Il-Ħarsa tal-Bibbja
Huwa Xieraq li Nużaw Titli li Juru Rispett?
HEKK kif il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu jagħmlu l-attivitajiet taʼ kuljum u jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, kienu jiġu f’kuntatt m’għadd t’uffiċjali tal-gvern—xi wħud taʼ grad għoli u xi wħud taʼ grad inqas għoli. Is-segwaċi taʼ Ġesù ma kinux jużaw titli bejniethom biex jiddistingwu l-pożizzjoni, jew il-klassi, tagħhom. Madankollu, dak iż-żmien kien komuni li individwi li jkollhom poter fuq bnedmin oħrajn jiġu indirizzati b’titli. L-imperatur Ruman kienu jirreferu għalih bħala “l-Awgustu.”—Atti 25:21.
Allura, meta d-dixxipli taʼ Ġesù kienu jidhru quddiem l-uffiċjali tal-gvern, kif kienu jqisuh l-użu tat-titli li juru rispett? U aħna kif għandna nqisuh?
Ir-Rispett Ma Jfissirx Approvazzjoni
L-appostlu Pawlu wissa lil sħabu fit-twemmin biex ‘jagħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu, lil min jirrikjedi l-unur, l-unur.’ (Rumani 13:7) Dan kien jinkludi li jindirizzaw lill-uffiċjali bit-titli tagħhom. Illum, titli bħall-Eċċellenza Tiegħek jew Onorevoli normalment jintużaw biex jiġu indirizzati l-uffiċjali pubbliċi. Imma xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Kif nistaʼ nindirizza lil xi ħadd b’dan il-mod meta nissuspetta li l-kondotta tiegħu la hija waħda onorabbli u lanqas eċċellenti?’
Ħafna uffiċjali pubbliċi jieħdu ħsieb id-doveri tagħhom kif jixraq, madankollu mhux kollha kemm huma tħoss li tistaʼ tafdahom. Xorta waħda, il-Bibbja tħeġġiġna biex nissottomettu ruħna lejn is-slaten u l-gvernaturi “minħabba l-Mulej.” (1 Pietru 2:13, 14) Għalhekk, meta nirrikonoxxu li Alla ppermetta li uffiċjal ikollu pożizzjoni t’awtorità, se niġu mqanqlin biex nuru r-rispett u l-unur meħtieġ.—Rumani 13:1.
Il-kondotta persunali t’uffiċjal m’għandhiex teffettwa l-ħarsa tagħna lejh f’dan il-kuntest. Din m’hijiex ir-raġuni għala nagħtuh unur. Meta nindirizzaw uffiċjal bit-titlu tiegħu li jurih rispett ma jfissirx li qed napprovaw il-kondotta tiegħu. Dan jidher fi ġrajja li seħħet fil-ħajja taʼ l-appostlu Pawlu.
Kif Pawlu Uża t-Titli
L-appostlu Pawlu ġie arrestat f’Ġerusalemm fuq akkużi foloz u ttieħed quddiem Feliċ, li kien gvernatur tal-Lhudija. Feliċ ma tantx kien eżemplari bħala uffiċjal pubbliku. Taċitu, l-istudjuż Ruman taʼ l-istorja, kiteb li Feliċ “ħaseb li setaʼ jagħmel kwalunkwe att ħażin mingħajr ma jiġi kastigat.” Hu kien iktar moħħu biex jixxaħħam milli biex jagħmel ġustizzja. Minkejja dan, matul is-sentejn li dam arrestat, Pawlu wera rispett lejn il-gvernatur, u ż-żewġt irġiel kienu jitkellmu spiss—Feliċ bit-tama li jingħata xi flus, li qatt ma waslu, u Pawlu uża l-opportunità biex jippriedka.—Atti 24:26.
Meta Festu, il-gvernatur il-ġdid, laħaq minflok Feliċ hu semaʼ l-każ taʼ Pawlu f’Ċesarija. Sabiex jingħoġob mill-mexxejja Lhud, Festu ssuġġerixxa li Pawlu jgħaddi ġuri f’Ġerusalemm. Imma Pawlu kien jaf li hemmhekk il-każ ma kienx se jiġi trattat b’ġustizzja, għalhekk ħa vantaġġ miċ-ċittadinanza Rumana tiegħu u ddikjara: “Nappella għal quddiem Ċesari!”—Atti 25:11.
Festu ma kienx ċert kif setaʼ jispjega lil Ċesari l-akkużi kontra Pawlu, imma ġietu l-għajnuna meta s-Sultan Agrippa II għamel żjara taʼ korteżija lil Festu u esprima interess fil-każ. L-għada, b’pompa kbira, kmandanti militari u rġiel prominenti tal-belt akkumpanjaw lis-sultan fis-sala taʼ l-udjenza.—Atti 25:13-23.
Meta ġie mistieden jitkellem, Pawlu uża t-titlu “Sultan” fil-kummenti tiegħu tal-ftuħ u rrikonoxxa li Agrippa kien espert fid-drawwiet u l-kontroversji tal-Lhud. (Atti 26:2, 3) F’dak iż-żmien kienet ħaġa magħrufa sew li Agrippa kien involut f’relazzjoni sesswali u skandaluża m’oħtu. Żgur li Pawlu kien jaf bir-reputazzjoni mħassra t’Agrippa minħabba li kien qed jgħix ħajja immorali. Xorta waħda, Pawlu tah l-unur li jistħoqq lil sultan.
Waqt id-difiża taʼ Pawlu, Festu esklama: “Pawlu, int qed tiġġennen!” Minflok ma rrabja, Pawlu wieġeb bil-kalma billi indirizza lill-gvernatur bil-kliem “Wisq Eċċellenti.” (Atti 26:24, 25) Pawlu wrieh ir-rispett li kien jistħoqqlu fil-pożizzjoni tiegħu. Però, dawn l-eżempji jqajmu l-mistoqsija, Hemm xi limitu fl-unur li għandna nagħtu lill-uffiċjali?
Rispett b’Limitu
L-awtorità governattiva hija limitata, bħalma huwa indikat f’Rumani 13:1, li jgħid: “L-awtoritajiet li jeżistu tqiegħdu fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla.” Għalhekk, anki l-unur mistħoqq lir-rappreżentanti tal-gvern huwa limitat. Ġesù stabbilixxa l-limitu dwar l-unur li għandu jingħata lil oħrajn meta qal lid-dixxipli tiegħu: “Tissejħux Rabbi, għax wieħed hu l-għalliem tagħkom, filwaqt li intom ilkoll aħwa. Barra minn hekk, issejħu lil ħadd missierkom fuq l-art, għax wieħed hu Missierkom, Dak tas-sema. U tissejħux ‘mexxejja,’ għax wieħed hu l-Mexxej tagħkom, il-Kristu.”—Mattew 23:8-10.
Għalhekk, hija d-differenza bejn jekk it-titli jkunux reliġjużi jew sekulari li tpoġġi l-limitu meta jiġi biex jingħata unur xieraq. Meta uffiċjali sekulari jużaw titli reliġjużi, il-parir li ta Pawlu biex jingħatalhom unur ma japplikax għal titli bħal dawn. Individwu li jsegwi l-pariri Skritturali se jittratta bir-rispett lil uffiċjali bħal dawn. Madankollu, il-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja timmotivah biex iżomm lura milli juża kwalunkwe titlu reliġjuż, ladarba huwa obbligat li ‘jagħti lura lil Alla dak li hu t’Alla.’—Mattew 22:21.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Is-segwaċi taʼ Ġesù kif kienu jħarsu lejn l-awtoritajiet sekulari?—Rumani 13:7.
◼ Uża l-appostlu Pawlu titli li juru rispett lejn uffiċjali tal-gvern? —Atti 25:11; 26:2, 25.
◼ Liema tip taʼ titli m’approvax Ġesù?—Mattew 23:8-10.
[Stampa f’paġna 20, 21]
Pawlu kif indirizza lil Agrippa?