Il-Hanbok il-Kostum Nazzjonali tal-Korea
Minn kittieb għal Stenbaħ! fir-Repubblika tal-Korea
GĦALL-KOREANI, il-ħwejjeġ m’humiex sempliċement għata għall-ġisem. Eżempju taʼ dan huwa l-kostum tradizzjonali Korean imsejjaħ hanbok.
Tifsila Unika
Il-hanbok huwa fformat minn ġakketta forma taʼ bolero u dublett twil taʼ proporzjonijiet uniċi.a F’xi każi, id-dublett hu erbaʼ darbiet itwal mill-ġakketta. Minħabba f’hekk, anki mara qasira tidher itwal meta tilbes il-hanbok.
Il-hanbok għandu tondjaturi sottili u tifsila sempliċi. Il-kmiem tal-ġakketta jinfetħu bħal ġwienaħ, filwaqt li d-dublett jibda minn taħt id-dirgħajn u jiftaħ ftit ftit u jibqaʼ nieżel b’mod eleganti sa l-art. Fuq is-sider hemm tip taʼ ċoff mhux tas-soltu, li t-truf tiegħu jibdew mill-għoqda u jibqgħu neżlin minn fuq il-ġakketta sa kważi l-għekiesi. Ħafna hanboks għandhom ukoll disinji ġeometriċi sbieħ jew disinji taʼ fjuri rrakkmati mad-dawra taʼ l-għonq u fuq il-pulzieri tal-ġakketta kif ukoll fuq id-dublett. Iva, il-proporzjonijiet, it-tifsila, u l-kuluri tal-hanbok kollha jingħaqdu flimkien biex jagħmluh verament eleganti!
Kostum Adattabbli
Il-ġmiel tal-hanbok jiżdied meta tqis kemm għandu għamla prattika. Peress li ġeneralment il-hanbok hu magħmul minn fibri naturali, jistaʼ faċilment jintlibes is-sena kollha. Per eżempju, hanbok li jkun magħmul minn fibri tal-pjanti bħall-qanneb ikollu ventilazzjoni tajba u jgħin lil min jilbsu biex iżomm frisk fis-sajf, avolja l-hanbok jgħatti kważi l-ġisem kollu. Tipi oħrajn taʼ materjal iżommu s-sħana tal-ġisem, u b’hekk ikunu iktar addattati għax-xitwa.
Il-hanbok huwa wkoll komdu. Dan l-aspett m’għandux x’jaqsam mal-moda iżda ġej minn bżonn prattiku li kien jeżisti sekli ilu meta ż-żwiemel kienu jintużaw ħafna f’dan ir-reġjun. Ir-rivista Culture & I tgħid: “Dan l-ilbies ġie żviluppat biex ikun addattat għall-klima kiesħa u għall-attivitajiet tal-kaċċa u tal-ħajja tan-nomadi.” Għalhekk, ir-rikkieba Koreani taż-żwiemel kienu jevitaw kwalunkwe lbies li kien itellifhom fix-xogħol tagħhom. Tabilħaqq, il-Koreani li jieħdu gost jilbsu l-hanbok illum għandhom ikunu grati lejn l-antenati tagħhom għall-kumdità fiżika li dan jagħtihom!
Fattur interessanti ieħor tal-hanbok hu t-tradizzjoni antika taʼ l-użu taʼ kuluri għal skopijiet simboliċi. Fil-passat, il-klassi taʼ ħakkiema Koreani spiss kienu jilbsu kuluri attraenti, filwaqt li normalment ir-raħħala kienu jilbsu l-abjad. Ukoll, xebba kienet tingħaraf billi tilbes taħlita taʼ isfar u aħmar. Wara li tiżżewweġ, il-kulur tal-hanbok tagħha kien jirrifletti l-istat soċjali taʼ żewġha. Illum, meta jiżżewweġ xi ħadd, omm l-għarusa suppost tilbes libsa roża, filwaqt li omm l-għarus normalment tilbes libsa blu. Ċertament li b’din id-drawwa jkun faċli li tidentifikahom.
Il-Hanbok Illum
Wara l-Gwerra tal-Korea (1950-53), saret kampanja taʼ modernizzazzjoni. Bħala riżultat, sa l-1970 il-hanbok ma baqax moda u l-istil taʼ lbies tal-Punent ħadlu postu. Minħabba f’hekk, dak li kien ilbies li jintlibes kuljum spiċċa fil-gwardarobba, u sar jintlibes biss f’xi okkażjoni speċjali bħal xi tieġ.
Iżda, fis-snin reċenti, il-hanbok qed jerġaʼ jsir popolari. Per eżempju, fl-1996 sar sforz biex iħajru lin-nies jerġgħu jibdew jilbsu dan l-ilbies meta l-ewwel Sibt tax-xahar ġie dikjarat bħala “l-jum li fih jintlibes il-hanbok.” Il-manifatturi tal-ħwejjeġ introduċew hanboks ġodda disinjati b’mod speċjali biex jappellaw għaż-żgħażagħ. Milli jidher huwa taʼ sodisfazzjon emozzjonali li terġaʼ tibda ssegwi t-tradizzjonijiet antiki, għax il-hanbok modern għamel suċċess kbir. F’era meta ħafna mill-istili moderni taʼ lbies jenfasizzaw is-senswalità, il-hanbok huwa eżempju pjaċevoli taʼ lbies sabiħ u modest.—1 Timotju 2:9.
[Nota taʼ taħt]
a Filwaqt li hemm stili tal-hanbok kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, id-diskussjoni tagħna tiffoka fuq tan-nisa.