Fejn Xmara Tgelgel b’Lura
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-KAMBODJA
QATT rajt xmara tgelgel b’lura? Xi ngħidu għal foresta li tagħmel sitt xhur fis-sena taħt l-ilma? Kont taf li hemm nies li jgħixu fi djar li jifflowtjaw u li jkollhom iċaqalquhom minħabba li l-ilma jisparixxi? Taħseb li “impossibbli”? Jekk inhu hekk, forsi tibdel fehmtek wara żjara fil-Kambodja fil-monsun, jew fl-istaġun tax-xita.
Kuljum, minn nofs Mejju s’Ottubru, is-sema ċar taʼ fil-għodu jiddallam u wara nofsinhar tinżel xita bil-qliel. L-ilma jgelgel f’dik li qabel kienet art xotta u kollha trab, u x-xmajjar jibdew ifuru.
Għala b’Lura?
Ħares lejn il-mappa li hawn maʼ l-artiklu. Innota l-post fejn ix-xmara qawwija Mekong tiltaqaʼ max-Xmara Tonle Sap. L-ilmijiet jingħaqdu u fi żmien qasir jinqasmu fil-parti prinċipali tax-Xmara Mekong u x-Xmara Bassac. Dawn jibqgħu jgelglu lejn in-nofsinhar minn ġol-pajjiż tal-Vjetnam, u jifformaw id-delta ġganteska taʼ Mekong.
Ftit wara li jkun beda l-istaġun tax-xita, l-inħawi t’isfel tad-delta jibdew ifuru. L-ilmijiet jibdew jogħlew u jfuru fi xmajjar oħrajn li f’ċerti staġuni jkunu xotti. Hekk kif ikompli l-monsun, ix-Xmara Tonle Sap tibda tiġmaʼ l-ilma u tgelgel lejn it-tramuntana, minflok ma ssegwi r-rotta tas-soltu tagħha lejn in-nofsinhar. B’dan il-mod, ix-xmara mfawra tibda tgelgel b’lura sakemm titferraʼ fl-Għadira Tonle Sap.
Din l-għadira tinsab f’wita baxxa xi 100 kilometru ’l bogħod minn Phnom Penh, il-belt kapitali tal-Kambodja. Matul l-istaġun tan-nixfa, id-dawra taʼ l-għadira tkun kbira xi 3,000 kilometru kwadru. Però, fl-istaġun tax-xita, l-ilma jfur u din tikber xi erbaʼ jew ħames darbiet iktar mid-daqs normali tagħha, u dan jagħmilha l-akbar ġabra taʼ ilma frisk fix-xlokk taʼ l-Asja.
Inħawi li darba kien fihom għelieqi tar-ross, toroq, siġar, u rħula, issa ġew mgħarrqin bl-ilma. Is-sajjieda, li d-dgħajjes tagħhom kienu jifflowtjaw f’ilma fond xi metru biss, issa jgħaddu fuq il-qċaċet tas-siġar li huma twal xi 10 metri! F’postijiet oħrajn, għargħar mifrux bħal dan ġeneralment jitqies bħala diżastru. Imma għan-nies fil-Kambodja, dan spiss jitqies bħala barka. Għala?
Meta l-Għargħar Ikun Barka
L-ilma tax-Xmara Tonle Sap li jgelgel b’lura jitfaʼ fl-għadira Tonle Sap saffi fertili taʼ dak li jinġarr mill-qiegħ tax-xmara. Iktar minn hekk, ammont enormi taʼ ħut jgħum ’il fuq lejn ix-Xmara Mekong u jbid f’dan l-ambjent mimli sustanzi. Fil-fatt, l-Għadira Tonle Sap hija waħda mill-iktar sorsi abbundanti taʼ ħut taʼ l-ilma ħelu. Wara l-istaġun tax-xita, l-għadira tant tiżvojta malajr li s-sajjieda kultant ikunu jistgħu jiġbru l-ħut mis-siġar fejn ikun inqabad!
Dan l-għargħar li jseħħ kull sena joħloq sistema ekoloġika attiva u mimlija bidliet. Is-siġar u ħxejjex oħrajn fl-inħawi taʼ l-għargħar jadottaw ċiklu differenti tat-tkabbir minn pjanti fi nħawi li ma jesperjenzawx l-għargħar. Normalment, is-siġar tropikali jikbru bil-mod, iwaqqgħu l-weraq fl-istaġun tan-nixfa u joħorġu weraq ġdid matul l-istaġun tax-xita. Kuntrarju għal dan, is-siġar fir-reġjun tat-Tonle Sap ma jwaqqgħux il-weraq sakemm jiġu mgħarrqin mill-ilma taʼ l-għargħar. U minflok ma jitħaffef it-tkabbir fl-istaġun tax-xita, dan iseħħ iktar bil-mod. Wara li l-ilmijiet ibattu u jibda l-istaġun tan-nixfa, il-friegħi jibdew jarmu u l-weraq jikber malajr. Meta x-xmara tiżvojta, l-art tkun miksija b’weraq li jkun qed jidbiel u dan isostni lis-siġar u pjanti oħrajn matul l-istaġun tan-nixfa li jiġi wara.
Jgħixu fi Djar Elevati u Pjattaformi li Jifflowtjaw
Xi ngħidu għan-nies? Xi wħud minn dawk li jgħixu fl-għadajjar jibnu d-djar żgħar tagħhom elevati mill-art. Matul l-istaġun tan-nixfa, dawn id-djar ikunu xi 6 metri ogħla mill-art. Imma matul il-quċċata taʼ l-għargħar, id-dgħajjes tas-sajd u l-kontenituri kbar tal-ħadid li kultant jintużaw biex jittrasportaw it-tfal jieqfu eżatt wara l-bieb tad-dar.
Oħrajn li jgħixu fl-għadajjar jgħixu f’tip taʼ dgħajjes li jintużaw bħala djar, billi jibnu d-djar tagħhom fuq pjattaformi li jifflowtjaw. Meta l-familja tikber, titwaħħal biċċa pjattaforma oħra mad-dgħajsa u d-dar tikber. Huwa stmat li hemm xi 170 raħal li jifflowtjaw fuq l-għadira.
Matul il-jum, iż-żgħar u l-kbar jistadu bin-nases u x-xbieki. Hekk kif il-livell taʼ l-ilma jitlaʼ jew jinżel, djar jew irħula sħaħ jistgħu jiċċaqalqu għal diversi kilometri sabiex jibqgħu qrib ix-xatt il-ġdid tagħhom jew l-inħawi iktar produttivi tas-sajd.
Kenuri twal isiru ħwienet jew swieq li jifflowtjaw, u dawn jipprovdu diversi bżonnijiet taʼ kuljum lill-komunità, saħansitra jservu bħala “tal-linji” pubbliċi. It-tfal li jmorru l-iskola jmorru fi skejjel li jifflowtjaw. Kollox, mill-pjanti san-nies, jimxi skond ir-ritmu taʼ l-ilma fil-pajjiż fejn ix-xmara tgelgel b’lura.
[Mappa f’paġna 23]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
L-istaġun tan-nixfa
L-istaġun tax-xita
IL-KAMBODJA
L-Għadira Tonle Sap
Ix-Xmara Tonle Sap
Ix-Xmara Mekong
PHNOM PENH
Ix-Xmara Bassac
Id-Delta Mekong
IL-VJETNAM
[Stampa f’paġna 23]
Tifel jaqdef f’dgħajsa tul ix-Xmara Tonle Sap
[Stampi f’paġna 23]
Ritratti taʼ l-istess raħal fl-istaġun tan-nixfa u fl-istaġun tax-xita
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 23]
Mappa: Based on NASA/Visible Earth imagery; ritratti tar-raħal: FAO/Gordon Sharpless