Insibu Paċi Vera f’Art Mimlija Inkwiet
“Il-mostru tal-vjolenza settarja ħareġ għalkollox mill-gaġġa tiegħu,” qal rapport lura fl-1969. Dak kien meta Żmien l-Inkwiet, il-perijodu kurrenti taʼ inkwiet fl-Irlanda taʼ Fuq, beda jiżdied.
IL-VJOLENZA settarja u l-qtil saru xi ħaġa komuni hekk kif qattiela Protestanti u Kattoliċi, “l-irġiel salvaġġi fuq iż-żewġ naħat” tal-qasam politiku u reliġjuż, żiedu t-taqbida tagħhom sabiex jiddominaw l-Irlanda. Minn dakinhar ’l hawn, “iktar minn 3,600 ruħ inqatlu u eluf ġew immankati fi kważi 30 sena taʼ vjolenza,” tirrapporta The Irish Times.
M’għandniex xi ngħidu, din m’hijiex xi taqbida ġdida. Ilha titturmenta lill-Irlanda għal sekli sħaħ. Fi snin reċenti, l-iktar effetti letali tagħha nħassu fl-Irlanda taʼ Fuq, imma l-ħajjiet tan-nies Irlandiżi kollha ġew rovinati minħabba l-imrar u l-ġlied li din ħolqot.
F’din is-sitwazzjoni, ix-Xhieda taʼ Jehovah ilhom issa għal iktar minn mitt sena jippontaw lejn is-soluzzjoni vera għall-problemi li tturmentaw lil din l-art mimlija inkwiet. Din is-soluzzjoni hi s-Saltna t’Alla f’idejn Ġesù Kristu. (Mattew 6:9, 10) Fil-bidu taʼ Żmien l-Inkwiet fl-1969, kien hemm 876 Xhud taʼ Jehovah fl-Irlanda. Issa hemm ferm iktar minn 4,500 f’iktar minn 100 kongregazzjoni. Dawn li ġejjin huma ftit esperjenzi minn xi wħud li ċaħdu attivitajiet politiċi u paramilitari.
“Meta Nikber, se Ningħaqad maʼ l-IRA!”
Michaela trabba bħala Kattoliku fir-Repubblika taʼ l-Irlanda. Fl-iskola kien ġie mgħallem xi ħaġa mill-istorja taʼ l-Irlanda u l-konflitti tagħha li kienu ilhom sejrin għal sekli sħaħ mal-Britannja. Mindu kien żgħir, hu żviluppa mibegħda kbira lejn l-Ingliżi, li kien iqishom bħala “oppressuri tan-nies Irlandiżi.” Meta kellu għaxar snin, hu qal lil nanntu, “Meta nikber, se ningħaqad maʼ l-IRA!” (L-Armata Repubblikana Irlandiża) “Qlajt daqqa taʼ ħarta fuq wiċċi li għadni niftakarha sal-lum,” hu jgħid. Iktar tard hu sar jaf li nannuh kien fl-armata Britannika matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Darba minnhom nanntu kellha toqgħod quddiem nannuh biex tevita li membri taʼ l-IRA jisparawlu.
Xorta waħda, meta kiber, Michael ried jagħmel xi ħaġa sabiex jgħin lill-Kattoliċi sħabu fl-Irlanda taʼ Fuq. “Dak iż-żmien kont inqis,” hu jgħid, “li l-uniċi nies li kienu qed jagħmlu xi ħaġa biex jgħinu lin-nies Kattoliċi fl-Irlanda taʼ Fuq kienu dawk taʼ l-IRA.” Ispirat b’dak li kien jikkunsidraha kawża ġusta, hu sar membru taʼ l-IRA u rċieva taħriġ fl-użu taʼ l-armi. Tlieta minn sħabu nqatlu b’tiri tan-nar mill-paramilitari Protestanti fl-Irlanda taʼ Fuq.
Eventwalment, Michael sar diżappuntat bit-taqbida paramilitari, u kien mifxul, per eżempju, bil-mibegħda ħarxa li kienet qed tkompli teżisti fost gruppi paramilitari differenti. Waqt li kien il-ħabs minħabba offiżi f’konnessjoni maʼ l-attività taʼ l-IRA, hu talab lil Alla biex jgħinu jsib il-mogħdija vera lejn il-paċi dejjiema u l-ġustizzja. Ftit taż-żmien wara x-Xhieda taʼ Jehovah marru jżuruh f’daru. Madankollu, preġudizzji antiki ħolqu t-tfixkil. Ix-Xhieda kienu Ingliżi. Kien diffiċli għalih li jismaʼ minħabba l-mibegħda qawwija li kellu lejhom. “Jien mhux dejjem urejt li kont ferħan li qed narahom,” hu jgħid, “imma huma ppersistew f’li jiġu u jkellmuni, u bdejt nara li s-Saltna t’Alla se ttemm l-inġustizzji politiċi u soċjali kollha li jien kont qed niġġieled biex neħles minnhom għal kollox.”—Salm 37:10, 11; 72:12-14.
Is-sitwazzjoni kritika ġiet darba fil-għaxija meta Michael iltaqaʼ mal-fizzjal kmandant tiegħu taʼ l-IRA, li qallu, “Għandna biċċa xogħol għalik.” “Jien ħassejt li kelli nagħmel għażla minnufih,” jgħid Michael, “u għalhekk ħadt nifs qawwi u għedtlu, ‘Jien issa wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah,’ għalkemm sa dakinhar kont għadni ma tgħammidtx. Sempliċement kont naf li ridt inkun qaddej taʼ Jehovah.” “Int taʼ min ipoġġik maʼ ħajt u jisparalek,” wieġeb il-fizzjal kmandant. Minkejja t-theddida, Michael abbanduna l-IRA. Kiseb il-kuraġġ biex jagħmel dan billi ħalla l-kliem taʼ Jehovah jeffettwalu moħħu u qalbu. “Maż-żmien, marti u ftit minn uliedi wkoll iddedikaw ħajjithom lil Jehovah. Issa għandna paċi vera f’qalbna. U dejjem se nkunu grati lejn Jehovah talli ppermettielna li nitgħallmu l-verità u nieħdu sehem f’li nxerrdu messaġġ taʼ paċi f’art mimlija inkwiet.”— Salm 34:15 [Salm 34:14, NW]; 119:165.
Li Wieħed Jibqaʼ Newtrali Huwa Tassew taʼ Protezzjoni
“Jien trabbejt fil-kampanja fil-Kontea taʼ Derry fl-Irlanda taʼ Fuq,” jgħid Patrick. “Meta kont żgħir, ma kont naf xejn ħlief bi Żmien l-Inkwiet. Ovvjament, dak l-ambjent effettwa l-ħarsa u l-ħsieb tiegħi.” Patrick żviluppa ħarsiet estremisti influwenzati minn nazzjonaliżmu malinn u preġudizzji kbar anti-Britanniċi. Hu ra nies reliġjużi fuq iż-żewġ naħat tat-taqbida politika jiksru prinċipji Kristjani fundamentali kif ukoll prinċipji dwar id-diċenza umana bażika. Bħala riżultat, hu tbiegħed mir-reliġjon, u eventwalment sar ateu u Marxist sod.—Qabbel Mattew 15:7-9; 23:27, 28.
“Il-memorji bikrin tiegħi huma taʼ l-istrajkijiet tal-ġuħ minn ħabsin repubblikani fit-Tramuntana,” jgħid Patrick. “Dawn effettwawni bil-kbir. Niftakarni ntellaʼ l-bandieri Irlandiżi u nħażżeż kliem kontra l-Britanniċi kulfejn stajt. Meta kelli biss 15-il sena, ġejt imqabbad biex nieħu sehem fil-funeral taʼ wieħed minn dawk li għamlu l-istrajk tal-ġuħ u miet fil-ħabs.” Bħal ħafna oħrajn li nqabdu fl-inkwiet u l-konfużjoni taʼ dak iż-żmien, Patrick ħa sehem f’rewwixti u f’marċi taʼ protesti bi tfittxija għal dak li hu kien iqis bħala ġustizzja u ugwaljanza soċjali. Hu żviluppa ħbiberiji mill-qrib maʼ diversi nazzjonalisti estremi, li ħafna minnhom intbagħtu l-ħabs mill-awtoritajiet Britanniċi.
“Imbagħad,” jgħid Patrick, “minħabba raġunijiet ekonomiċi, spiċċajt inqattaʼ ftit taż-żmien l-Ingilterra. Waqt li kont hemm, il-pulizija Britanniċi arrestaw wieħed minn sħabi li kien fuq missjoni t’attakki bil-bombi.” Għalkemm Patrick kien għadu miġbud ħafna lejn il-kawża nazzjonalista, l-attitudni tiegħu kienet bdiet tinbidel. Beda jara li l-preġudizzji tiegħu kontra n-nies Ingliżi kollha kienu fundamentalment bla raġuni. “Bdejt ukoll nirrealizza,” hu jgħid, “li l-attività paramilitari qatt ma kienet se ssolvi tassew il-problemi u tneħħi l-inġustizzji li kienu jnikktuni. Kien hemm wisq korruzzjoni u imperfezzjonijiet oħrajn fost dawk li kienu jikkontrollaw l-organizzazzjonijiet paramilitari.”—Koħèlet 4:1; Ġeremija 10:23.
Eventwalment, Patrick irritorna lejn l-Irlanda taʼ Fuq. “Meta mort lura, kien hemm ħabib tiegħi li introduċieni max-Xhieda taʼ Jehovah.” Mill-istudju tiegħu tal-Bibbja max-Xhieda, Patrick beda jara fejn kienet is-soluzzjoni vera għall-konflitti u l-ġlied taʼ bejn il-bnedmin. Malajr għamel progress spiritwali hekk kif il-prinċipji tal-Bibbja bdew jeffettwawlu moħħu u qalbu. (Efesin 4:20-24) “Issa,” hu jgħid, “minflok nikkonfoffa sabiex inwaqqaʼ s-sistema politika preżenti, ninsab nippriedka l-messaġġ tal-paċi mill-Bibbja, saħansitra fi nħawi tal-lealisti fejn qabel qatt ma kont nażżarda mmur. Fil-fatt, f’dak iż-żmien meta kien hemm ħafna qtil settarju f’Belfast, l-uniċi wħud li setgħu jmorru bil-libertà kollha fl-inħawi tal-lealisti u tan-nazzjonalisti mingħajr vetturi tal-gwerra kienu x-Xhieda taʼ Jehovah.” Bħal Xhieda oħrajn fl-Irlanda taʼ Fuq matul dan iż-żmien, hu sab li meta wieħed jibqaʼ newtrali, sewwa sew bħalma kienu l-Kristjani bikrin, dan huwa tassew taʼ protezzjoni. (Ġwann 17:16; 18:36) Hu jikkonkludi: “Huwa tassew ħelsien li tara li Jehovah, permezz taʼ Ġesù Kristu, se jipprovdi ġustizzja u ħelsien veri mill-moħqrija lejn l-umanità kollha.”—Isaija 32:1, 16-18.
“L-Ixkubetti Tiegħi Kienu l-Unika Protezzjoni li Kelli”
“Jien trabbejt fuq in-naħa l-oħra tal-qasam politiku u reliġjuż,” jgħid William. “Kont mgħaddas fil-preġudizzji Protestanti u kelli mibegħda kbira lejn kwalunkwe ħaġa Kattolika. Lanqas saħansitra kont immur f’ħanut fejn is-sid ikun Kattoliku jekk jistaʼ jkun, u żort ir-Repubblika Irlandiża darba biss. Involvejt ruħi f’diversi gruppi u istituzzjonijiet Protestanti, bħall-Orange Order—organizzazzjoni li hija dedikata għall-ippreservar tar-reliġjon u l-mod taʼ ħajja Protestanta.” Meta kellu 22 sena, William ngħaqad maʼ l-Ulster Defense Regiment, parti taʼ l-armata Britannika ingaġġata lokalment. Il-biċċa l-kbira tal-membri tagħha kienu Protestanti. Hu kien lest għal kollox li joqtol sabiex jiddefendi l-wirt tiegħu. “Kelli fil-pussess tiegħi diversi xkubetti u ma kontx se noqgħod naħsibha darbtejn biex nużahom jekk ikun neċessarju. Kont inżomm waħda minnhom taħt l-imħadda tiegħi bil-lejl.”
Imma mbagħad ġratlu xi ħaġa importanti f’ħajtu. “Meta kont naħdem maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah f’rinnovazzjoni taʼ dar antika, bdejt nirrealizza li dawn kellhom xi ħaġa speċjali. Dan il-ħaddiem kellu effett profond fuqi. Hekk kif konna qed nibnu dik id-dar flimkien, stajt nistaqsih ħafna mistoqsijiet li kienu jinkwetawni dwar Żmien l-Inkwiet, ir-reliġjon, u Alla. It-tweġibiet sempliċi u ċari tiegħu għenuni nqis lix-Xhieda taʼ Jehovah għal dak li huma—ġemgħa taʼ nies magħqudin, bla vjolenza u newtrali politikament, immarkati bl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu.”—Ġwann 13:34, 35.
Wara erbaʼ xhur li beda l-istudju tal-Bibbja, William irriżenja mill-istituzzjonijiet reliġjużi u politiċi kollha li kien assoċjat magħhom. “Dan kien pass kbir għalija,” hu jiftakar, “għax kelli nabbanduna ħafna tradizzjonijiet għeżież li ilhom jeżistu għal ħafna żmien.” Madankollu, l-akbar prova tiegħu kienet għadha ġejja. “Minħabba s-sitwazzjoni fl-Irlanda taʼ Fuq, ħassejt li l-ixkubetti tiegħi kienu l-unika protezzjoni li kelli. Jien kont meqjus bħala ‘mira leġittima’ mill-paramilitari taʼ l-IRA. Għalhekk, kien diffiċli ferm għalija li nabbanduna dawn l-armi.” Iżda, bil-mod il-mod il-pariri tal-Bibbja, bħal dak misjub f’Isaija 2:2-4, biddlulu l-ħarsa tiegħu. Hu ra li fl-aħħar mill-aħħar Jehovah kien il-protezzjoni vera tiegħu, sewwa sew bħalma kien għall-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Imbagħad William abbanduna l-ixkubetti tiegħu.
“Waħda mill-affarijiet li jien tassew ferħan dwarha,” jgħid William, “hija li issa għandi ħbiberiji mill-qalb u permanenti maʼ nies li qabel kont inqishom bħala għedewwa mortali. Ukoll, huwa tassew sors veru taʼ ferħ li nieħu l-messaġġ taʼ tama tal-Bibbja f’postijiet fejn għalija qabel kienu ‘nħawi projbiti’. Meta nirrifletti dwar x’għamlet il-verità għalija u għall-familja tiegħi, inħossni eternament grat lejn Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu.”
“L-Affarijiet ma Kienu Jagħmlu Assolutament l-Ebda Sens”
Robert u Teresa jiġu minn sfondi totalment differenti. “Jien ġej minn familja Protestanta leali,” jgħid Robert. “Xi wħud minn qrabati kienu involuti f’attivitajiet paramilitari. Jien ngħaqadt maʼ l-Ulster Defense Regiment taʼ l-armata Britannika meta kelli 19-il sena. Il-biċċa l-kbira taʼ dak iż-żmien kont inqattgħu nagħmel rondi fl-inħawi fejn kienet tgħix Teresa. Lejla waħda ġejt inkarigat naqdi dmirijiet oħra minflok ir-ronda regulari tiegħi. F’dik il-lejla, il-Land-Rover li suppost kelli nkun fuqha jien splodiet. Mietu żewġ suldati u tnejn oħra weġġgħu.”
Robert beda jaħseb serjament dwar is-sinjifikat tal-ħajja. “Jien dejjem emmint f’Alla, imma meta kont inħares lejn l-Irlanda taʼ Fuq, l-affarijiet ma kienu jagħmlu assolutament l-ebda sens għalija. Bdejt attwalment nitlob lil Alla. Staqsejtu jekk kienx tassew jeżisti, u jekk iva, biex jurini l-mogħdija t-tajba kif għandi ngħix ħajti. Niftakarni ngħid lil Alla li bilfors teżisti reliġjon vera waħda xi mkien!” Eżatt ftit jiem wara, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah żar lil Robert u ħallielu xi letteratura. Meta mar lura d-dar tard bil-lejl wara r-ronda, Robert beda jaqra l-letteratura u spiċċa fil-ħamsa taʼ fil-għodu. “Mill-ewwel irrealizzajt li din kienet il-verità,” hu jgħid, “u stajt nara li kollox kien ġej direttament mill-Bibbja.” (2 Timotju 3:16) Beda studju tal-Bibbja, u f’qasir żmien, hu ddedika ħajtu lil Alla.
“Ix-Xhieda Dejjem Iddireġuna lejn il-Bibbja”
Teresa, mill-banda l-oħra, kienet ġejja minn sfond Kattoliku, b’simpatiji profondi lejn in-nazzjonalisti. “Meta kont għadni żgħira, ngħaqadt max-Sinn Féin.”b Teresa tammetti: “Dan ġagħalni ninvolvi ruħi f’li nappoġġa l-attività paramilitari. Kont ngħin biex jinġabru l-flus għat-taqbid militari. Kont inżomm lill-IRA informata dwar x’kien qed isir fl-inħawi tiegħi. Involvejt ukoll ruħi f’rewwixti u f’attakki bi tfigħ taʼ ġebel fuq il-pulizija u l-armata waqt ir-rondi.”
Meta xi wħud mill-familjari taʼ Teresa bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, dan qajjem il-kurżità lilha wkoll. Il-qawwa tal-Kelma t’Alla influwenzata bil-kbir. “Ix-Xhieda dejjem iddireġuna lejn il-Bibbja biex insibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħna,” hi tgħid. “Il-wegħda taʼ Danjel 2:44 tassew fetħitilna għajnejna. Jien rajt li s-Saltna t’Alla kienet il-mezz veru biex jitneħħew l-inġustizzji kollha li kont qed nitqabad kontrihom.” Bdiet tħoss stmerrija dejjem tikber lejn xi wħud mill-atroċitajiet magħmulin mill-paramilitari. Teresa ma setgħetx tifhem, per eżempju, kif xi ħadd b’sentimenti taʼ mogħdrija u diċenza jistaʼ jieħu pjaċir bl-aħbarijiet taʼ xi azzjoni terrorista fejn jinqatlu jew jiġu mmankati xi suldati jew nies oħrajn, u fejn familji jibqgħu xxokkjati bin-niket u d-diqa. Hi wkoll wieġbet għall-verità tal-Bibbja u ħalliet il-prinċipji t’Alla jaġġustaw il-ħsieb tagħha. Iddedikat ħajjitha lil Alla u f’qasir żmien tgħammdet.—Proverbji 2:1-5, 10-14.
Teresa ltaqgħet maʼ Robert meta t-tnejn li huma kienu jattendu għal-laqgħat f’waħda mill-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Irlanda taʼ Fuq. Hi tikkummenta: “Meta ltqajt l-ewwel darba maʼ Robert, ma stajtx nemmen li kont qed nitkellem b’daqshekk kalma u paċi maʼ xi ħadd li, sa ftit ilu, kont nikkunsidrah bħala parti mis-sistema politika u militari Britannika. Il-Kelma t’Alla żgur għenitni biex inneħħi l-mibegħda u l-preġudizzji qawwijin li kelli.” Hi u Robert sabu li minflok ma kienu maqsumin bil-mibegħda u l-preġudizzji li nibtu mit-tradizzjonijiet u l-kulturi differenti tagħhom, issa kellhom ħafna affarijiet komuni bejniethom. L-iktar waħda qawwija fosthom kienet l-imħabba għal Alla Jehovah. Huma żżewġu u issa qed jaħdmu flimkien f’li jwasslu l-messaġġ t’Alla taʼ paċi vera lin-nies taʼ kull sfond u twemmin f’din l-art mimlija inkwiet.
Oħrajn fl-Irlanda kellhom esperjenzi simili. Billi taw widen u aċċettaw it-tagħlim tal-Kelma mnebbħa t’Alla, huma ħarbu mill-‘filosofiji u kliem qarrieq u fieragħ’ tal-bniedem. (Kolossin 2:8) Issa jpoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom fil-wegħdi t’Alla misjubin fil-Bibbja. Jinsabu ferħanin li jaqsmu maʼ kulmin hu lest li jismaʼ t-tama tagħhom taʼ futur mimli paċi—wieħed li se jkun totalment ħieles mill-vjolenza settarja u taʼ kwalunkwe tip ieħor.—Isaija 11:6-9.
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Partit politiku assoċjat mill-qrib maʼ l-IRA Proviżorja.
[Stampi f’paġna 10]
It-taqbida paramilitari ġiet glorifikata fuq il-ħitan fil-partijiet kollha taʼ l-Irlanda taʼ Fuq