L-Istaġun tal-Festi—Se Jkun Kif Tixtieq Int?
“Pietru [il-Kbir] ordna li fil-knejjes kollha jsiru ċerimonji speċjali għas-Sena l-Ġdida fl-1 taʼ Jannar. Iktar minn hekk, hu ordna li z-zkuk tas-siġar tar-ruvlu jintużaw biex iżejnu l-ġnub tal-bibien ġewwa d-djar, u kkmanda li ċ-ċittadini kollha taʼ Moska kellhom ‘juru l-hena tagħhom billi jgħajtu l-isbaħ xewqat’ lil xulxin fis-Sena l-Ġdida.” —Peter the Great—His Life and World.
LEJN xiex qed tħares ’il quddiem matul dak li ħafna jsejħulu l-istaġun tal-festi? In-nies madwar id-dinja jgħidu li l-istaġun jiffoka fuq il-Milied, il-jum tradizzjonali tat-twelid taʼ Kristu, imma jinkludi wkoll iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena l-Ġdida. Allura dan hu perijodu mtawwal taʼ ffesteġġjar. Kemm il-ġenituri u kemm it-tfal għandhom mnejn ikunu bil-vaganzi f’dan iż-żmien, u allura jistaʼ jidher bħala okkażjoni ideali għall-familji biex iqattgħu l-ħin flimkien. Oħrajn, però, jirreferu għal dan l-istaġun bħala “l-istaġun tal-Milied,” ladarba huma jixtiequ jonoraw lil Kristu f’dan iż-żmien tas-sena. Forsi int ukoll tħoss li dan hu l-iktar aspett importanti taʼ l-istaġun.
Kemm jekk biex jonoraw lil Kristu u kemm jekk biex igawdu l-familja tagħhom, jew it-tnejn, miljuni taʼ rġiel u nisa miżżewġin u tfal madwar id-dinja jistennew dan iż-żmien b’ħerqa kbira. Xi ngħidu għal din is-sena? Se jkun dan żmien speċjali għall-familja, u huwa dan żmien speċjali għal Alla? Jekk il-familja tinġabar flimkien, se jmur kollox kif tixtieq int, jew se tispiċċa diżappuntat?
Ħafna li jħarsu lejn l-aspett reliġjuż jinnotaw li kemm il-Milied u kemm is-Sena l-Ġdida spiss jiġu ċelebrati b’kollox minbarra bl-ispirtu taʼ Kristu. Minflok, l-istaġun tal-festi jsir sempliċi żmien biex jaqilgħu r-rigali, skuża biex issir festa li tistaʼ tinkludi mġiba li ma ġġibx unur lil Kristu, jew raġuni ewlenija biex il-familja tiltaqaʼ flimkien. Ħafna drabi, dawn il-laqgħat jitħassru minħabba xi membru jew tnejn li jieklu jew jixorbu żżejjed, u jispiċċaw jaqilgħu l-argumenti li spiss iqanqlu l-vjolenza domestika. Jistaʼ jkun li nnotajt dawn l-affarijiet, jew forsi għaddejt minnhom int stess.
Jekk inhu hekk, forsi tħoss li ftit li xejn saru bidliet minn żmien il-Kżar Russu Pietru l-Kbir, li ddeskrivejna fil-bidu. Minħabba li jħossuhom imdejqin bid-drawwa komuni, ħafna jixtiequ li l-istaġun tal-festi jkun żmien taʼ meditazzjoni reliġjuża profonda u sħubija li tibni mal-familja. Xi wħud saħansitra jaħdmu iebes biex iġibu bidla, u jużaw frażijiet bħal, Ġesù hu r-raġun taʼ l-istaġun. Imma jistaʼ jsir xi tibdil? U dan tassew li jġib unur lil Kristu? Għandek għalfejn ikollok ħarsa differenti lejn l-istaġun tal-festi?
Biex insibu tweġibiet sodisfaċenti, ejja naraw is-sitwazzjoni mill-ħarsa tan-nies taʼ ġens wieħed li għandhom ikollhom raġuni speċjali biex japprezzaw dan iż-żmien tas-sena.