LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 12/15 pp. 4-8
  • Żmien il-Milied—Fuq Xiex Jiffoka?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żmien il-Milied—Fuq Xiex Jiffoka?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Bidla Iktar Reċenti
  • Iċ-​Ċelebrazzjonijiet li Jsiru Bħalissa Tassew Jonoraw lil Kristu?
  • Mod Aħjar Kif Tonora lil Alla u lil Kristu
  • Il-Milied Xi Jfisser Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Milied—Għala daqshekk Popolari fil-Ġappun
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-Milied—Għala Saħansitra fl-Orjent?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 12/15 pp. 4-8

Żmien il-​Milied—Fuq Xiex Jiffoka?

GĦAL miljuni taʼ nies, l-​istaġun tal-​festi hu żmien li jqattgħuh mal-​familja u l-​ħbieb, żmien biex iġeddu r-​rabtiet t’affezzjoni. Ħafna oħrajn jikkunsidrawh bħala żmien biex jimmeditaw fuq it-​twelid taʼ Ġesù Kristu u l-​irwol tiegħu fis-​salvazzjoni taʼ l-​umanità. Fir-​Russja, kuntrarju għal ħafna pajjiżi oħra, in-​nies mhux minn dejjem setgħu jiċċelebraw il-​Milied. Għalkemm għal sekli sħaħ dawk tal-​Knisja Ortodossa Russa ċċelebraw il-​Milied fil-​beraħ, huma ma setgħux jagħmlu dan fil-​maġġorparti tas-​seklu 20. X’kien hemm wara din il-​bidla?

Eżatt wara r-​rivoluzzjoni Komunista Bolxevika fl-​1917, l-​awtoritajiet Sovjetiċi pprovaw idaħħlu politika t’ateiżmu totali maʼ l-​istat kollu. L-​istaġun kollu kemm hu tal-​festi tal-​Milied bl-​implikazzjonijiet reliġjużi tiegħu ntefaʼ f’dell ikrah. L-​Istat beda jxerred propaganda sħiħa kontra ċ-​ċelebrazzjonijiet kemm tal-​Milied u kemm tas-​Sena l-​Ġdida. Kien hemm saħansitra kundanna bil-​miftuħ kontra s-​simboli taʼ l-​istaġun—is-​siġra tal-​Milied u Ded Moroz, jew in-​Nannu tas-​Silġ, li huwa l-​ekwivalent Russu għal Santa Klaws.

Fl-​1935, seħħet bidla li effettwat bil-​kbir il-​mod kif ir-​Russi ċċelebraw l-​istaġun tal-​festi. Ir-​Russi reġgħu introduċew in-​Nannu tas-​Silġ, is-​siġra taʼ l-​istaġun, u ċ-​ċelebrazzjoni tas-​Sena l-​Ġdida—imma b’differenza li tispikka. Jingħad li n-​Nannu tas-​Silġ ma kellux iġib ir-​rigali fil-​Milied, imma fl-​Ewwel tas-​Sena. B’mod simili, ma kienx se jkun għad hemm siġra tal-​Milied. Imma kienet se tkun siġra taʼ l-​Ewwel tas-​Sena! Għalhekk, fl-​Unjoni Sovjetika bdew jiffokaw fuq xi ħaġa differenti għalkollox. Fil-​fatt, iċ-​ċelebrazzjoni tas-​Sena l-​Ġdida ħadet post il-​Milied.

L-istaġun tal-​Milied sar għalkollox okkażjoni taʼ ferħ mhux reliġjuż, imċaħħad uffiċjalment minn kull tifsir reliġjuż. Is-​siġra taʼ l-​Ewwel tas-​Sena ma kinitx tiżżejjen b’ornamenti reliġjużi, imma b’ornamenti sekulari li jagħtu stampa tal-​progress fl-​Unjoni Sovjetika. Il-​ġurnal Russu Vokrug Sveta (Madwar id-​Dinja) jispjega: “Nistgħu mmorru lura għall-​istorja taʼ meta ġiet stabbilita s-​soċjetà Komunista billi neżaminaw id-​dekorazzjonijiet li kienu jintużaw mas-​siġra taʼ l-​Ewwel tas-​Sena f’diversi snin taʼ l-​era Sovjetika. Flimkien mas-​soltu fniek żgħar, imrieżaq, u ħobżiet tondi, bdew jipproduċu dekorazzjonijiet f’forma taʼ mnieġel, imrietel, u trakters. Iktar tard dawn inbidlu maʼ figurini taʼ ħaddiema tal-​minjieri, kosmonawti, pjattaformi taż-​żejt, u vetturi li jintużaw fuq il-​qamar.”

Xi ngħidu għal Jum il-​Milied stess? Żgur li ma ġiex rikonoxxut. Minflok, l-​awtorità Sovjetika naqqsitlu l-​importanza tiegħu billi għamlitu bħala ġurnata komuni taʼ ħidma. Dawk li xtaqu jżommu ċ-​ċelebrazzjoni tal-​Milied setgħu jagħmlu dan biss billi jkunu tassew diskreti, għaliex ikunu qed jirriskjaw id-​diżapprovazzjoni taʼ l-​Istat u konsegwenzi li m’huma xejn pjaċevoli. Iva, fir-​Russja tas-​seklu 20, kien hemm bidla fil-​ħarsa lejn l-​istaġun tal-​festi, minn osservanza reliġjuża għal ċelebrazzjoni sekulari.

Bidla Iktar Reċenti

Fl-​1991 waqgħet l-​Unjoni Sovjetika u n-​nies kisbu iktar libertà. Il-​politika atea taʼ l-​Istat spiċċat. L-​istati ġodda li fformaw bħala ħakmiet kienu fil-​maġġuranza sekulari, b’separazzjoni bejn il-​Knisja u l-​Istat. Ħafna nies reliġjużi issa ħassew li setgħu jipprattikaw it-​twemmin reliġjuż tagħhom. Huma rraġunaw li mod kif jagħmlu dan hu billi jiċċelebraw il-​festa reliġjuża tal-​Milied. Però, dawn l-​uħud malajr kienu se jħossuhom diżappuntati bil-​kbir. Għala?

Maʼ kull sena li tgħaddi, il-​festa saret iktar u iktar kummerċjali. Iva, l-​istess bħall-​pajjiżi tal-​Punent, l-​istaġun tal-​Milied sar wieħed mill-​aqwa modi kif il-​manifatturi, dawk li jbigħu bl-​ingrossa, u n-​negozjanti jagħmlu l-​qligħ. Id-​dekorazzjonijiet tal-​Milied jimlew il-​vetrini tal-​ħwienet. Il-​mużika u l-​għanjiet tal-​Milied tal-​pajjiżi tal-​punent, li sa dak iż-​żmien ma kinux magħrufa fir-​Russja, issa tismagħhom jidwu minn dawn il-​ħwienet. Il-​bejjiegħa jġorru basktijiet kbar bl-​oġġetti tal-​Milied li jipprovaw ibigħuhom lil dawk li jużaw il-​ferroviji jew mezzi oħra taʼ trasport pubbliku. Dan hu dak li ssib illum.

Anki dawk li ma jaraw xejn ħażin f’dan il-​kummerċjaliżmu jistgħu jħossuhom imħassbin minħabba aspett inkwetanti ieħor taʼ l-​istaġun—l-​abbuż taʼ l-​alkoħol bil-​konsegwenzi negattivi kollha li jġib miegħu. Tabib fil-​kamra taʼ l-​emerġenza fi sptar f’Moska spjega: “It-​tobba jafu b’ċertezza li ċ-​ċelebrazzjoni tas-​Sena l-​Ġdida se ġġib magħha għadd kbir taʼ feruti li jesperjenzaw minn daqqiet u tbenġil sa ġrieħi b’sikkina jew balal, li ħafna minnhom isiru minħabba l-​vjolenza domestika, il-​ġlied li jinqalaʼ meta jkunu fis-​sakra, u l-​inċidenti bil-​karozza.” Xjenzat avanzat minn fergħa taʼ l-​Akkademja Russa tax-​Xjenzi qal: “Hemm żjieda f’daqqa taʼ l-​għadd taʼ mwiet konnessi maʼ l-​abbuż taʼ l-​alkoħol. Dan kien għoli b’mod partikulari fis-​sena 2000. L-​għadd taʼ suwiċidji u qtil żdied f’daqqa wkoll.”

Sfortunatament, din l-​imġiba tmur għall-​agħar fl-​istaġun tal-​festi fir-​Russja minħabba fattur ieħor. Taħt it-​titlu “Russians Celebrate Christmas Twice” (“Ir-​Russi Jiċċelebraw il-​Milied Darbtejn”), il-​gazzetta Izvestiya tirrapporta: “Kważi 1 minn kull 10 Russi jiċċelebra l-​Milied darbtejn. Bħalma wera l-​istħarriġ miċ-​ċentru tal-​kontroll ROMIR (Russian Public Opinion and Market Research), 8 fil-​mija minn dawk li wieġbu ammettew li huma jiċċelebraw il-​Milied kemm fil-​25 taʼ Diċembru, skond il-​kalendarju tal-​Milied Kattoliku, u kemm fis-​7 taʼ Jannar, skond l-​Ortodossija . . . Għal xi wħud, jidher ċar li l-​aspett reliġjuż tal-​Milied m’huwiex importanti daqskemm hi l-​opportunità li jiċċelebraw.”a

Iċ-​Ċelebrazzjonijiet li Jsiru Bħalissa Tassew Jonoraw lil Kristu?

Jidher ċar li jkun hemm ħafna mġiba li ma tonorax lil Alla fl-​istaġun tal-​festi. Hu kemm hu inkwetanti dan il-​fatt, xi wħud jistgħu jħossu li għandhom josservaw iċ-​ċelebrazzjonijiet minħabba r-​rispett li għandhom lejn Alla u Kristu. Ix-​xewqa li jkollu individwu biex jogħġob lil Alla hi taʼ min ifaħħarha. Imma Alla u Kristu tassew li jifirħu bl-​istaġun tal-​Milied? Ikkunsidra minfejn beda.

Per eżempju, hi x’inhi l-​ħarsa taʼ dak li jkun lejn l-​attitudni Sovjetika dwar il-​Milied, ma tantx nistgħu mmeru l-​fatti storiċi li nsibu fil-​Great Soviet Encyclopedia: “Il-​Milied . . . ġie misluf mill-​qima taʼ qabel il-​Kristjanità lill-​allat ‘li jmutu u jqumu mill-​imwiet,’ li kienet mifruxa speċjalment fost nies taʼ l-​agrikultura li, f’perijodu li s-​soltu jitwarrab għas-​solstizju mill-​21 sal-​25 taʼ Diċembru, kull sena kienu jiċċelebraw it-​‘twelid’ taʼ l-​Alla-Salvatur, li jqajjem lin-​natura għal ħajja ġdida.”

Tistaʼ tara kemm hu importanti dak li ssemmi b’eżattezza din l-​enċiklopedija meta tgħid: “Il-​Kristjanità taʼ l-​ewwel sekli ma kinitx familjari maċ-​ċelebrazzjoni tal-​Milied. . . . Minn nofs ir-​rabaʼ seklu, il-​Kristjanità adottat id-​drawwa taċ-​ċelebrazzjoni tas-​solstizju tax-​xitwa tal-​qima taʼ Mitra, u għamlitha ċ-​ċelebrazzjoni tal-​Milied. L-​ewwel ma bdew jiċċelebraw il-​Milied kienu l-​komunitajiet reliġjużi taʼ Ruma. Fl-​għaxar seklu, il-​Milied, flimkien mal-​Kristjanità, inxtered fir-​Russja, fejn tħallat maċ-​ċelebrazzjoni tax-​xitwa tas-​Slavi tal-​qedem, li kienu jonoraw l-​ispirti taʼ l-​antenati.”

Għandek mnejn tistaqsi, ‘Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, x’tgħid dwar it-​twelid taʼ Ġesù fil-​25 taʼ Diċembru?’ Fir-​realtà, il-​Bibbja ma tispeċifika ebda data għat-​twelid taʼ Ġesù, u m’hemm ebda informazzjoni mniżżla bil-​miktub li Ġesù nnifsu qatt tkellem dwar dan, aħseb u ara kemm ikkmanda li jiġi ċelebrat. Madankollu, il-​Bibbja tgħinna niddeterminaw iż-​żmien tas-​sena li fih twieled Ġesù.

Skond l-​Evanġelju taʼ Mattew, kapitlu 26 u 27, Ġesù nqatel fl-​14 taʼ Nisan, tard fil-​jum tal-​Qbiż Lhudi li beda fil-​31 taʼ Marzu, tas-​sena 33 E.K. Mill-​Evanġelju taʼ Luqa nitgħallmu li Ġesù kellu xi 30 sena meta tgħammed u beda l-​ministeru tiegħu. (Luqa 3:​21-23) Dan il-​ministeru dam tliet snin u nofs. Għalhekk, Ġesù kellu xi 33 sena u nofs meta miet. Hu kien se jagħlaq 34 sena fl-​1 t’Ottubru, tas-​sena 33 E.K. Luqa jirrapporta li fiż-​żmien tat-​twelid taʼ Ġesù, ir-​rgħajja “li kienu jgħixu barra, [kienu] għassa bil-​lejl mal-​merħliet tagħhom.” (Luqa 2:8) Ir-​rgħajja ma kinux se joħorġu bil-​merħliet tagħhom fil-​kesħa taʼ Diċembru, xahar li fih tistaʼ saħansitra tagħmel il-​borra fil-​viċinanzi taʼ Betlehem. Imma huma setgħu kienu barra bil-​merħliet tagħhom madwar l-​1 t’Ottubru, li skond l-​evidenza kien iż-​żmien li fih twieled Ġesù.

Allura issa xi ngħidu għaċ-​ċelebrazzjoni tas-​Sena l-​Ġdida? Bħalma rajna, dakinhar ikun hemm ħafna tbaħrid. Minkejja li pprovaw ineħħulha t-​tifsir reliġjuż, din għandha wkoll oriġini dubjuża.

Jidher ċar li minħabba l-​affarijiet li jseħħu fl-​istaġun tal-​festi, frażijiet bħal, Ġesù hu r-​raġun taʼ l-​istaġun, ma jagħmlux sens. Jekk int irrabjat minħabba l-​kummerċjaliżmu u l-​imġiba ħażina marbuta maʼ l-​istaġun tal-​Milied, kif ukoll mill-​oriġini pagana u immorali, taqtax qalbek. Hemm mod xieraq kif tistaʼ turi riverenza kif jixraq lil Alla u tonora lil Kristu, u fl-​istess ħin issaħħaħ ir-​rabtiet tal-​familja.

Mod Aħjar Kif Tonora lil Alla u lil Kristu

Il-​Bibbja tgħidilna li Ġesù Kristu ġie biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Hu ppermetta li jinqatel, u minn jeddu miet għal dnubietna. Għandu mnejn li xi wħud jixtiequ jonoraw lil Kristu, u jħossu li jistgħu jagħmlu dan matul l-​istaġun tal-​Milied. Imma bħalma rajna, il-​Milied u s-​Sena l-​Ġdida ftit li xejn huma konnessi maʼ Kristu u ġejjin minn ċelebrazzjonijiet pagani. Ukoll, l-​istaġun tal-​Milied, hu kemm hu attraenti għal xi wħud, hu karatterizzat minn kummerċjaliżmu sfrenat. Barra minn hekk, irridu nammettu li l-​festa tal-​Milied hija assoċjata maʼ mġiba tal-​mistħija li ma togħġobx lil Alla u lil Kristu.

Kif għandu jirreaġixxi min qed jipprova jogħġob lil Alla? Minflok ma jżomm maʼ tradizzjonijiet umani li jistgħu jserrħu ftit mix-​xewqat reliġjużi tiegħu imma li huma kontra l-​Iskrittura, individwu sinċier se jfittex il-​mod kif verament jistaʼ jonora lil Alla u lil Kristu. Liema hu dan il-​mod veru, u x’għandna nagħmlu?

Kristu nnifsu jgħidilna: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, individwu li jkun tassew sinċier jipprova jieħu għarfien eżatt dwar kif għandu jonora lil Alla u lil Kristu. Imbagħad hu japplika dan l-​għarfien mhux biss f’ċertu żmien tas-​sena imma fil-​ħajja tiegħu taʼ kuljum. Alla jieħu gost ħafna bi sforzi sinċieri bħal dawn, li jistgħu jwasslu għall-​ħajja taʼ dejjem.

Tixtieq li l-​familja tiegħek tkun fost dawk li tassew jonoraw lil Alla u lil Kristu fi qbil maʼ l-​Iskrittura? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għenu lil miljuni taʼ familji madwar id-​dinja biex jieħdu għarfien vitali mill-​Bibbja. Nistidnuk mill-​qalb biex tikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​inħawi tiegħek jew tiktbilhom fl-​indirizz adattat li jinsab f’paġna 2 taʼ din ir-​rivista.

[Nota taʼ taħt]

a Qabel ir-​rivoluzzjoni t’Ottubru taʼ l-​1917, ir-​Russja kienet tuża l-​kalendarju Ġuljan li kien iktar antik, imma ħafna pajjiżi kienu qablu li jużaw il-​kalendarju Gregorjan. Fl-​1917 il-​kalendarju Ġuljan kien 13-il jum lura minn dak Gregorjan. Wara r-​rivoluzzjoni, is-​Sovjetiċi qalbu għall-​kalendarju Gregorjan, u b’hekk ir-​Russja bdiet tuża l-​istess kalendarju bħall-​bqija tad-​dinja. Però, il-​Knisja Ortodossa żammet il-​kalendarju Ġuljan għaċ-​ċelebrazzjonijiet tagħha, u bdiet issejjaħlu l-​kalendarju fuq “Stil Antik.” Għandek mnejn tismaʼ li l-​Milied fir-​Russja jiġi ċelebrat fis-​7 taʼ Jannar. Però, żomm f’moħħok li s-​7 taʼ Jannar fil-​kalendarju Gregorjan hu l-​25 taʼ Diċembru fil-​kalendarju Ġuljan. Għalhekk, ħafna Russi jorganizzaw l-​istaġun tagħhom tal-​festi b’dan il-​mod: il-​25 taʼ Diċembru, il-​Milied tal-​Punent; l-​1 taʼ Jannar, is-​Sena l-​Ġdida sekulari; is-​7 taʼ Jannar, il-​Milied Ortodoss; l-​14 taʼ Jannar, is-​Sena l-​Ġdida fuq Stil Antik.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

L-​Oriġini taċ-​Ċelebrazzjoni tas-​Sena l-​Ġdida

Patri Ġeorġjan Ortodoss Jesprimi l-​Opinjoni Tiegħu bil-​Kuraġġ

“Il-​festa tas-​Sena l-​Ġdida ġejja minn għadd taʼ festi pagani taʼ Ruma tal-​qedem. L-​1 taʼ Jannar kien jum taʼ festa dedikat lill-​alla pagan Ġanu, u l-​isem tax-​xahar [Jannar] ġej minn ismu. Xbihat taʼ Ġanu kellhom żewġt uċuħ f’żewġ naħat opposti, li kienu jfissru li hu ra kemm il-​passat u kemm il-​preżent. Kien hemm għajdut li kulmin kien jilqaʼ l-​1 taʼ Jannar bil-​ferħ, bid-​daħq, u bl-​abbundanza taʼ xorb u ikel kien se jgħaddi s-​sena kollha bil-​ferħ u b’saħħa tajba. L-​istess superstizzjoni hija marbuta maċ-​ċelebrazzjonijiet tas-​sena l-​ġdida li jsiru minn ħafna nies f’pajjiżna . . . Matul ċerti festi pagani, in-​nies kienu direttament iġibu sagrifiċċji lil xi idolu. Xi wħud minn dawn kienu magħrufin għall-​orġji immorali, l-​adulterju, u ż-​żína. Okkażjonijiet oħra, per eżempju l-​festa taʼ Ġanu, kienu jkunu akkumpanjati minn ikel u xorb żejjed, sokor, u kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa. Jekk niftakru kif aħna stess fil-​passat iċċelebrajna s-​Sena l-​Ġdida, allura rridu nammettu li lkoll ħadna sehem f’din iċ-​ċelebrazzjoni pagana.”—Gazzetta tal-​Ġeorġja.

[Stampa f’paġna 6]

Il-​Kristjaneżmu adotta l-​qima taʼ Mitra

[Sors]

Il-​Mużew taʼ Wiesbaden

[Stampa f’paġna 7]

Ir-​rgħajja ma kinux se jkunu barra bil-​merħliet tagħhom fil-​kesħa taʼ Diċembru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja