Ħarsa Lejn Id-dinja
◼ Normalment tifel taʼ sitt snin fil-Britannja se jkun qattaʼ sena sħiħa quddiem it-televixin u iktar minn nofs it-tfal taʼ tliet snin għandhom televixin fil-kamra tas-sodda tagħhom.—THE INDEPENDENT, BRITANNJA.
◼ Fiċ-Ċina, 31.4 fil-mija min-nies li huma ’l fuq minn 16-il sena fost dawk li sar stħarriġ fuqhom qalu li huma reliġjużi. Jekk dan jirrappreżenta verament il-ġens kollu, din is-sejba tindika li madwar 300 miljun ruħ huma reliġjużi. Dan huwa differenti ħafna mill-figura uffiċjali taʼ 100 miljun.—CHINA DAILY, ĊINA.
Iktar Ħsara Milli Ġid
Ftit tas-snin ilu, xi politikanti u ambjentalisti Olandiżi ħasbu li sabu s-soluzzjoni għall-enerġija sostenibbli billi jħaddmu ġeneraturi bi fuel ġenerat minn materjal proċessat partikolarment miż-żejt tal-palm. The New York Times tgħid li t-tamiet tagħhom kienu taʼ dannu għall-ambjent. Iż-żjieda fid-domanda għaż-żejt tal-palm fl-Ewropa wasslet biex jitqaċċtu s-siġar minn meded kbar taʼ foresti tax-xita fl-Asja tax-Xlokk u wkoll għall-użu żejjed tal-fertilizzanti kimiċi f’dan il-post. Inħolqu pjantaġġuni billi art fertili ġiet imsoffija mill-ilma u maħruqa, u dan tefaʼ ammonti kbar taʼ gassijiet tal-karbonju fl-atmosfera. Minħabba f’hekk, tgħid it-Times, l-Indoneżja malajr saret it-tielet pajjiż fid-dinja li l-iktar jipproduċi emissjonijiet tal-karbonju li x-xjenzati jemmnu li huma responsabbli għaż-żjieda fis-sħana globali.
“L-Arloġġ taʼ Jum il-Qerda” Jimxi ’l Quddiem
L-arloġġ taʼ jum il-qerda, ivvintat mill-Bulletin of Atomic Scientists (BAS) sabiex juri kemm l-umanità hija viċin taʼ diżastru nukleari, mexa ’l quddiem żewġ minuti u issa qiegħed ħames minuti qabel nofsillejl—it-tmiem figurattiv taċ-ċivilizzazzjoni. L-arloġġ ġie mċaqlaq 18-il darba biss f’dawn l-aħħar 60 sena taʼ storja. L-aħħar bidla saret fi Frar taʼ l-2002, wara l-attakki fuq il-World Trade Center fi New York. L-iżvilupp kontinwu u l-preżenza taʼ l-armamenti nukleari kif ukoll il-fatt li naqsu milli jassiguraw li l-materjal nukleari ma jkunx taʼ dannu għas-sigurtà huma “sintomi tal-falliment f’li jsolvu l-problemi li ġabet l-iktar teknoloġija distruttiva fuq l-Art,” tgħid stqarrija tal-bullettin (BAS). Iktar minn hekk, din kompliet tgħid li l-perikli li toħloq il-bidla fil-klima hija kważi tal-biżaʼ daqs it-theddida taʼ l-armamenti nukleari.
L-Istress Waqt it-Tqala
Skond riċerka li saret dan l-aħħar, l-istress li tesperjenza mara tqila minħabba l-argumenti mas-sieħeb tagħha jew minħabba l-vjolenza li juża fuqha jistaʼ jeffettwa ħażin l-iżvilupp mentali tat-tarbija li tkun għadha ma twilditx. Il-Professoressa Vivette Glover, taʼ l-Imperial College, f’Londra, tgħid li sabu li jekk mara jkollha sieħeb li jkun emozzjonalment aħrax magħha waqt li hi tkun tqila se jkollu effett kbir fuq l-iżvilupp tat-tarbija fil-futur. Il-missier għandu rwol importanti. Hi tispjega li r-relazzjoni tal-ġenituri “teffettwa l-bilanċ taʼ l-ormoni u kimiku fil-ġisem taʼ l-omm u min-naħa l-oħra, dan jeffettwa l-iżvilupp taʼ moħħ it-tarbija.”
Sewwieqa Jsuqu bl-Amment
Ix-xjenzat tat-traffiku Michael Schreckenberg, mill-Università taʼ Duisburg-Essen, fil-Ġermanja, jgħid li dawk li jsuqu fl-istess rotta kuljum jagħmlu dan mingħajr ma jużaw il-parti tal-moħħ li biha jaħsbu u jkunu konxji taʼ li qed jagħmlu. Meta s-sewwieqa jsuqu fuq rotot familjari jkunu okkupati b’affarijiet oħra minflok ma jikkonċentraw fuq it-traffiku. Minħabba f’hekk, huma jdumu iktar biex jindunaw bil-perikli. Schreckenberg jinkuraġġixxi lil dawk li jivvjaġġaw fuq l-istess rotot sabiex jibqgħu jfakkru lilhom infushom ħalli jibqgħu b’sebaʼ għajnejn u ma jaljenawx ruħhom b’affarijiet oħra waqt li jkunu qed isuqu.