LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/08 pp. 4-7
  • Alla u Kristu Kif Iqisuhom lin-Nisa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla u Kristu Kif Iqisuhom lin-Nisa?
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nisa li Kellhom Protezzjoni Divina
  • Il-​“Mara taʼ Ħila”
  • Onorawhom
  • Nisa Kristjani Jixirqilhom Unur u Rispett
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • L-Irwol Dinjituż tan-Nisa Fost il-Qaddejja Bikrin t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Alla Jrid li n-Nisa Jiġu Rrispettati
    Artikli għall-Istudju minn “Torri tal-Għassa” bl-Ingliż tal-2012
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 4/08 pp. 4-7

Alla u Kristu Kif Iqisuhom lin-​Nisa?

KIF jistaʼ jkollna l-​istampa kollha taʼ kif Alla Ġeħova jqis lin-​nisa? Mod wieħed hu billi neżaminaw l-​attitudni u l-​kondotta taʼ Ġesù Kristu, li hu “x-​xbieha t’Alla li ma jidhirx” u li jirrifletti perfettament il-​mod kif Alla jqis il-​kwistjonijiet. (Kolossin 1:15) Il-​mod kif Ġesù ttratta lin-​nisa taʼ żmienu juri li Ġeħova u Ġesù jirrispettaw lin-​nisa u li huma żgur li ma japprovawx it-​trattament oppressiv li hu tant komuni llum f’ħafna pajjiżi.

Per eżempju, ikkunsidra l-​okkażjoni meta Ġesù kellem lil mara ħdejn bir. “Ġiet mara mis-​Samarija ttellaʼ l-​ilma,” jgħid ir-​rakkont taʼ l-​Evanġelju taʼ Ġwanni, u “qalilha Ġesù: ‘Agħtini nixrob.’” Ġesù kien lest li jkellem lil mara Samaritana fil-​pubbliku, avolja l-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud ma kellhom xejn x’jaqsmu mas-​Samaritani. Skond The International Standard Bible Encyclopedia, għal-​Lhud “il-​konversazzjoni maʼ mara f’post pubbliku kienet partikolarment skandaluża.” Madankollu, Ġesù ttratta lin-​nisa bir-​rispett u l-​konsiderazzjoni u la kien preġudikat minħabba r-​razza u lanqas minħabba l-​fatt li kienet mara. Għall-​kuntrarju, kien lill-​mara Samaritana li Ġesù għall-​ewwel darba wera ċar u tond li hu nnifsu kien il-​Messija.—Ġwanni 4:7-9, 25, 26.

F’okkażjoni oħra, mara, li kienet ilha 12-il sena tbati bi tnixxija taʼ demm imbarazzanti u li dgħajfitha, resqet fuq Ġesù. Meta messitu, mill-​ewwel fieqet. “Ġesù dar u induna biha u qalilha: ‘Agħmel kuraġġ, binti; il-​fidi tiegħek fejqitek.’” (Mattew 9:22) Skond il-​Liġi taʼ Mosè, mara fil-​kundizzjoni tagħha lanqas biss kellha tkun fil-​folla tan-​nies, aħseb u ara kemm kellha tmiss lil xi ħadd. Madankollu, Ġesù ma ċanfarhiex. Pjuttost, hu bil-​mogħdrija kollha farraġha u sejħilha “binti.” Min jaf kemm din il-​kelma serrħitilha qalbha! U min jaf kemm kien ferħan Ġesù li fejjaqha!

Wara li Ġesù ġie rxoxtat, l-​ewwel ma deher kien lil Marija Maddalena u lil waħda mid-​dixxipli l-​oħra tiegħu, li l-​Bibbja tirreferi għaliha bħala “Marija l-​oħra.” Ġesù setaʼ deher l-​ewwel lil Pietru, lil Ġwanni, jew lil wieħed mid-​dixxipli rġiel l-​oħra. Minflok hu ta d-​dinjità lin-​nisa billi ppermetta li huma jkunu l-​ewwel xhieda taʼ l-​irxoxt tiegħu. Anġlu qalilhom biex jgħidu lid-​dixxipli rġiel taʼ Ġesù dwar din il-​ġrajja taʼ l-​għaġeb. Ġesù qal lin-​nisa: “Morru, agħtu l-​aħbar lil ħuti.” (Mattew 28:1, 5-10) Żgur li Ġesù ma kienx effettwat mill-​preġudizzji komuni li kellhom il-​Lhud taʼ żmienu, li skond dawn, in-​nisa ma setgħux ikunu xhieda fil-​qorti.

Għalhekk, mhux talli Ġesù ma kienx preġudikat kontra n-​nisa jew japprova lil min kien iħossu superjuri għalihom, imma għall-​kuntrarju hu kien juri rispett u apprezzament lejn in-​nisa. Il-​vjolenza fuqhom kienet kompletament kontra dak li għallem Ġesù, u nistgħu nibqgħu ċerti li l-​attitudni tiegħu kienet tirrifletti perfettament il-​mod kif kien iqishom Missieru, Ġeħova.

Nisa li Kellhom Protezzjoni Divina

“Imkien fil-​Mediterran jew fil-​Lvant Qarib tal-​qedem in-​nisa ma kienu jingħataw il-​libertà li jgawdu fis-​soċjetà moderna tal-​Punent. L-​attitudni ġenerali kienet li n-​nisa kienu inqas mill-​irġiel, l-​istess bħalma l-​ilsiera kienu inqas mill-​ħelsin, u ż-​żgħar mix-​xjuħ. . . . Tfal subien kienu stmati iżjed mill-​bniet, u trabi bniet xi drabi kienu jitħallew barra biex imutu.” Dan hu kif dizzjunarju tal-​Bibbja jiddeskrivi l-​attitudni li kienet teżisti lejn in-​nisa fl-​antik. Ħafna drabi kienu jitqiesu fl-​istess livell taʼ l-​ilsiera.

Il-​Bibbja nkitbet fi żmien meta d-​drawwiet kienu jirriflettu din l-​attitudni. Minkejja dan, il-​liġi divina bħalma hi mniżżla fil-​Bibbja wriet rispett kbir lejn in-​nisa, u dan kien b’kuntrast kbir maʼ l-​attitudnijiet taʼ ħafna mill-​kulturi tal-​qedem.

Il-fatt li Ġeħova juri li hu konċernat dwar il-​ġid tan-​nisa jidher mid-​diversi drabi li hu aġixxa għan-​nom taʼ l-​aduraturi nisa tiegħu. Darbtejn indaħal biex jipproteġi lil Sara, il-​mara sabiħa t’Abraham, milli tiġi vjolentata. (Ġenesi 12:14-20; 20:1-7) Alla wera ħniena maʼ Lija, il-​mara maħbuba inqas taʼ Ġakobb, billi “fetħilha ġufha,” u b’hekk hi wildet iben. (Ġenesi 29:31, 32) Meta żewġ qwiebel Iżraelin, li kellhom il-​biżaʼ t’Alla, issograw ħajjithom biex isalvaw lit-​trabi Ebrej milli jinqatlu fl-​Eġittu, Ġeħova b’apprezzament “ta familji lill-​qwiebel.” (Eżodu 1:17, 20, 21) Hu wieġeb ukoll it-​talba ħerqana t’Anna. (1 Samwel 1:10, 20) U meta l-​armla taʼ wieħed mill-​profeti kellha tħabbat wiċċha maʼ dak li kellha d-​dejn miegħu, u dan kien se jiħdilha t-​tfal bħala lsiera sabiex tħallas id-​dejn, Ġeħova m’abbandunahiex. Bi mħabba, Alla ta l-​qawwa lil Eliżew sabiex ikattrilha l-​ħażna taż-​żejt tagħha ħalli tkun tistaʼ tħallas id-​dejn u jkollha biżżejjed żejt għaliha u għall-​familja tagħha. B’hekk, hi salvat lill-​familja u d-​dinjità tagħha.—Eżodu 22:21, 22 (22:22, 23, NW); 2 Slaten 4:1-7.

Il-profeti kkundannaw ripetutament it-​trattament ħażin u l-​vjolenza fuq in-​nisa. Il-​profeta Ġeremija f’isem Ġeħova qal lill-​Iżraelin: “Agħmlu l-​ħaqq u s-​sewwa u eħilsu l-​maħqur minn id l-​oppressuri u l-​barrani, l-​iltim u l-​armla la tgħakksuhomx, la tagħmlulhomx vjolenza. La xxerrdux demm l-​innoċenti f’dan il-​post.” (Ġeremija 22:2, 3) Qabel, l-​għonja u s-​setgħanin f’Iżrael ġew kundannati minħabba li kienu keċċew lin-​nisa minn djarhom u ttrattaw ħażin lil uliedhom. (Mikea 2:9) L-​Alla tal-​ġustizzja jaraha u jikkundannaha s-​sofferenza kaġunata lin-​nisa u lil uliedhom u jqisha bħala xi ħaġa ferm ħażina.

Il-​“Mara taʼ Ħila”

Il-​kittieb tal-​qedem taʼ Proverbji jippreżenta ħarsa xierqa tal-​mara taʼ ħila. Ladarba din id-​deskrizzjoni sabiħa taʼ l-​irwol u l-​istat taʼ mara miżżewġa ġiet inkluża fil-​Kelma taʼ Ġeħova, nistgħu nibqgħu ċerti li hu japprovaha. Minflok ma tinħaqar jew titqies bħala inferjuri, mara bħal din hija apprezzata, rispettata, u fdata.

Il-“mara taʼ ħila” taʼ Proverbji kapitlu 31 hi ħaddiema ħabrieka u bieżla. Taħdem iebes “bil-​ħerqa b’idejha” (Saydon) u tixtri u tbigħ, saħansitra artijiet. Tara għalqa u tixtriha. Tagħmel ħwejjeġ taʼ taħt u tbigħhom. Tagħti trieħi lill-​merkanti. Saħħitha u l-​attività tagħha huma mimlijin entużjażmu. Barra minn hekk, il-​kliem mimli għerf tagħha u l-​qalb tajba bl-​imħabba tagħha huma apprezzati ferm. B’hekk, hi stmata ferm minn żewġha, minn uliedha u, l-​iktar importanti, minn Ġeħova.

In-nisa m’għandhomx ikunu vittmi maħqurin minn irġiel li jipprofittaw ruħhom minnhom, jimmaltrattawhom, jew jabbużaw minnhom b’xi mod jew ieħor. Pjuttost, il-​mara għandha tkun “għajnuna” hienja u taʼ ħila għal żewġha.—Ġenesi 2:18.

Onorawhom

Meta kiteb lill-​irġiel miżżewġin Kristjani dwar kif għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom, Pietru, il-​kittieb li ġie ispirat biex jikteb, ħeġġeġ lill-​irġiel biex jimitaw l-​attitudnijiet taʼ Ġeħova u Ġesù Kristu. ‘Intom l-​irġiel miżżewġin komplu onorawhom,’ hu kiteb. (1 Pietru 3:7) Meta xi ħadd jonora lil xi persuna jkun qed juri li hu japprezza u jirrispetta ferm lil din il-​persuna. B’hekk, ir-​raġel li jonora lil martu ma jumiljahiex, ma jbaxxihiex, jew jittrattaha b’mod vjolenti. Minflok, hu juri bil-​kliem u bl-​għemil tiegħu—fil-​pubbliku u fil-​privat—li jgħożżha u jħobbha.

Meta raġel jonora lil martu jkun qed jikkontribwixxi għall-​hena fiż-​żwieġ. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Carlos u Cecilia. F’ċertu punt fiż-​żwieġ tagħhom, huma spiss kienu jsibu ruħhom jargumentaw mingħajr qatt ma jsibu soluzzjoni. Xi drabi, lanqas biss kienu jitkellmu. Ma kinux jafu kif isolvu l-​problemi tagħhom. Hu kien aggressiv; hi kienet tippretendi wisq u supperva. Madankollu, meta bdew jistudjaw il-​Bibbja u japplikaw dak li kienu qed jitgħallmu, l-​affarijiet bdew sejrin għall-​aħjar. Cecilia tgħid: “Nirrealizza li t-​tagħlim taʼ Ġesù u l-​eżempju li ħallielna biddluli l-​personalità tiegħi kif ukoll dik taʼ żewġi. Grazzi għall-​eżempju taʼ Ġesù, jien sirt iktar umli u bdejt nifhmu iktar. Tgħallimt infittex l-​għajnuna taʼ Ġeħova permezz tat-​talb, kif kien jagħmel Ġesù. Carlos tgħallem isir iktar tolleranti u jrażżan lilu nnifsu—biex jonora lil martu bħalma jixtieq Ġeħova.”

Iż-żwieġ tagħhom m’huwiex perfett, imma baqaʼ qawwi u sħiħ matul dawn is-​snin kollha. Fis-​snin reċenti kellhom jiffaċċjaw diffikultajiet serji—Carlos spiċċa bla xogħol u kellu jagħmel operazzjoni minħabba l-​kanċer. Iżda, dan it-​taqlib ma dgħajjifx ir-​rabta taż-​żwieġ tagħhom, li baqgħet dejjem issir iktar u iktar b’saħħitha.

Mindu l-​bnedmin dinbu u saru imperfetti, in-​nisa f’ħafna kulturi ġew trattati b’mod diżonorabbli. Ġew abbużati fiżikament, mentalment, u sesswalment. Imma Ġeħova mhux hekk riedhom li jiġu trattati. Il-​Bibbja turi li ma tagħmel l-​ebda differenza xi jkunu d-​drawwiet kulturali taʼ dak li jkun, xorta waħda n-​nisa kollha għandhom jiġu onorati u rispettati. Dan hu d-​dritt tagħhom mogħti minn Alla.

[Stampa f’paġni 4, 5]

Mara Samaritana

[Stampa f’paġni 4, 5]

Mara marida

[Stampa f’paġni 4, 5]

Marija Maddalena

[Stampa f’paġna 6]

Ġeħova pproteġa lil Sara darbtejn

[Stampa f’paġna 7]

Iż-​żwieġ taʼ Carlos u Cecilia kien mhedded

[Stampa f’paġna 7]

Carlos u Cecilia llum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja