Jalla Qatt ma Nerġgħu Lura Biex Nintilfu!
“M’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu.”—LHUD 10:39.
1. Liema ċirkustanzi wasslu lill-appostlu Pietru biex iċedi għall-biżaʼ?
L-APPOSTLI bilfors li xxokkjaw ruħhom meta Ġesù, l-Imgħallem maħbub tagħhom, qalilhom li kollha kemm huma kienu se jitferrxu u jabbandunawh. Kif setgħet isseħħ ħaġa bħal din—propju issa, f’din is-siegħa meta l-iktar li kellu bżonn l-għajnuna? Pietru insista: “Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx.” Fil-fatt, Pietru kien raġel kuraġġuż u qalbieni. Imma meta Ġesù ġie tradut u arrestat, l-appostli—inkluż Pietru—tferrxu. Iktar tard, waqt li Ġesù kien qed jiġi interrogat fid-dar tal-Qassis il-Kbir Qajfa, Pietru, b’ansjetà kbira, qagħad jitlajja fil-bitħa. Hekk kif il-lejl kiesaħ daħal sew, Pietru x’aktarx li beda jibżaʼ li Ġesù u kulmin kien imsieħeb miegħu kienu se jinqatlu. Meta xi wħud li kienu preżenti għarfu lil Pietru bħala wieħed mill-imseħbin mill-qrib taʼ Ġesù, qabdu paniku. Tliet darbiet irrifjuta li kellu xi rabta maʼ Ġesù. Pietru ċaħad saħansitra li jafu!—Mark 14:27-31, 66-72.
2. (a) Il-korsa taʼ biżaʼ taʼ Pietru fil-lejl meta Ġesù ġie arrestat għala ma tagħmlux wieħed minn “dawk li jerġgħu lura”? (b) X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
2 Dan kien wieħed mill-agħar waqtiet fil-ħajja taʼ Pietru, mument li bla dubju baqaʼ jiddispjaċih dwaru għal għomru kollu. Imma sar ġifa Pietru minħabba dak li għamel dak il-lejl? Sar hu wieħed minn “dawk” li l-appostlu Pawlu iktar tard iddeskriviehom meta kiteb: “Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu”? (Lhud 10:39) X’aktarx li l-biċċa l-kbira minna se naqblu li l-kliem taʼ Pawlu ma japplikax fil-każ taʼ Pietru. Għala? Għaliex il-biżaʼ taʼ Pietru kien temporanju, waqgħa mumentanja f’ħajja mmarkata b’kuraġġ u fidi li jispikkaw. Bl-istess mod, ħafna minna għandna mumenti fil-passat tagħna li niftakruhom u jġagħluna nistħu xi ftit, mumenti meta l-biżaʼ ġie fuqna għal għarrieda u minħabba fih ma stajniex ikollna waqfa taʼ qlubija għall-verità daqskemm konna nixtiequ. (Qabbel Rumani 7:21-23.) Nistgħu nibqgħu ċerti li waqgħat mumentanji bħal dawn ma jagħmluniex li nkunu minn dawk li jerġgħu lura biex jintilfu. Xorta waħda, għandna bżonn inkunu determinati li qatt ma nsiru minn dawk li jerġgħu lura. Għala? U kif nistgħu nevitaw li nsiru persuna bħal din?
X’Ifisser li Terġaʼ lura biex Tintilef
3. Il-profeti Elija u Ġona kif ċedew għall-biżaʼ?
3 Meta Pawlu kiteb dwar “dawk li jerġgħu lura,” ma riedx ifisser dawk li għandhom mnejn isofru xi nuqqas taʼ kuraġġ għal mument. Pawlu żgur li kien jaf bl-esperjenza taʼ Pietru u b’każi simili oħrajn. Elija, li kien profeta qalbieni u ma kellux ħajta fi lsienu, darba minnhom ċeda għall-biżaʼ u ħarab biex isalva ħajtu minħabba theddida taʼ mewt mingħand is-Sultana Ġeżabel li kienet mill-agħar. (1 Slaten 19:1-4) Il-profeta Ġona kellu taqbida iktar serja mal-biżaʼ. Jehovah inkarigah biex jivvjaġġa lejn il-belt taʼ Ninwè li kienet magħrufa għall-vjolenza u l-ħażen mill-agħar tagħha. Ġona minnufih imbarka fuq ġifen li kien sejjer lejn Tarsis—3,500 kilometru fid-direzzjoni opposta! (Ġona 1:1-3) Madankollu, ebda wieħed minn dawn il-profeti leali u lanqas l-appostlu Pietru ma setgħu jiġu deskritti bi dritt bħala dawk li jerġgħu lura. Għala le?
4, 5. (a) Il-kuntest kif jgħinna niddeterminaw x’ried ifisser Pawlu bil-kelma “nintilfu” f’Lhud 10:39? (b) X’ried ifisser Pawlu meta qal: “Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu”?
4 Innota l-frażi sħiħa wżata minn Pawlu: “Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu.” (Korsiv tagħna.) X’ried ifisser bil-kelma “nintilfu”? Il-kelma Griega li uża tirreferi kultant għal qerda eterna. Din id-definizzjoni taqbel preċiż mal-kuntest. Pawlu kien għadu kif wissa: “Għax jekk wara li ħadna t-tagħrif sħiħ tal-verità nidinbu minn rajna, ma hemmx sagrifiċċju ieħor għad-dnub xi jsir. Jibqgħalna biss li nistennew bil-biżaʼ l-ġudizzju u l-ħuġġieġa nar li teqred l-għedewwa taʼ Alla.”—Lhud 10:26, 27.
5 Mela meta Pawlu qal lil sħabu fit-twemmin, “Aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu,” ried ifisser li hu u l-qarrejja Kristjani leali tiegħu kienu determinati li qatt ma jduru lil hinn minn Jehovah u jieqfu milli jaqduh, għax dan setaʼ jwassal biss għal qerda eterna. Ġuda l-Iskarjota kien wieħed li reġaʼ lura għal qerda bħal din, bħalma għamlu għedewwa oħrajn tal-verità li għax riedu ħadmu kontra l-ispirtu taʼ Jehovah. (Ġwann 17:12; 2 Tessalonikin 2:3) Individwi bħal dawn jinsabu fost il-“ġwejjef” li jsofru qerda eterna fil-belliegħa tan-nar simbolika. (Apokalissi 21:8) Le, aħna qatt ma se nkunu rridu li nkunu minn dawk li jerġgħu lura!
6. Satana x-Xitan liema korsa jridna nieħdu?
6 Satana x-Xitan iridna nerġgħu lura biex nintilfu. Hu jaf li korsa taʼ rovina bħal din spiss tibda b’affarijiet żgħar, għax huwa mgħallem taʼ l-“atti makakki.” (Efesin 6:11, nota taʼ taħt fin-NW) Jekk ma jirnexxilux permezz taʼ persekuzzjoni diretta, jipprova jgħawwar il-fidi tal-veri Kristjani permezz taʼ mezzi iktar sottili. Hu jrid isikket lix-Xhieda taʼ Jehovah li huma qalbiena u żelużi. Ejja naraw x’tattiċi uża kontra l-Kristjani Lhud li lilhom kiteb Pawlu.
Kif Saret Pressjoni fuq il-Kristjani biex Jerġgħu lura
7. (a) X’kienet l-istorja tal-kongregazzjoni f’Ġerusalemm? (b) X’ċirkustanzi spiritwali eżistew fil-każ taʼ xi wħud mill-qarrejja taʼ Pawlu?
7 L-evidenza tindika li Pawlu kiteb l-ittra tiegħu lil-Lhud madwar is-sena 61 E.K. Il-kongregazzjoni f’Ġerusalemm kellha storja mqallba. Wara l-mewt taʼ Ġesù, kien hemm mewġa taʼ persekuzzjoni ħarxa li minħabba fiha ħafna Kristjani fil-belt kellhom jinxterdu. Madankollu, segwa perijodu taʼ sliem, u b’hekk l-għadd taʼ Kristjani setaʼ jimmoltiplika. (Atti 8:4; 9:31) Hekk kif bdew għaddejjin is-snin, persekuzzjonijiet u tbatijiet oħrajn ġew u marru. Donnu jidher li meta Pawlu kiteb l-ittra lil-Lhud, il-kongregazzjoni għal darb’oħra kienet qed tgawdi perijodu taʼ sliem komparattiv. Iżda xorta waħda kien hemm il-pressjonijiet. Kienu għaddew kważi tletin sena mindu Ġesù kien bassar il-qerda taʼ Ġerusalemm. X’aktarx li kien hemm min ħass li t-tmiem kien ittardja bla raġuni u forsi ma kienx se jiġi f’ħajjithom. Oħrajn, speċjalment dawk li kienu iktar ġodda fil-fidi, kienu għadhom ma ġewx ittestjati bil-persekuzzjoni ħarxa u ftit li xejn kienu jafu li kellhom bżonn jissaportu taħt prova. (Lhud 12:4) Satana żgur li ttanta jieħu vantaġġ minn dawn iċ-ċirkustanzi. Liema “atti makakki” uża?
8. Ħafna Lhud liema attitudni kellhom lejn il-kongregazzjoni Kristjana li kienet ġdida u bla esperjenza?
8 Il-komunità Lhudija f’Ġerusalemm u fil-Ġudea kienet tħares bi stmerrija lejn il-kongregazzjoni Kristjana li kienet ġdida u bla esperjenza. Jekk inħarsu lejn il-kontenut taʼ l-ittra taʼ Pawlu, ikollna xi idea dwar it-tinbix li l-mexxejja reliġjużi Lhud u s-segwaċi tagħhom immiraw lejn il-Kristjani. Fil-fatt, dawn setgħu qalu: ‘Aħna għandna t-tempju l-kbir f’Ġerusalemm, li ilu wieqaf għal sekli sħaħ! Il-funzjonijiet reliġjużi huma mmexxijin minn qassis il-kbir li hu nobbli, flimkien mas-sotto-qassisin tiegħu. Is-sagrifiċċji jiġu offruti kuljum. Għandna l-Liġi, trasmessa mill-anġli lil Mosè u stabbilita b’sinjali kbar fuq il-Muntanja Sinaj. Din is-setta ġdida, dawn il-Kristjani, li apostatizzaw mill-Ġudaiżmu, m’għandhom xejn minn dan!’ Kellu dan iż-żebliħ l-effett mixtieq? Xi Kristjani Lhud b’mod evidenti kienu inkwetati bl-attakki. L-ittra taʼ Pawlu ġiet għall-għajnuna tagħhom preċiż fil-waqt.
Għala qatt m’Għandhom Jerġgħu lura biex Jintilfu
9. (a) Liema tema tiddomina fl-ittra mibgħuta lil-Lhud? (b) Il-Kristjani f’liema sens qdew f’tempju aħjar minn dak li kien hemm f’Ġerusalemm?
9 Ejja neżaminaw żewġ raġunijiet li Pawlu ta lil ħutu rġiel u nisa hemmhekk fil-Ġudea ħalli qatt ma jerġgħu lura biex jintilfu. L-ewwel waħda—is-superjorità tas-sistema taʼ qima Kristjana—tiddomina fl-ittra mibgħuta lil-Lhud. Mill-bidu sa l-aħħar taʼ l-ittra tiegħu, Pawlu żviluppa din it-tema. It-tempju f’Ġerusalemm kien biss kopja taʼ realtà ferm akbar, it-tempju spiritwali taʼ Jehovah, bini li ‘m’huwiex maħdum b’idejn il-bnedmin.’ (Lhud 9:11) Dawk il-Kristjani kellhom il-privileġġ li jaqdu f’dak l-arranġament spiritwali għall-qima safja. Huma qdew taħt patt aħjar, il-patt il-ġdid li kien ilu mwiegħed u li kellu Medjatur superjuri għal Mosè, Ġesù Kristu.—Ġeremija 31:31-34.
10, 11. (a) Id-dixxendenza taʼ Ġesù għala ma skwalifikatux milli jaqdi bħala Qassis il-Kbir fit-tempju spiritwali? (b) Ġesù b’liema modi kien Qassis il-Kbir superjuri għal dak li kien jaqdi fit-tempju taʼ Ġerusalemm?
10 Dawk il-Kristjani kellhom ukoll Qassis il-Kbir bil-wisq aħjar, Ġesù Kristu. Le, ma kienx dixxendent taʼ Aron. Pjuttost, kien Qassis il-Kbir “bħal Melkisedek.” (Salm 110:4) Melkisedek, li d-dixxendenza tiegħu ma ġietx dokumentata, kien sultan taʼ Salem tal-qedem kif ukoll il-qassis il-kbir tagħha. B’hekk, hu kien tip profetiku u xieraq taʼ Ġesù, li s-saċerdozju tiegħu ma kienx jiddependi minn xi nisel uman imperfett imma minn xi ħaġa ferm akbar—il-ħalfa t’Alla Jehovah stess. Bħal Melkisedek, Ġesù ma jaqdix biss bħala Qassis il-Kbir imma wkoll bħala Sultan, wieħed li qatt ma se jmut.—Lhud 7:11-21.
11 Barra minn hekk, kuntrarju għall-qassis il-kbir li kien jaqdi fit-tempju taʼ Ġerusalemm, Ġesù ma kellux għalfejn joffri s-sagrifiċċji sena wara l-oħra. Is-sagrifiċċju tiegħu kien il-ħajja perfetta tiegħu stess, li hu offra darba għal dejjem. (Lhud 7:27) Dawk is-sagrifiċċji kollha offruti fit-tempju kienu biss dellijiet, stampi taʼ dak li offra Ġesù. Bis-saħħa tas-sagrifiċċju perfett tiegħu, dawk kollha li eżerċitaw fidi setgħu jiksbu maħfra vera għad-dnubiet tagħhom. Taʼ inkuraġġiment ukoll huma l-kummenti taʼ Pawlu li juru li dan il-Qassis il-Kbir huwa l-istess Ġesù li ma jinbidilx u li kien magħruf mill-Kristjani f’Ġerusalemm. Kien umli, qalbu tajba, u wieħed li jistaʼ “jagħder id-dgħufija tagħna.” (Lhud 4:15; 13:8) Dawk il-Kristjani midlukin kellhom il-prospett li jaqdu bħala sotto-qassisin taʼ Kristu! Kif setaʼ biss jgħaddilhom minn moħħhom li jerġgħu lura lejn l-affarijiet “bla saħħa u bla siwi” tal-Ġudaiżmu korrott?—Galatin 4:9.
12, 13. (a) Liema hi t-tieni raġuni li pprovda Pawlu biex qatt ma nerġgħu lura? (b) Ir-rekord taʼ sabar tal-passat tagħhom għala kellu jinkuraġġihom lill-Kristjani Lhud ħalli qatt ma jerġgħu lura biex jintilfu?
12 Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, lil-Lhud Pawlu tahom it-tieni raġuni ħalli qatt ma jerġgħu lura biex jintilfu—ir-rekord taʼ sabar tagħhom stess. Hu kiteb: “Ftakru f’dawk l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux bis-sabar taqbida ħarxa.” Pawlu fakkarhom li huma kienu saru “spettaklu . . . quddiem kulħadd” għal tagħjir u ħbit. Xi wħud kienu sofrew priġunerija; oħrajn kienu ssimpatizzaw maʼ dawk li kienu fil-ħabs u appoġġawhom. Iva, kienu wrew fidi u perseveranza eżemplari. (Lhud 10:32-34) Madankollu, Pawlu għala talabhom biex jibqgħu ‘jiftakru’ dawn l-esperjenzi taʼ wġigħ? Ma kienx skuraġġanti dan?
13 Għall-kuntrarju, il-fatt li ‘jiftakru f’dawk l-ewwel jiem’ kien se jfakkar lil-Lhud dwar kif Jehovah kien wiżinhom taħt prova. Bl-għajnuna tiegħu, kienu diġà rreżistew ħafna mill-attakki taʼ Satana. Kiteb Pawlu: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu.” (Lhud 6:10) Iva, Jehovah ftakar ix-xogħlijiet leali kollha tagħhom, billi żammhom maħżunin fil-memorja bla limitu tiegħu. Hawnhekk niġu mfakkrin fit-twissija taʼ Ġesù biex naħżnu teżori fis-sema. Ebda ħalliel ma jistaʼ jisraqhom dawn it-teżori; ebda kamla jew sadid ma jistgħu jikluhom. (Mattew 6:19-21) Fil-fatt, dawn it-teżori jistgħu jinqerdu biss jekk Kristjan jerġaʼ lura biex jintilef. B’dan l-aġir ikun qed iġib fix-xejn it-teżori kollha li jkun ħażen fis-sema. X’raġuni qawwija tahom Pawlu lill-Kristjani Lhud biex qatt ma jsusu wara din il-korsa! Għala għandhom jaħlu s-snin kollha tagħhom taʼ servizz leali? Ikun sewwa u ferm aħjar li jibqgħu jistabru.
Għala qatt m’Għandna Nerġgħu lura biex Nintilfu
14. Liema sfidi niffaċċjaw li huma simili għal dawk li ffaċċjaw il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu?
14 Il-Kristjani veri llum għandhom raġunijiet daqstant qawwijin biex ma jerġgħux lura. L-ewwel, ejja niftakru x’barka għandna fil-forma taʼ qima safja li tana Jehovah. Bħall-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, aħna qegħdin ngħixu fi żmien meta membri tar-reliġjonijiet iktar popolari jiddieħqu bina u jwaqqgħuna għaċ-ċajt, billi jippontaw subgħajhom bi kburija lejn il-bini reliġjuż u impressjonanti tagħhom u l-antikità tat-tradizzjonijiet tagħhom. Iżda Jehovah jassigurana li hu japprova l-forma taʼ qima tagħna. Fil-fatt, aħna llum ingawdu barkiet li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ma kellhomx. Forsi tistaqsi, ‘Kif jistaʼ jkun?’ Wara kollox, huma għexu meta beda jopera t-tempju spiritwali. Kristu sar il-Qassis il-Kbir tiegħu meta tgħammed fis-sena 29 E.K. Xi wħud minnhom kienu raw lill-Iben t’Alla jagħmel il-mirakli. Saħansitra wara mewtu, kien hemm iktar mirakli. Iżda bħalma tbassar, doni bħal dawn eventwalment waqfu.—1 Korintin 13:8.
15. Il-Kristjani veri llum qegħdin jgħixu fi żmien it-twettiq taʼ liema profezija, u dan x’ifisser għalina?
15 Madankollu, aħna qegħdin ngħixu fi żmien meta l-profezija estensiva tat-tempju li tinsab f’Eżekjel kapitli 40-48 qegħda titwettaq b’mod sinjifikanti.a B’hekk, rajna r-restawr taʼ l-arranġament t’Alla għall-qima safja. Dak it-tempju spiritwali tnaddaf minn kull forma taʼ tniġġis u idolatrija reliġjużi. (Eżekjel 43:9; Malakija 3:1-5) Aħseb ftit dwar il-vantaġġi li ksibna minn dan it-tindif.
16. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu liema xejra skuraġġanti ffaċċjaw?
16 Matul l-ewwel seklu, il-futur deher li kien mudlam għall-kongregazzjoni Kristjana organizzata. Ġesù kien bassar li kien se jiġri li għalqa li kienet għadha kif inżergħet bil-qamħ inżergħet ukoll bis-sikrana, u b’hekk wieħed kważi ma setax jiddistingwi l-qamħ mis-sikrana. (Mattew 13:24-30) U hekk ġara. Sat-tmiem taʼ l-ewwel seklu, meta l-appostlu xwejjaħ Ġwanni kien qed jaġixxi bħala l-aħħar rażna kontra l-korruzzjoni, l-apostasija kienet diġà qed tiffjorixxi. (2 Tessalonikin 2:6; 1 Ġwann 2:18) Ftit wara l-mewt taʼ l-appostli nħolqot klassi tal-kleru separata li għakkset lill-merħla, u libset ilbies distintiv. L-apostasija xterdet bħal kankru. Kemm kien skuraġġanti dan għall-Kristjani leali! Dawn raw forma korrotta tieħu post l-arranġament għall-qima safja li kien għadu kif ġie stabbilit. Dan żviluppa f’inqas minn seklu wara li Kristu sejjes il-kongregazzjoni.
17. Il-kongregazzjoni Kristjana taʼ żmienna f’liema sens damet teżisti iktar mill-pariġġ tagħha taʼ l-ewwel seklu?
17 Issa, ikkunsidra kuntrast. Illum, il-qima safja diġà damet iktar mill-perijodu sakemm mietu l-appostli! Minn dakinhar li ġiet pubblikata l-ewwel ħarġa taʼ din ir-rivista lura fl-1879, Jehovah berikna b’qima li dejjem issir iktar u iktar safja. Jehovah u Kristu Ġesù daħlu fit-tempju spiritwali fl-1918 biex inaddfuh. (Malakija 3:1-5) Mill-1919 ’l hawn, l-arranġament biex wieħed iqim lil Alla Jehovah ġie rfinut progressivament. Il-mod kif nifhmu ċerti profeziji u prinċipji tal-Bibbja sar iktar u iktar ċar. (Proverbji 4:18) Lil min għandu jingħata l-kredtu? Mhux lil sempliċi bnedmin imperfetti. Jehovah biss, b’Ibnu bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, setaʼ jipproteġi lill-poplu Tiegħu mill-korruzzjoni matul dawn iż-żminijiet korrotti. Ejja qatt ma nonqsu, allura, milli nirringrazzjaw lil Jehovah talli jħallina nieħdu parti fil-qima safja llum. U ejja nkunu deċiżi b’mod sod li qatt ma nerġgħu lura biex nintilfu!
18. Liema raġuni għandna ħalli qatt ma nerġgħu lura biex nintilfu?
18 Bħal dawk il-Kristjani Lhud, għandna raġuni oħra għala għandna nirrifjutaw korsa taʼ ġifa taʼ li nerġgħu lura biex nintilfu—ir-rekord taʼ sabar tagħna stess. Kemm jekk bdejna naqdu lil Jehovah dan l-aħħar u kemm jekk ilna nagħmlu dan fedelment għal għaxriet taʼ snin, bnejna rekord taʼ xogħlijiet Kristjani. Ħafna minna sofrew il-persekuzzjoni, kemm jekk kienet priġunerija, projbizzjoni, brutalità, jew telf taʼ propjetà. Ħafna iktar iffaċċjaw oppożizzjoni minn tal-familja, żebliħ, twaqqigħ għaċ-ċajt, u indifferenza. Ilkoll kemm aħna ssaportejna, billi komplejna fis-servizz leali tagħna lejn Jehovah minkejja l-isfidi u t-testijiet tal-ħajja. Billi għamilna hekk, bnejna rekord taʼ perseveranza li Jehovah mhux se jinsieh, maħżen taʼ teżori fis-sema. Ċertament, mela, dan m’huwiex iż-żmien biex nerġgħu lura lejn is-sistema qadima u korrotta li ħallejna warajna! Għalfejn għandna nġibuh ma jiswa xejn ix-xogħol iebes kollu tagħna? Dan huwa speċjalment veru llum, meta “ftit ieħor, ftit ħafna” biss għad baqaʼ qabel it-tmiem.—Lhud 10:37.
19. X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
19 Iva, ejja nkunu deċiżi li “m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu”! Minflok, ejja nkunu “minn dawk li jemmnu.” (Lhud 10:39) Kif nistgħu nkunu ċerti li niffittjaw f’dik id-deskrizzjoni, u kif nistgħu ngħinu lil Kristjani sħabna biex jagħmlu l-istess ħaġa? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra din il-kwistjoni.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa, taʼ l-1 taʼ Marzu, 1999, paġni 8-23.
Tiftakar Int?
◻ X’ifisser li terġaʼ lura biex tintilef?
◻ Liema pressjonijiet kienu qed jgħakksu lill-Kristjani Lhud li lilhom kiteb Pawlu?
◻ Pawlu liema raġunijiet tahom lil-Lhud ħalli ma jerġgħux lura biex jintilfu?
◻ Liema raġunijiet għandna biex inkunu deċiżi li qatt ma nerġgħu lura biex nintilfu?
[Stampi f’paġna 15]
Il-fatt li Pietru ċeda minħabba l-biżaʼ m’għamlux minn ‘dawk li jerġgħu lura, biex jintilfu’