tfal żgħar ikollhom għall-​ħbiberija. Anki jekk inhu hekk, il-​ħsieb, is-​sentimenti, u l-​aġir tat-​tfal jiġu effettwati ħafna mill-​kuntatt li jkollhom maʼ persuni oħrajn. Ikkunsidra, per eżempju, kif ħafna tfal żgħar taʼ l-​immigranti jitgħallmu jitkellmu lingwa ġdida malajr sempliċement għax ikollhom kuntatt maʼ tfal oħra.

Bħala ġenituri, għandkom il-​privileġġ li tgħinu lit-​tfal tagħkom biex jagħżlu ħbiebhom bil-​għaqal. It-​tfal żgħar u l-​adoloxxenti m’humiex preparati tajjeb biex jagħmlu dan mingħajr il-​gwida tal-​ġenituri. Madankollu, hemm problema. Ħafna żgħażagħ iħossuhom eqreb taʼ żgħażagħ oħra taʼ l-​istess età milli tal-​ġenituri tagħhom jew taʼ xi ħadd akbar.

Xi esperti jaħsbu li raġuni waħda għala ż-​żgħażagħ ifittxu lil dawk taʼ mparhom iktar milli lill-​ġenituri tagħhom hi minħabba li ħafna ġenituri m’humiex ċerti mill-​awtorità morali tagħhom stess. Il-​ġenituri għandhom jikkooperaw mar-​responsabbiltà li tahom Alla biex jagħmlu sforz u jagħtu gwida lit-​tfal tagħhom. (Efesin 6:​1-4) Iżda kif? Ron Taffel, tabib u terapista tal-​familja, jiltaqaʼ maʼ ħafna ġenituri li ma jafux kif għandhom jaġixxu mat-​tfal adoloxxenti tagħhom. Hu jikteb li ħafna iktar “jagħtu kas taʼ l-​informazzjoni li jagħtu l-​mezzi tax-​xandir dwar it-​trobbija tat-​tfal” milli taʼ kif ikunu ġenituri għat-​tfal tagħhom. Għala jiddeċiedu li jagħmlu dan? “Huma ma jafux lil uliedhom daqstant tajjeb biex ikunu jistgħu jifhmuhom u jgħinuhom.”

Il-​ġenituri jistgħu jkollhom relazzjonijiet tajbin mat-​tfal adoloxxenti tagħhom. Il-​ġenituri għandhom jifhmu li t-​tfal se jfittxu lil ħbiebhom jekk ma jirċivux dak li għandhom bżonn mid-​dar. U dan x’inhu? “Għandhom bżonn dak kollu li ż-​żgħażagħ dejjem kellhom bżonn: l-​imħabba, l-​apprezzament, is-​sigurtà, l-​ispjegazzjoni ċara tar-​regoli u taʼ dak li huwa mistenni minnhom, u li jħossuhom aċċettati,” jgħid Taffel. “It-​traġedja fi żmienna hija li bosta mill-​adoloxxenti ma jingħatawx dawn il-​bżonnijiet bażiċi mill-​adulti u ma jħossuhomx tassew aċċettati mill-​familji tagħhom stess.”

Kif tistaʼ tgħin lil uliedek fejn tidħol il-​ħbiberija? L-​ewwelnett għandek tikkunsidra l-​ħajja u l-​ħbiberiji tiegħek stess. Huma l-​miri u l-​mod taʼ ħajja tiegħek u taʼ ħbiebek tajbin u bla egoiżmu? Huma spiritwali u mhux materjalistiċi? “Dak li tagħmel huwa iktar importanti minn dak li tgħid, u t-​tfal tiegħek taʼ spiss jinnotaw l-​attitudnijiet u l-​azzjonijiet li jaraw fik, fil-​ħbieb tiegħek, u fit-​tfal tal-​ħbieb tiegħek,” jinnota Douglas, missier u anzjan Kristjan.

Anki l-​annimali taʼ spiss jipproteġu lill-​frieħ tagħhom minn annimali perikolużi. Espert taʼ l-​orsijiet jirrapporta: “Fost l-​orsijiet, l-​ommijiet huma magħrufin għal kemm jipproteġu liż-​żgħar tagħhom minn kull tip taʼ periklu.” M’għandhomx il-​ġenituri jagħmlu l-​istess? Ruben, li joqgħod l-​Italja, jgħid: “Il-​ġenituri tiegħi rraġunaw miegħi mill-​Iskrittura. Għenuni nifhem li kien ikun aħjar li nevita ċertu tip taʼ kumpanija. L-​ewwel reazzjoni tiegħi kienet: ‘Ara daqsxejn! Ma jistax ikolli ħbieb!’ Iżda ż-​żmien jagħti parir, u maż-​żmien irrealizzajt li kellhom raġun. Grazzi għall-​paċenzja tagħhom, ġejt protett.”

Ukoll, għin lit-​tfal tiegħek sabiex ikollhom kuntatt maʼ persuni li huma taʼ eżempju u li se jgħinuhom biex jagħmlu miri tajbin għalihom infushom. Francis, żagħżugħ ferrieħi u li rnexxa, jiftakar: “Ommi nnotat li aħna ż-​żgħażagħ konna qegħdin ninqatgħu għalina, għalhekk għenitna billi stiednet lil xi ħbieb li kienu attivi ħafna fil-​ministeru Kristjan b’mod full-time. B’hekk stajna nsiru nafu u nagħmlu ħbieb magħhom f’darna stess.” Billi tagħmel sforzi bħal dawn, it-​tfal tiegħek se jsibu f’darhom stess post fertili ħafna fejn jikbru u jiffjorixxu ħbiberiji tajbin.

[Stampa f’paġna 9]

Agħti kas kif iġib ruħu xi ħadd li tkun tridu bħala l-​ħabib tiegħek

[Stampa f’paġna 10]

Ħbiberiji altruistiċi jibqgħu sodi minkejja d-​differenzi fl-​età u fit-​trobbija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja