LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 12/8 pp. 13-15
  • Kif Nistaʼ Nirkupra minn Xi Falliment?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nirkupra minn Xi Falliment?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kun Af il-​Limiti Tiegħek
  • Meta Oħrajn Jistennew Ħafna Minnek
  • “Falliment” fil-​Ħajja Spiritwali Tiegħek
  • Żbalji Serji
  • Kif Tagħmel Progress Wara Falliment
  • Kif Nistaʼ Nippriedka lil Sħabi taʼ l-Iskola?
    Stenbaħ!—2002
  • Kif Nistaʼ Nsir Naf Aħjar lill-Ġenituri Tiegħi?
    Stenbaħ!—2010
  • Kif Nistaʼ Nevita li Naħseb Ħażin?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Jistaʼ Jkolli Iktar Fiduċja Fija Nnifsi?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 12/8 pp. 13-15

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nirkupra minn Xi Falliment?

“Għadni kif irċivejt ir-​riżultat taʼ kif mort fl-​iskola matul dawn l-​aħħar ftit xhur, u rġajt m’għaddejtx mill-​istess erbaʼ suġġetti. Ipprovajt, imma rġajt m’għaddejtx.”​— Lauren, 15-il sena.

“Verament huwa diffiċli li tkampa mal-​falliment. Malajr tistaʼ tibda taħseb b’mod negattiv.”​— Jessica, 19-il sena.

IL-​FALLIMENT. Forsi lanqas biss tieħu gost taħseb dwar din il-​kelma. Imma minn żmien għal żmien ilkoll niffaċċjawh. Kemm jekk ma tgħaddix minn xi eżami fl-​iskola, kemm jekk tagħmel jew tgħid xi ħaġa li timbarazzak, kemm jekk tiddiżappunta lil xi ħadd li tħobb, u kemm jekk tikkommetti dnub serju li jinvolvi l-​moralità, il-​falliment jistaʼ jkissrek.

M’għandniex xi ngħidu, il-​bnedmin kollha jagħmlu żbalji. Il-​Bibbja tgħid: “Għax kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rumani 3:​23) Però, xi wħud minna jsibuha diffiċli biex jerġgħu jirkupraw meta jaqgħu. Żagħżugħ jismu Jason jgħid: “Jien nikkritika lili nnifsi bl-​aħrax. Jekk nagħmel żball, in-​nies forsi jidħqu​—imma mbagħad jinsew. Jien ma ninsiex, u nibqaʼ naħseb dwar dak li nkun għamilt.”

Mhux dejjem ħażin li taħseb dwar in-​nuqqasijiet tiegħek​—speċjalment jekk dan iġagħlek issir persuna aħjar. Madankollu, jekk tikkritika lilek innifsek għal perijodu twil u b’mod konsistenti jistaʼ jkun taʼ ħsara u jwaqqfek milli tilħaq miri oħra. Proverbji 12:25 jgħid: “L-​inkwiet ikiddha qalb il-​bniedem.”

Ikkunsidra raġel fil-​Bibbja jismu Epafroditu. Hu ntbagħat Ruma biex jaqdi bħala l-​assistent persunali taʼ l-​appostlu Pawlu. Madankollu, Epafroditu marad u ma setax iwettaq l-​inkarigu tiegħu. Fil-​fatt, Pawlu spiċċa jieħu ħsiebu hu! Pawlu rranġa biex Epafroditu jmur lura d-​dar, u informa lill-​kongregazzjoni lokali li dan ir-​raġel leali kien qed iħossu dipress. Għaliex? Pawlu spjega: “Smajtu li kien marad.” (Filippin 2:​25, 26) Meta Epafroditu rrealizza li oħrajn kienu jafu li kien marid u ma setax iwettaq l-​inkarigi tiegħu, għandu mnejn ħass li kien falla. Mhux taʼ b’xejn li ħassu dipress!

Hemm xi mod kif tevita l-​uġigħ li jikkaġuna l-​falliment?

Kun Af il-​Limiti Tiegħek

Mod wieħed kif tnaqqas iċ-​ċans taʼ falliment hu li tagħmel miri raġunevoli u modesti. Il-​Bibbja tgħid: “L-​umli jkollhom l-​għerf.” (Proverbji 11:2; 16:18) U bniedem umli jaf il-​limitazzjonijiet tiegħu. Huwa minnu li xi kultant tajjeb li tisfida lilek innifsek sabiex ittejjeb l-​abbiltajiet tiegħek. Imma kun realistiku. Forsi m’intix espert fil-​matematika jew m’għandikx il-​grazzja u l-​koordinazzjoni t’atleta mill-​aħjar. Żagħżugħ jismu Michael jammetti: “Naf li miniex tajjeb fl-​isports. Xorta nieħu sehem, imma nkun preparat li miniex se mmur daqstant tajjeb.” Hu jispjega: “Għandek tagħmel miri li int kapaċi tilħaqhom.”

Ikkunsidra l-​attitudni taʼ Yvonne li għandha 14-il sena u li tbati mill-​marda spina bifida u paralisi ċerebrali. “Ma nistax nimxi jew niżfen jew niġri bħal oħrajn,” tgħid Yvonne. “Inħossni frustrata li ma nistax nagħmel dak li jagħmlu oħrajn. In-​nies ġeneralment ma jifhmunix. Imma jirnexxili nkampa maʼ dawn l-​emozzjonijiet.” X’parir tagħti? “Tiqafx. Erġaʼ ipprova. Jekk tfalli jew tmur ħażin, taqtax qalbek. Ibqaʼ agħmel l-​aħjar li tistaʼ.”

Fl-istess ħin, titturmentax lilek innifsek billi toqgħod tqabbel l-​abbiltajiet tiegħek maʼ t’oħrajn. Andrew, li għandu 15-il sena, jgħid, “Jien nipprova nevita li nqabbel lili nnifsi maʼ xi ħaddieħor għax ilkoll għandna saħħa u abbiltà differenti.” Il-​kummenti t’Andrew jaqblu mal-​kliem tal-​Bibbja li nsibu f’Galatin 6:4: “Imma kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”

Meta Oħrajn Jistennew Ħafna Minnek

Però, xi kultant oħrajn jistennew iżżejjed minnek​—nies bħall-​ġenituri, l-​għalliema, u oħrajn. U tirrealizza li tipprova kemm tipprova, ma tistax togħġobhom. Tħossok iktar skuraġġit meta dawn l-​uħud jesprimu d-​diżappunt tagħhom fi kliem li jirritak jew saħansitra jkissrek. (Ġob 19:2) X’aktarx li tirrealizza li l-​ġenituri u oħrajn mhux qed jipprovaw iweġġgħuk apposta. Bħalma tosserva Jessica, “ħafna drabi lanqas biss jirrealizzaw kif qed jeffettwawk. Kultant ikun sempliċement nuqqas taʼ ftehim.”

Mill-banda l-​oħra, jistaʼ jkun li huma qed jaraw fik xi ħaġa li int mhux qed taraha? Per eżempju, forsi m’għandikx fiduċja fik innifsek u m’intix tapprezza biżżejjed l-​abbiltajiet li għandek. Minflok ma tinjora l-​kummenti tagħhom, tagħmel tajjeb li ‘tismaʼ t-​tagħlim.’ (Proverbji 8:​33) Michael jispjega: “Huwa għall-​ġid tiegħek stess. Huma jriduk tagħmel l-​aħjar li tistaʼ, iriduk tagħmel progress. Ikkunsidra dan bħala sfida.”

Però, xi ngħidu jekk tħoss li dak li qed jitolbu minnek il-​ġenituri u oħrajn sempliċement m’huwiex raġunevoli​—li fl-​aħħar mill-​aħħar ħa jwasslek għall-​falliment? Mela mbagħad ikun għaqli li tkellimhom​—bir-​rispett, imma b’sinċerità​—u tgħidilhom kif qed tħossok. Flimkien forsi tkunu tistgħu tagħmlu xi miri li huma iktar realistiċi.

“Falliment” fil-​Ħajja Spiritwali Tiegħek

Fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, iż-​żgħażagħ għandhom l-​isfida li jwettqu l-​inkarigi tagħhom bħala ministri t’Alla. (2 Timotju 4:5) Jekk int Kristjan żagħżugħ, forsi kultant ma tħossokx kapaċi. Forsi tħoss li ma tantx tmur tajjeb fil-​kummenti tiegħek fil-​laqgħat. Jew forsi għandek diffikultà biex tispjega l-​messaġġ tal-​Bibbja lil oħrajn. Per eżempju, Jessica kienet tistudja l-​Bibbja maʼ tfajla żagħżugħa oħra. Għal xi żmien l-​istudenta tagħha tal-​Bibbja għamlet progress. Però, f’daqqa waħda t-​tfajla ddeċidiet li ma riditx taqdi lil Alla. Jessica tiftakar, “Ħassejt li kont fallejt.”

Jessica kif kampat maʼ dawn is-​sentimenti? L-​ewwelnett, kellha tirrealizza li l-​istudenta tagħha kienet ċaħdet lil Alla u mhux lilha. Kif ukoll, sabet t’għajnuna li timmedita fuq l-​eżempju Bibliku taʼ Pietru, raġel li kellu l-​biżaʼ t’Alla imma li kellu diversi nuqqasijiet. Hi tispjega, “Il-​Bibbja turi li Pietru għeleb in-​nuqqasijiet tiegħu, u ntuża minn Ġeħova f’diversi modi biex javanza l-​interessi tas-​Saltna.” (Luqa 22:​31-34, 60-62) M’għandniex xi ngħidu, jekk l-​abbiltajiet tiegħek bħala għalliem għandhom bżonn jitjiebu, għala ma tistinkax iżjed f’dan? (1 Timotju 4:​13) Uża l-​għajnuna li joffru wħud maturi fil-​kongregazzjoni li jistgħu jgħallmuk u jħarrġuk.

Però, forsi huwa l-​ministeru minn bieb għal bieb li ssib taʼ sfida. Jason jammetti, “Kull bieb li jingħalaq inħoss li hu falliment żgħir.” Kif ikampa? “Irrid niftakar li ma kienx tassew falliment.” Iva, hu rnexxielu jagħmel dak li Alla kkmandah​—li jippriedka! U filwaqt li diffiċli taċċetta ċaħda, mhux kulħadd se jiċħad il-​messaġġ tal-​Bibbja. “Meta nsib lil xi ħadd li jrid jismaʼ,” jgħid Jason, “imbagħad naf li l-​isforz li nagħmel mhux għalxejn.”

Żbalji Serji

Xi ngħidu jekk tagħmel żball serju​—jew saħansitra tikkommetti dnub serju? Ana, li għandha 19-il sena, għamlet żball bħal dan.a Hi tammetti, “Jien iddiżappuntajt lill-​kongregazzjoni, lill-​familja tiegħi, u speċjalment lil Alla Ġeħova.” Biex tfiq, għandek bżonn tindem u tfittex l-​għajnuna taʼ rġiel spiritwali fil-​kongregazzjoni. (Ġakbu 5:​14-16) Ana tiftakar il-​kliem t’anzjan minnhom li kien t’għajnuna ħafna: “Hu qalli li minkejja l-​affarijiet ħżiena kollha li għamel is-​Sultan David, Ġeħova xorta kien lest li jaħfirlu, u David fieq. Dan għenni ħafna.” (2 Samwel 12:​9, 13; Salm 32:5) Għandek ukoll tagħmel dak kollu possibbli biex terġaʼ tibni lilek innifsek spiritwalment. “Jien qrajt il-​ktieb tas-​Salmi darba wara l-​oħra,” tgħid Ana, “u għandi djarju fejn nikteb skritturi inkuraġġanti.” Maż-​żmien, wieħed jistaʼ jfiq anki minn dnub serju. Proverbji 24:16 jgħid: “Mqar jekk il-​ġust jaqaʼ sebaʼ darbiet, dejjem jerġaʼ jqum.”

Kif Tagħmel Progress Wara Falliment

M’għandniex xi ngħidu, anki meta tfalli f’xi ħaġa żgħira, xorta tistaʼ tweġġaʼ. X’jistaʼ jgħinek tegħleb dawn is-​sentimenti? L-​ewwelnett, iffaċċja n-​nuqqasijiet tiegħek b’mod realistiku. Michael jirrikkmanda: “Minflok ma toqgħod taħseb fik innifsek bħala falliment totali, iffoka fuq dak li fallejt fih u għala. B’hekk tkun tistaʼ tmur aħjar darb’oħra.”

Kif ukoll, evita li tkun konċernat iżżejjed dwar is-​sentimenti tiegħek. Hemm “żmien li tidħak”​—u dan forsi jinkludi li tidħaq bik innifsek! (Koħèlet 3:4) Jekk tħossok skuraġġit, dawwar l-​attenzjoni tiegħek lejn xi ħaġa li taf tagħmel sew, bħal xi passatemp jew xi sport. Li tkun ‘għani f’għemejjel tajbin’—bħal li taqsam il-​fidi tiegħek m’oħrajn​—jistaʼ jgħinek tħossok iktar pożittiv dwarek innifsek.​—1 Timotju 6:​18.

Fl-aħħarnett, ftakar li “ħanin u twajjeb il-​Mulej . . . Ma joqgħodx jitlewwem magħna.” (Salm 103:​8, 9) Jessica tgħid, “Jien inħoss li iktar ma nersaq qrib lejn Alla Ġeħova, iktar se nħossni fiduċjuża dwar l-​appoġġ u l-​għajnuna tiegħu fi kwalunkwe ħaġa li ngħaddi minnha.” Iva, hu taʼ faraġ li tkun taf li minkejja n-​nuqqasijiet tiegħek, Missierek tas-​sema jqisek taʼ valur.

[Nota taʼ taħt]

a Isimha ġie mibdul.

[Stampa f’paġna 14]

Jekk tħoss li oħrajn qed jistennew iżżejjed minnek, sib mod kif titkellem magħhom bir-​rispett

[Stampa f’paġna 15]

Jekk taħdem fuq affarijiet li taf tagħmel sew, dawn jistgħu jgħinuk twarrab sentimenti taʼ falliment

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja