LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 12/15 pp. 4-8
  • Il-Milied—Għala Saħansitra fl-Orjent?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Milied—Għala Saħansitra fl-Orjent?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Irwol taʼ l-​Għoti tar-​Rigali
  • L-​Oriġini tal-​Milied
  • Dehen Skritturali Rigward il-​Milied
  • Il-Milied—Għala daqshekk Popolari fil-Ġappun
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-Milied Xi Jfisser Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Milied fl-Orjent
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 12/15 pp. 4-8

Il-​Milied—Għala Saħansitra fl-​Orjent?

TWEMMIN antik Orjentali jfakkarna f’Santa Klaws tal-​Milied. Dan huwa t-​twemmin tal-​Koreani f’wieħed li jismu Chowangshin, u xi ħaġa simili tistaʼ tinstab fost xi Ċiniżi u Ġappuniżi.

Chowangshin kien meqjus bħala l-​alla li jieħu ħsieb il-​kċina, alla tan-​nar li kellu konnessjoni mal-​qima tan-​nar Koreana taʼ l-​antik. (Fi żmien il-​qedem il-​Koreani kienu jittrasportaw il-​faħam jaqbad b’attenzjoni kbira, billi joqogħdu b’sebaʼ għajnejn li dan qatt ma jintefa.) Kienu jemmnu li dan l-​alla kien joqgħod għassa għall-​kondotta tal-​membri tal-​familja għal sena sħiħa, u wara kien jitlaʼ s-​sema minn ġol-​fuklar u ċ-​ċumnija tal-​kċina.

Dejjem kif jgħidu, dan Chowangshin kien jagħti rapport lis-​sultan tas-​sema fit-​23 jum tax-​xahar qamri taʼ Diċembru. Hu kien mistenni li jirritorna fl-​aħħar tas-​sena minn ġoċ-​ċumnija u l-​fuklar, u jġib miegħu premjijiet u kastigi skond il-​kondotta taʼ kull individwu. Fil-​jum li kien jirritorna, il-​membri tal-​familja kellhom jixegħlu x-​xemgħat fil-​kċina u f’partijiet oħra tad-​dar. Stampi taʼ dan l-​alla tal-​kċina juru xebh ieħor maʼ Santa Klaws—dan jidher liebes l-​aħmar! Qabel kien hemm id-​drawwa li l-​mara tat-​tifel taħdem par kalzetti Koreani tradizzjonali u fis-​solstizju tax-​xitwa tagħtihom lill-​kunjata tagħha. Dan kien jissimbolizza x-​xewqa tagħha li l-​kunjata jkollha ħajja twila, peress li l-​ġranet jitwalu wara dik id-​data.

M’intix tinnota ċertu xebh bejn il-​punti li ssemmew u l-​Milied? Dawn għandhom stejjer u drawwiet simili: iċ-​ċumnija, ix-​xemgħat, l-​għoti tar-​rigali, il-​kalzetti, raġel xiħ liebes l-​aħmar, u d-​data. Xorta waħda, xebh bħal dan ma jispjegax minnu nnifsu għala l-​Milied fil-​Korea ġie aċċettat daqshekk faċilment. It-​twemmin f’Chowangshin kien għoddu għosfor sakemm il-​Milied ġie introdott għall-​ewwel darba fil-​Korea. Fil-​fatt, il-​biċċa l-​kbira tal-​Koreani llum lanqas biss jafu li twemmin bħal dan kien jeżisti.

Madankollu, dan juri kif drawwiet relatati mas-​solstizju tax-​xitwa u maʼ l-​aħħar tas-​sena nfirxu mad-​dinja kollha minn toroq differenti. Fir-​rabaʼ seklu E.K., il-​knisja prevalenti fl-​Imperu Ruman biddlet l-​isem tas-​Saturnalja, il-​festa Rumana pagana tat-​twelid taʼ l-​alla xemx, u għamlitha parti mill-​Milied. Iċ-​ċelebrazzjoni tal-​Milied ma kinitx ħlief rinaxximent taʼ drawwiet lokali taħt isem differenti. Dan kif kien possibbli?

L-​Irwol taʼ l-​Għoti tar-​Rigali

L-​għoti tar-​rigali huwa drawwa waħda li qatt ma spiċċat. Għal ħafna żmien, il-​Koreani sabu ħafna ferħ f’li jagħtu u jirċievu r-​rigali. Din kienet raġuni waħda għala saret popolari ċ-​ċelebrazzjoni tal-​Milied fil-​Korea.

Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​knejjes kienu l-​postijiet fejn is-​suldati Amerikani stazzjonati fil-​Korea li riedu jsaħħu l-​ħbiberija tagħhom mal-​poplu, setgħu jiltaqgħu u jqassmu rigali u għajnuniet oħra. Dan kien isir b’mod speċjali f’jum il-​Milied. Ħafna tfal kienu jżuru l-​knejjes biex jaqtgħu l-​kurżità, u hemmhekk kellhom l-​ewwel esperjenza taʼ rigali bħaċ-​ċikkulata. Bħalma tistaʼ tifhem, ħafna minnhom imbagħad kienu jħarsu ’l quddiem għall-​Milied taʼ wara.

Għal dawn it-​tfal, Santa Klaws kien suldat Amerikan b’barnuża ħamra. Proverbji 19:6 jgħid: “Kulħadd ħabib taʼ min iħobb jagħti.” Iva, l-​għoti tar-​rigali wera li kien effettiv ħafna. Imma bħalma tistaʼ tikkonkludi minn dan il-​vers, rigali bħal dawn ma jiggarantux ħbiberija dejjiema. Anki fil-​Korea, ħafna huma dawk li l-​esperjenzi li kellhom mal-​knisja m’ammontaw għal xejn ħlief biex daqu ċ-​ċikkulata fi tfulithom. Madankollu, il-​Milied ma ntesiex. Maʼ l-​iżvilupp ekonomiku mgħaġġel fil-​Korea żdied il-​kummerċjaliżmu, u l-​għoti tar-​rigali fil-​Milied kien mezz sempliċi kif tingħata spinta biex in-​nies jonfqu iktar. In-​negozji sfruttaw il-​Milied biex iżidu l-​profitti.

Dan jipprovdilek dehen dwar il-​Milied fl-​Orjent illum. Bit-​tir li japprofittaw ruħhom mix-​xiri sfrenat tal-​Milied, jiġu żviluppati prodotti ġodda. Ir-​reklami jibdew jippjanawhom min-​nofs is-​sajf. L-​ammont taʼ bejgħ jilħaq il-​quċċata tiegħu fl-​aħħar tas-​sena, bis-​saħħa tax-​xiri kollu li jsir taʼ rigali tal-​Milied, kartolini, u diski. Ibqaʼ ċert, li r-​reklami se jġagħlu lil xi żagħżugħ jew żagħżugħa jħossuhom miżerabbli jekk dawn jibqgħu d-​dar u ma jixtrux rigali lejlet il-​Milied!

Hekk kif joqrob jum il-​Milied, il-​ħwienet u ċ-​ċentri kummerċjali f’Seoul jimtlew bin-​nies li jmorru biex jixtru r-​rigali, u l-​istess jiġri fi bliet Orjentali oħra. It-​traffiku jkun staġnat. Il-​lukandi, id-​distretti tan-​negozju, ir-​restoranti, u n-​nightclubs ikunu ppakkjati bin-​nies. Wieħed jistaʼ jismaʼ storbju sħiħ taʼ nies jixxalaw u jkantaw. F’lejlet il-​Milied, tistaʼ tara rġiel u nisa fis-​sakra għaddejjin minn toroq maħmuġin u mimlijin skart.

Hekk sar il-​Milied. Fl-​Orjent, il-​Milied m’għadux iktar festa ċelebrata minn nies li jistqarru li huma Kristjani. Ovvjament, fil-​Korea bħal fi kwalunkwe post ieħor, il-​kummerċjaliżmu jinsab fuq quddiem f’li jieħu vantaġġ kemm jistaʼ minn din il-​festa tal-​Kristjaneżmu. Allura, huwa biss it-​tort tal-​kummerċjaliżmu li l-​Milied tant sar ma jaqbilx maʼ l-​ispirtu taʼ Kristu? Il-​Kristjani veri jeħtieġ li jfittxu iktar fil-​fond rigward il-​kwistjoni serja li hija involuta.

L-​Oriġini tal-​Milied

Annimal salvaġġ li jqegħduh f’gaġġa ġo ġnien żooloġiku xorta waħda bhima jibqaʼ. U tkun qed tiżbalja bl-​ikrah jekk temmen li dan immansa minħabba s-​sempliċi fatt li ilu ġo gaġġa għal xi żmien u li jidher li qed jieħu pjaċir flimkien maż-​żgħar tiegħu. Forsi ġieli smajt b’rapporti taʼ nies li jaħdmu f’ġonna żooloġiċi li ġew attakkati.

F’ċerti aspetti nistgħu ngħidu l-​istess ħaġa rigward iċ-​ċelebrazzjoni tal-​Milied. Għall-​ewwel din kienet “bhima” li kienet teżisti barra l-​Kristjanità. Taħt is-​sottitlu “Ir-​Relazzjoni mas-​Saturnalja Rumana,” The Christian Encyclopedia (bil-Korean)a tagħmel din l-​osservazzjoni rigward il-​Milied:

“Iċ-​ċelebrazzjonijiet pagani tas-​Saturnalja u l-​Brumalja kienu daħlu wisq fil-​fond fid-​drawwiet popolari biex jitwarrbu min-​nofs minħabba influwenza Kristjana. Ir-​rikonoxximent tal-​Ħadd ([Sunday] il-​jum taʼ Febu u Mitra kif ukoll taʼ Jum il-​Mulej) mill-​imperatur Kostantinu . . . setaʼ wassal biex il-​Kristjani tar-​rabaʼ seklu jħossu li jkun xieraq li jagħmlu jum it-​twelid taʼ l-​Iben t’Alla l-​istess bħal dak tax-​xemx fiżika. Il-​festa pagana, bix-​xalar sfrenat u l-​briju li kellha, tant kienet popolari li l-​Kristjani ħadu pjaċir li kien se jkollhom skuża biex ikomplu jiċċelebrawha bla ma jinbidel kważi xejn mill-​ispirtu u l-​manjiera tagħha.”

Taħseb li żvilupp bħal dan setaʼ jseħħ mingħajr ebda oppożizzjoni? L-​istess enċiklopedija tgħid: “Il-​predikaturi Kristjani tal-​Punent u tal-​Lvant Eqreb ipprotestaw kontra n-​nuqqas taʼ serjetà mhix xierqa li biha kien qiegħed jiġi ċelebrat jum it-​twelid taʼ Kristu, filwaqt li l-​Kristjani tal-​Mesopotamja akkużaw lil ħuthom tal-​Punent bl-​idolatrija u l-​qima tax-​xemx għaliex kienu adottaw din il-​festa pagana bħala waħda Kristjana.” Verament, xi ħaġa kienet ħażina mill-​bidunett. “Madankollu, din il-​festa malajr ġiet aċċettata u fl-​aħħar tant saret stabbilita fis-​sod li lanqas ir-​rivoluzzjoni Protestanta tas-​seklu sittax ma kellha l-​ħila tneħħiha,” tinnota l-​enċiklopedija.

Iva, il-​knisja li kellha l-​iktar influwenza fuq in-​nies adottat festa taʼ l-​alla xemx, li ma kinitx parti mill-​Kristjanità vera. Din ngħatat isem differenti—imma l-​karatteristiċi pagani tagħha hemm baqgħu. U din għenet biex il-​paganiżmu jiġi mdeffes ġewwa reliġjonijiet Kristjani taʼ l-​isem biss u biex tikkorrompi l-​ispiritwalità taʼ l-​individwi. L-​istorja tikkonferma li hekk kif żviluppa l-​Kristjaneżmu, l-​attitudni oriġinali taʼ “ħobb l-​għedewwa tiegħek” ċediet postha għal degradazzjonijiet morali u gwerer vjolenti.

Maż-żmien, beda jidher ċar li minkejja l-​isem falz li ngħata, il-​Milied irrifletta l-​oriġini pagani tiegħu bix-​xalar, xorb eċċessiv, briju, żfin, għoti taʼ rigali, u t-​tiżjin tad-​djar b’siġar li dejjem iħaddru. Sabiex tintlaħaq il-​mira aħħarija tal-​kummerċjaliżmu, jiġifieri iktar bejgħ, il-​Milied ġie sfruttat b’kull mod possibbli. Il-​mezzi tax-​xandir ifaħħruh; il-​pubbliku sempliċement jitpaxxa bih. Fil-​qalba taʼ Seoul, ħanut li jispeċjalizza fil-​ħwejjeġ taʼ taħt issemma fl-​aħbarijiet tat-​televixin wara li fil-​vetrina tiegħu kien esibixxa siġra tal-​Milied imżejna biss bil-​ħwejjeġ taʼ taħt. L-​atmosfera tal-​Milied kienet tidher, imma l-​ebda sinjal taʼ merħba lil Kristu ma kien hemm.

Dehen Skritturali Rigward il-​Milied

X’nitgħallmu minn sfond storiku u żviluppi bħal dawn? Jekk qmis jew flokk jinqafel ħażin mill-​ewwel buttuna, l-​uniku mod kif tirranġa s-​sitwazzjoni huwa li tibda mill-​ġdid. M’huwiex dan minnu? Minkejja din il-​verità, xi wħud jirraġunaw li minkejja l-​għeruq pagani li għandu fil-​qima tax-​xemx, il-​Milied ġie aċċettat mill-​Kristjaneżmu. Għaldaqstant iħossu li l-​festa ġiet approvata bħala jum it-​twelid taʼ Kristu u li ngħatat sinjifikat ġdid.

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni siewja minn ġrajja storika li seħħet f’Ġuda tal-​qedem. Fis-​sena 612 Q.E.K., il-​Ġudeani introduċew il-​qima pagana tax-​xemx fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Kienet qima pagana bħal din approvata għax bdiet issir fil-​post dedikat għall-​qima nadifa t’Alla Jehovah? Il-​kittieb Bibliku Eżekjel kiteb dwar il-​qima tax-​xemx li kienet qed tiġi prattikata fit-​tempju taʼ Ġerusalemm: “Hemm fid-​daħla tat-​tempju tal-​Mulej, bejn il-​portiku u l-​artal, kien hemm xi ħamsa u għoxrin raġel, . . . wiċċhom lejn il-​lvant, imilu lejn ix-​xemx. U qalli: ‘O bniedem, m’intix tara? M’hux biżżejjed għad-​dar taʼ Ġuda li jagħmlu l-​għarukażijiet li qegħdin jagħmlu hawn? Li jimlew l-​art bil-​vjolenza u hekk iqanqlu aktar l-​għadab tiegħi? U arahom, . . . [“qed itemmgħuli r-​rimja maʼ mnieħri?” NW].’”—Eżekjel 8:16, 17.

Iva, minflok ma ġiet imqaddsa, dik il-​forma pagana taʼ qima pperikolat it-​tempju kollu kemm hu. Prattiċi bħal dawn infirxu maʼ Ġuda kollha u kkontribwew biex ikun hemm il-​vjolenza u d-​degradazzjoni morali f’dik l-​art. L-​istess ħaġa tiġri fil-​Kristjaneżmu, meta prattiċi li joriġinaw mill-​qima tax-​xemx tas-​Saturnalja jkollhom post prominenti fil-​Milied. B’mod sinjifikanti, ftit snin wara li Eżekjel irċieva dik il-​viżjoni, Ġerusalemm ġarrbet il-​ġudizzju t’Alla—spiċċat meqruda taħt idejn il-​Babiloniżi.—2 Kronaki 36:15-20.

Għandu mnejn li ġagħlitek titbissem id-​deskrizzjoni taċ-​ċkejken Ġesù minn studjuż Korean, imsemmija fl-​artiklu taʼ qabel. Imma l-​fatt hu li r-​reazzjoni għandha validità konsiderevoli, meta tqis li dan il-​kliem kien ġej mingħand persuna li m’għandhiex għarfien eżatt dwar Kristu. Dan jistaʼ jġiegħel lin-​nies li jiċċelebraw il-​Milied jaħsbu bis-​serjetà. Għala? Għax il-​Milied jonqos li jirrappreżenta lil Kristu b’mod korrett. Fil-​fatt, hu jaħbi l-​pożizzjoni vera li jokkupa bħalissa. Ġesù m’għadux iktar tarbija f’maxtura.

Għal darba wara l-​oħra, il-​Bibbja tenfasizza li Ġesù hu issa l-​Messija, is-​Sultan qawwi tas-​Saltna t’Alla fis-​sema. (Apokalissi 11:15) Hu jinsab lest biex itemm il-​faqar u l-​miżerja li xi nies jiftakru fihom matul l-​istaġun tal-​Milied meta jagħtu lil istituzzjonijiet tal-​karità.

Ngħiduha kif inhi, la l-​pajjiżi tal-​Kristjaneżmu u lanqas pajjiżi oħra, inkluż dawk fl-​Orjent, ma bbenefikaw mill-​Milied. Pjuttost, dan neħħa l-​attenzjoni minn fuq il-​messaġġ Kristjan veru dwar is-​Saltna t’Alla u t-​tmiem tas-​sistema preżenti mill-​agħar. (Mattew 24:14) Aħna nistidnuk biex tistaqsi lix-​Xhieda taʼ Jehovah dwar kif se jiġi dak it-​tmiem. U tistaʼ titgħallem mingħandhom dwar il-​barkiet dejjiema li mbagħad se jkun hawn fuq l-​art, taħt id-​direzzjoni tas-​Saltna t’Alla u tas-​Sultan renjanti, Ġesù Kristu.—Apokalissi 21:3, 4.

[Nota taʼ taħt]

a Ibbażat fuq The New Schaff-Herzog Encyclopedia of Religious Knowledge.

[Kumment f’paġna 6]

Il-​Milied għen biex il-​paganiżmu jiġi mdeffes ġewwa reliġjonijiet Kristjani taʼ l-​isem biss

[Stampa f’paġna 5]

Ħafna tfal kienu jżuru l-​knejjes biex jaqtgħu l-​kurżità, u kienu jirċievu rigali taʼ ċikkulata. Imbagħad kienu jħarsu ’l quddiem għall-​Milied li jmiss

[Stampa f’paġna 7]

Lejlet il-​Milied fil-​qalba taʼ Seoul, fil-​Korea

[Stampa f’paġna 8]

Kristu m’għadux iktar tarbija imma s-​Sultan qawwi tas-​Saltna t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja